Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-6 ta' Mejju 2013

Regoli aktar intelliġenti għal ikel aktar sikur: Il-Kummissjoni tipproponi pakkett importanti biex timmodernizza, tissimplika u ssaħħaħ il-katina agroalimentari fl-Ewropa

Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat pakkett ta’ miżuri biex issaħħaħ l-infurzar tal-istandards tas-saħħa u tas-sikurezza tal-katina agroalimentari kollha. Is-sikurezza tal-ikel hija essenzjali biex jiġu żgurati l-fiduċja tal-konsumaturi u s-sostenibbiltà tal-produzzjoni tal-ikel.

Il-pakkett ta’ miżuri jipprovdi approċċ modernizzat u simplifikat, aktar orjentat lejn ir-riskji għall-protezzjoni tas-saħħa u għodod ta’ kontroll aktar effiċjenti biex tkun żgurata l-applikazzjoni effettiva tar-regoli li jiggwidaw il-funzjonament tal-katina alimentari.

Il-pakkett huwa reazzjoni għas-sejħa għal aktar simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni u għal regolamentazzjoni aktar intelliġenti biex b’hekk jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-operaturi u jiġi ssimplifikat l-ambjent regolatorju. Qed tingħata kunsiderazzjoni speċjali lill-impatt ta’ din il-leġiżlazzjoni fuq l-SMEs u l-intrapriżi mikro li huma eżentati mill-aspetti kumplessi u li jiswew l-aktar fil-leġiżlazzjoni.

Il-korp tal-leġiżlazzjoni attwali tal-UE, dwar il-katina alimentari jikkonsisti minn kważi 70 att ta' leġiżlazzjoni. Bis-saħħa tal-pakkett tar-riforma tal-lum dawn se jonqsu għal 5 atti ta’ leġiżlazzjoni u se titnaqqas ukoll il-burokrazija dwar il-proċessi u l-proċeduri għall-bdiewa, għal dawk li jrabbu l-annimali u għall-operaturi tan-negozji tal-ikel (il-produtturi, il-proċessuri u d-distributuri) sabiex ikun faċli għalihom biex iwettqu l-attività professjonali tagħhom.

Tonio Borg, il-Kummissarju għas-Saħħa u l-Konsumaturi, qal: "L-industrija agroalimentari tikkostitwixxi t-tieni l-akbar settur tal-UE, timpjega aktar minn 48 miljun persuna u tiswa madwar EUR 750 biljun fis-sena. L-Ewropa għandha l-ogħla standards ta’ sikurezza tal-ikel fid-dinja. Madankollu, l-iskandlu reċenti tal-laħam taż-żiemel wera li hemm lok għal titjib, anke jekk għadu ma tfaċċa l-ebda riskju għas-saħħa. Il-pakkett tal-lum ta' riformi jasal f’mument opportun billi juri li s-sistema tista’ twieġeb għall-isfidi; Il-pakkett jinkorpora wkoll uħud mit-tagħlimiet miksuba. Fi ftit kliem, il-pakkett għandu l-għan li jipprovdi regoli aktar intelliġenti għal ikel aktar sikur”.

In-negozji se jibbenefikaw minn regoli aktar sempliċi, u bbażati fuq ix-xjenza u fuq ir-riskju f’termini ta’ piż amministrattiv imnaqqas, ta' proċessi aktar effiċjenti u ta' miżuri għall-iffinanzjar u t-tisħiħ tal-kontroll u l-qerda tal-mard tal-annimali u tal-pesti tal-pjanti. Il-konsumaturi se jibbenefikaw minn prodotti aktar sikuri u minn sistema ta’ kontrolli aktar effettiva u aktar trasparenti tul il-katina.

Elementi ewlenin tal-proposta

Kontrolli uffiċjali

  1. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-ħtieġa li jissaħħu l-istrumenti disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri biex jivverifikaw il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE fuq il-post (permezz ta’ kontrolli, spezzjonijiet u testijiet).

  2. L-iskandli riċenti tal-ikel urew għal darb’oħra l-bżonn ta' azzjoni aktar effettiva min-naħa ta’ awtoritajiet tal-infurzar għall-protezzjoni tal-konsumaturi u bl-istess mod tal-operaturi onesti mir-riskji (ukoll f’termini ekonomiċi) li jistgħu jirriżultaw mill-ksur tar-regoli tul il-katina.

  3. Ir-regoli l-ġodda jsegwu approċċ aktar ibbażat fuq ir-riskji biex b’hekk l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jiffokaw ir-riżorsi tagħhom fuq kwistjonijiet aktar relevanti.

  4. Is-sistema attwali ta’ tariffi biex tiġi ffinanzjata l-implimentazzjoni effettiva ta’ dawn il-kontrolli fi ħdan sistema sostenibbli tul il-katina sħiħa se tiġi estiża għal setturi oħra fil-katina li bħalissa ma jħallsu l-ebda imposti.

  5. Sabiex il-kompetittività tagħhom ma tkunx affettwata, il-mikrointrapriżi se jiġu eżentati minn dawn il-ħlasijiet, iżda mhux mill-kontrolli.

  6. L-Istati Membri se jintalbu wkoll jintegraw kompletament il-kontrolli kontra l-frodi fil-pjanijiet ta’ kontroll nazzjonali tagħhom u jassiguraw li l-penalitajiet finanzjarji f’dawn il-każijiet ikunu stabbiliti f’ammonti verament dissważivi.

Saħħa tal-annimali

  1. Il-pakkett se jintroduċi test uniku ta' leġiżlazzjoni li tirregola s-saħħa tal-annimali fl-UE bbażata fuq il-prinċipju li “il-prevenzjoni hija aqwa mill-kura”.

  2. Il-pakkett jimmira biex itejjeb l-istandards u biex jipprovdi sistema komuni aktar effikaċi għall-iskoperta u għall-kontroll tal-mard u li tindirizza r-riskji ta' sikurezza tas-saħħa, tal-ikel u tal-għalf b’mod koordinat. 

  3. Din is-sistema msaħħa b’regoli aħjar dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni, se tagħti lil dawk li qed jaħdmu biex jipproteġu l-katina alimentari tagħna, bħall-bdiewa u l-veterinarji, il-kapaċità li jirreaġixxu b’mod rapidu u li jillimitaw it-tixtrid tal-marda u jimminimizzaw l-impatt tagħha fuq il-bhejjem, u fuq il-konsumaturi.

  4. Barra minn hekk, tintroduċi l-kategorizzazzjoni/il-prijoritizzazzjoni ta’ mard, li jkunu jeħtieġu intervent fil-livell tal-UE. B'hekk, din tippermetti approċċ aktar ibbażat fuq ir-riskji u l-użu xieraq tar-riżorsi

  5. Qed tingħata flessibilità suffiċjenti għall-aġġustament tal-miżuri tas-saħħa tal-annimali skont id-daqsijiet u t-tipi differenti ta’ stabbilimenti (eż. intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, azjendi bi skop ta' rikreazzjoni, eċċ.) u skont iċ-ċirkostanzi lokali diversi b’mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni u l-approvazzjoni għall-istabbilimenti u għaż-żamma ta’ annimali u ta' prodotti.

  6. Fuq livell aktar mifrux il-liġi teħtieġ li tkun flessibbli u robusta biżżejjed biex tipprevedi għal reazzjoni effettiva tal-UE kollha kemm hi fil-każ ta’ tibdil importanti fil-klima u b'hekk tagħtina l-għodda biex nindirizzaw ir-riskji emerġenti ġodda u mhux magħrufin sabiex inkunu nistgħu naġġustaw malajr għall-iżviluppi xjentifiċi ġodda u għal standards internazzjonali.

Saħħa tal-pjanti

  1. Il-valur ta’ uċuh tar-raba’ mkabbra fl-UE jammonta għal €205 biljun fis-sena. Mingħajr il-protezzjoni tar-regoli dwar is-saħħa tal-pjanti dan is-settur isofri ħsara ekonomika severa.

  2. L-agrikoltura tal-Ewropa, il-foresti u l-wirt naturali tagħha qed jiġu mhedda minn insetti u minn mard li jattakkaw il-pjanti. L-introduzzjoni ta’ speċijiet ġodda ta' organiżmi ta’ ħsara żdiedet bħala riżultat tal-globalizzazzjoni tal-kummerċ u tat-tibdil fil-klima.

  3. Biex jiġi evitat l-istabbiliment ta' pesti ġodda fl-UE u biex jitħarsu kemm il-produtturi li jkabbru l-pjanti kif ukoll is-settur tal-forestrija, il-Kummissjoni tipproponi titjib fir-reġim eżistenti dwar is-saħħa tal-pjanti

  4. L-attenzjoni se tiġi ffokata aktar fuq il-kummerċ b'riskju għoli li ġej minn pajjiżi terzi u fuq it-traċċabilità akbar ta’ materjal ta’ taħwil fis-suq intern

  5. Il-leġiżlazzjoni tintroduċi wkoll sorveljanza aħjar u eradikazzjoni bikrija ta’ tifqigħat ta’ speċijiet ġodda ta' organiżmi ta’ ħsara u l-kumpens finanzjarju għall-produtturi milquta minn tali organiżmi ta’ kwarantina li jagħmlu l-ħsara.

Materjal riproduttiv tal-pjanti (inkluż iż-żerriegħa)

  1. 60 % tal-valur dinji tal-esportazzjoni taż-żerriegħa joriġina mill-UE.

  2. Il-pakkett jipprovdi regoli iktar simplifikati u flessibbli għat-tqegħid fis-suq taż-żerriegħa u tal-materjal riproduttiv ieħor tal-pjanti bil-għan li jiġu assigurati l-produttività, l-adattabilità u d-diversità tal-produzzjoni tal-uċuħ tar-raba’ u tal-foresti tal-Ewropa u biex il-kummerċ tagħhom jiġi ffaċilitat.

  3. L-għażla wiesgħa ta’ materjal u r-rekwiżiti mtejba tal-ittestjar se jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-bijodiversità u għat-tnissil orjentat lejn l-agrikoltura sostenibbli.

  4. L-użu ta’ żerriegħa f’ġonna privati mhix koperta mil-leġiżlazzjoni tal-UE u ġardinara privati jistgħu jkomplu jixtru kwalunkwe materjal tal-pjanti u jbigħu ż-żerriegħa tagħhom fi kwantitajiet żgħar. Barra minn hekk, se jiġi ċċarat li kwalunkwe persuna mhux professjonist (pereż. ġardinara privati) jistgħu jiskambjaw żerriegħa ma' ġardinara privati oħrajn mingħajr ma jkunu soġġetti għar-regoli tar-Regolament propost.

  5. L-għan tal-leġiżlazzjoni hu l-introduzzjoni ta' għażla usa’ għall-utenti li b'dan il-mod tinkludi varjetajiet ġodda mtejba u ttestjati, materjal li ma jissodisfax id-definizzjoni tal-varjetà (materjal eteroġenu), varjetajiet tradizzjonali u materjal tas-swieq speċjalizzati.

  6. Madankollu r-regoli l-ġodda, f’konformità mal-aġenda ta’ regolamentazzjoni aħjar tal-Kummissjoni, iqisu t-tip ta’ materjal, il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni u l-kobor tan-negozju involut. Għalhekk għall-varjetajiet tradizzjonali antiki u għall-materjal eteroġenu, hemm biss dawn ir-regoli mnaqqsa. Dawn il-kategoriji huma eżentati mit-testijiet u mir-rekwiżiti l-oħra tal-leġiżlazzjoni.

  7. Barra minn hekk, il-piż amministrattiv jitnaqqas għall-mikrointrapriżi li jistgћu jqiegħdu fis-suq kwalunkwe tip ta’ materjal bħala “materjal ta' suq speċjalizzat’ mingħajr reġistrazzjoni.

  8. L-intrapriżi mikro huma wkoll ġeneralment eżentati mill-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni

Passi li jmiss

Istituzzjonijiet oħra tal-UE, inklużi l-Parlament Ewropew u l-Kunsill se jikkunsidraw il-pakkett ta’ miżuri tal-Kummissjoni u se jadottaw il-pożizzjonijiet tagħhom meta jkun il-waqt. F’dan l-istadju, jista’ jiġi stmat li l-pakkett se jidħol fis-seħħ fl-2016.

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/dgs/health_consumer/animal-plant-health-package

MEMO/13/398

Segwina fuq Twitter:

@EU_Consumer

Kuntatti:

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website