Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Id-dibattitu dwar il-Futur tal-Ewropa: Il-Viċi President Reding tmexxi Djalogu taċ-Ċittadini fi Brussell

Commission Européenne - IP/13/397   03/05/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-3 ta' Mejju 2013

Id-dibattitu dwar il-Futur tal-Ewropa: Il-Viċi President Reding tmexxi Djalogu taċ-Ċittadini fi Brussell

Hekk kif id-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa u l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika qed iżidu l-pass, il-Kummissjoni Ewropea qed tmur fi bliet Ewropej differenti biex tisma' liċ-ċittadini, it-tħassib tagħhom u t-tamiet għall-futur. Fl-4 ta’ Mejju 2013, il-Viċi-President Viviane Reding se tkun fi Brussell biex ikollha dibattitu ma' iktar minn 300 ċittadin flimkien mal-Ministru-President tar-Reġjun ta' Brussell-Kapitali Charles Picqué.

“Naf li l-Belġjani u l-Ewropej b’mod ġenerali huma inkwetati dwar il-futur, l-impatti tal-kriżi u s-sitwazzjoni tal-impjieg tagħhom. Matul id-Djalogu taċ-Ċittadini fi Brussell nixtieq nisma' dan it-tħassib. L-Ewropa hija bbażata fuq is-solidarjetà u l-UE qiegħda tappoġġa lill-Belġju, u membri oħra tal-familja Ewropea, matul dawn iż-żminijiet diffiċli." qalet il-Viċi President Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza. “Huwa ta' inkoraġġiment li nara li l-Belġjani jikkunsidraw lill-UE bħala fl-aqwa pożizzjoni biex tindirizza l-kriżi attwali. Nistenna bil-ħerqa li nisma’ aktar ideat ġodda mingħand iċ-ċittadini għada. Ħu sehem, staqsi l-mistoqsija tiegħek.”

Dan id-djalogu taċ-ċittadini fi Brussell se jkun il-qofol ta’ “Jum ta’ Djalogu” li matulu l-UE se tiftaħ il-bibien tagħha liċ-ċittadini. Il-Viċi President Reding se titkellem fil-ftuħ taċ-ċentru tal-viżitaturi rilokat tal-Kummissjoni u matul il-"Jum tal-Bibien Miftuħa" tal-UE (IP/13/386). Barra minn hekk, il-Kummissjoni se torganizza aktar minn 10 avvenimenti oħra madwar Brussell, fejn tinkoraġġixxi lin-nies biex jaqsmu l-ideat tagħhom għall-ġejjieni tal-Ewropa.

Ċittadini minn madwar il-Belġju se jipparteċipaw fid-Djalogu ta’ Brussell flimkien ma' Membri tal-Parlament Ewropew, mexxejja kummerċjali Belġjani u rappreżentanti tal-kultura. Id-djalogu se jkun ippresedut minn Hakima Darhmouch (RTL) u Rob Heirbaut (VRT). F’siegħa u nofs huwa se jkopri tliet oqsma tematiċi: il-kriżi ekonomika, id-drittijiet taċ-ċittadini u l-ġejjieni tal-Ewropa.

Id-dibattitu se jsir bejn is-14:30-16:00, f'La Tentation, Rue de Laeken 28 1000 Bruxelles.

Id-dibattitu jista’ jiġi segwit dirett permezz ta’ web stream. Ċittadini mill-Ewropa kollha jistgħu jipparteċipaw ukoll permezz ta’ Twitter billi jużaw il-hashtag #EUDeb8.

Żewġ dibattiti dwar il-futur tal-Ewropa fil-Belġju diġà seħħew f’Ghent mal-Kummissarju Ewropew għall-Kummerċ Karel De Gucht u f’Eupen (fit-23 ta’ April) mal-Kummissarju għall-Politika Reġjonali Johannes Hahn. Id-dibattiti li jmiss se jsiru f’Antwerp (fit-8 ta’ Mejju), f'Namur (fit-13 ta’ Settembru) u fi Liège (fis-17 ta’ Ottubru) ma’ diversi Kummissarji inkluż il-President Barroso.

Kuntest

X'inhuma d-djalogi maċ-ċittadini?

F'Jannar, il-Kummissjoni Ewropea nediet is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini (IP/13/2), sena dedikata għaċ-ċittadini u d-drittijiet tagħhom. Matul is-sena, membri tal-Kummissjoni se jkollhom dibattiti maċ-ċittadini dwar l-aspettattivi tagħhom għall-futur waqt id-Djalogi maċ-Ċittadini (laqgħat fis-swali ċentrali tal-ibliet) madwar l-UE kollha.

Il-Viċi President Reding diġà kellha dibattiti f'Cádiz (Spanja), fi Graz (l-Awstrija), f'Berlin (il-Ġermanja), f'Dublin (l-Irlanda), f'Coimbra (l-Portugall) u f'Thessaloniki (l-Greċja). Matul l-2013 se jsiru ħafna aktar Djalogi madwar l-Unjoni Ewropea kollha - li se jaraw lill-politiċi Ewropej, nazzjonali u lokali jinvolvu ruħhom f’dibattitu maċ-ċittadini mill-oqsma kollha tal-ħajja. Tista’ ssegwi d-Djalogi kollha hawnhekk: http://ec.europa.eu/european-debate.

Mill-introduzzjoni taċ-Ċittadinanza tal-UE 20 sena ilu saru ħafna kisbiet: Stħarriġ ġdid ippubblikat mill-UE juri li llum 63% taċ-ċittadini jħossuhom “Ewropej”. Fil-Belġju, din iċ-ċifra hija kemmxejn ogħla, jiġifieri 68% (ara l-Anness).

Madwar l-UE, iċ-ċittadini qed jużaw id-drittijiet tagħhom ta’ kuljum. Imma n-nies mhumiex dejjem konxji minn dawn id-drittijiet. Pereżempju, madwar sitta minn kull għaxar Belġjani jgħidu li mhumiex infurmati tajjeb dwar id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-UE.

Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni ddikjarat l-2013 bħala s-Sena Ewropea taċ-Ċittadini, sena dedikata għaċ-ċittadini u d-drittijiet tagħhom. Id-Djalogi taċ-Ċittadini jinsabu fil-qalba ta’ din is-sena.

Għaliex il-Kummissjoni qed tagħmel dan issa?

Għaliex illum l-Ewropa tinsab f’salib it-toroq. Il-futur tal-Ewropa huwa fuq fomm kulħadd – u hemm ħafna li qed jitkellmu dwar unjoni politika, Federazzjoni ta’ Stati Nazzjon jew Stati Uniti tal-Ewropa. Ix-xhur u s-snin li ġejjin se jkunu deċiżivi għad-direzzjoni futura tal-Unjoni Ewropea. Aktar integrazzjoni Ewropea trid timxi id f’id mat-tisħiħ tal-leġittimità demokratika tal-Unjoni

X’se jkunu l-eżiti tad-Djalogi?

Ir-rispons mingħand iċ-ċittadini matul id-Djalogi għandu jgħin biex jiggwida lill-Kummissjoni waqt li tfassal pjanijiet għal riforma futura tal-UE. Wieħed mill-iskopijiet ewlenin tad-djalogi se jkun li titħejja l-bażi għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2014.

Matul is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini, fit-8 ta' Mejju 2013, il-Kummissjoni se tippubblika t-tieni Rapport dwar iċ-ċittadinanza tal-UE, li se jevalwa l-25 azzjoni deskritti fl-2010 u se jiddeskrivi 12-il azzjoni konkreta ġdida biex jiġu indirizzati l-problemi li fadal u li ċ-ċittadini tal-UE għadhom jaffaċċaw. Il-kwistjonijiet imqajma matul il-konsultazzjoni pubblika onlajn u matul id-Djalogi se jintużaw f'dan ir-rapport u se jiffurmaw il-politika tal-Kummissjoni dwar iċ-ċittadinanza.

Għal aktar informazzjoni

Aktar informazzjoni dwar id-Djalogu ta’ Brussell:

http://ec.europa.eu/belgium/events/130405_debates_fr.htm

Dibattiti maċ-ċittadini dwar il-Futur tal-Ewropa:

http://ec.europa.eu/european-debate

Is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini:

http://europa.eu/citizens-2013

L-Ewropej jgħidu tagħhom: Riżultati tal-konsultazzjoni dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE:

http://ec.europa.eu/justice/citizen/files/eu-citizen-brochure_en.pdf

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President u l-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/reding

Segwi lill-Viċi-President fuq Twitter: @VivianeRedingEU

Biex tikkontribwixxi għad-dibattitu fuq Facebook: http://www.facebook.com/ECrepBE u fuq twitter: @EU4BE #EUdeb8

Persuni ta' kuntatt:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)

ANNESS

1. Il-Belġjani jgħidu li l-UE qiegħda fl-aħjar pożizzjoni biex tieħu azzjoni effettiva kontra l-kriżi

2. Sebgħa minn kull għaxar Belġjani jħossuhom ċittadini tal-UE, iżda biss erbgħa minn kull għaxra jafu dan xi jfisser

3. Il-Belġjani jħarsu lejn l-Euro bħala l-aktar riżultat pożittiv tal-UE


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site