Navigation path

Left navigation

Additional tools

Tbassir għar-Rebbiegħa tal-2013: L-ekonomija tal-UE — qiegħda bil-mod tirkupra minn riċessjoni fit-tul

European Commission - IP/13/396   03/05/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-3 ta' Mejju 2013

Tbassir għar-Rebbiegħa tal-2013: L-ekonomija tal-UE — qiegħda bil-mod tirkupra minn riċessjoni fit-tul

Wara r-riċessjoni li mmarkat l-2012, l-ekonomija tal-UE hija mistennija li tistabbilizza fl-ewwel nofs tal-2013. It-tkabbir fil-PDG huwa projettat li gradwalment isir pożittiv fit-tieni nofs tas-sena qabel ma jaqbad ir-ritmu fl-2014. Billi d-domanda domestika għadha mxekkla minn għadd ta' impedimenti li huma tipiċi tal-perjodi li jsegwu kriżijiet finanzjarji profondi, id-domanda esterna hija mistennija li tkun l-ixprun ewlieni tat-tkabbir matul din is-sena. Il-piż fuq il-konsum u l-investiment privati huwa mistenni jonqos gradwalment, u jiġi segwit minn irkupru modest sostnut domestikament is-sena d-dieħla. Din il-previżjoni għadha bbażata fuq is-suppożizzjoni li t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-politika se timpedixxi li l-kriżi tad-dejn sovran terġa' tintensifika ruħha.

It-tkabbir annwali fil-PGD għal din is-sena huwa mbassar li jkun ta' -0,1 fl-UE u ta' -0,4 fiż-żona tal-euro. Għall-2014, l-attività ekonomika hija mistennija li tespandi b' 1,4% fl-UE u b'1,2% fiż-żona tal-euro.

Olli Rehn, il-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Euro, qal: "Fid-dawl tar-riċessjoni fit-tul, jenħtieġ li nagħmlu dak kollu li huwa meħtieġ sabiex negħlbu l-kriżi tal-qgħad fl-Ewropa. It-taħlita tal-politika tal-UE hija ffukata fuq it-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi. Il-konsolidazzjoni fiskali qed tkompli, iżda l-pass tagħha qed jonqos. B'mod parallel, ir-riformi strutturali jenħtieġ li jiġu intensifikati sabiex jiġi xprunat it-tkabbir fl-Ewropa.”

Il-piżijiet fuq id-domanda domestika qed jonqsu bil-mod

Fil-preżent, l-investiment u l-konsum domestiku għadhom qed jinżammu lura mill-aġġustament fil-karti tal-bilanċ u restrizzjonijiet ta' forniment ta' kreditu f'xi pajjiżi, l-aspettattivi baxxi dwar profitti u dħul futuri, kif ukoll inċertezza kbira dwar il-prospetti ekonomiċi. Filwaqt li s-sitwazzjoni fis-swieq finanzjarji tjiebet b'mod sinifikanti u għall-UE kollha kemm hi r-rati tal-imgħax naqsu, l-impatt ta' dan għadu ma laħaqx l-ekonomija reali. Sa issa hemm biss sinjali dgħajfa ta' tnaqqis tal-frammentazzjoni finanzjarja madwar l-Istati Membri, u l-intrapriżi f'ekonomiji vulnerabbli għadhom qed jiffaċċjaw kundizzjonijiet ta' kreditu ibsin.

L-aġġustament tal-iżbilanċi esterni u interni qed jagħmel progress, u għadd ta' Stati Membri vulnerabbli huma mistennija li jirreġistraw bilanċi pożittivi fil-kontijiet kurrenti tagħhom din is-sena, hekk kif tjiebet il-profittabbiltà tas-settur tal-esportazzjoni. Madankollu, għalkemm id-diżingranaġġ tad-dejn għadu għaddej, x'aktarx dan se jibqa' piż fuq it-tkabbir matul il-perjodu kopert minn dan it-tbassir. Barra minn hekk, id-dgħufija tas-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol hija mistennija li tkun ta' piż fuq il-konsum privat. Kollox ma' kollox, it-tkabbir fid-domanda domestika huwa għalhekk previst li jibqa' modest matul il-perjodu kopert minn dan it-tbassir.

L-irkupru tal-attività ekonomika huwa mistenni li jkun bil-mod wisq biex inaqqas il-qgħad. Il-qgħad huwa previst li jilħaq il-11% fl-UE u t-12% fiż-żona tal-euro fl-2013 u li jistabbilizza f'dawn il-livelli fl-2014, filwaqt li d-differenzi bejn l-Istati Membri huma mistennija li jibqgħu kbar ħafna. L-impjiegi huma mistennija li jonqsu fl-2013 hekk kif l-impatt imdewwem tar-reċessjoni tal-2012 jibqa' jinħass. Sal-2014, madankollu, tkabbir tal-PDG aktar dinamiku huwa mistenni li jibda jġib titjib fl-impjiegi.

L-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-konsumaturi kompliet tonqos f'dawn l-aħħar xhur, peress li l-impatt fuq l-inflazzjoni ta' żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija li seħħew fil-passat qiegħed jonqos. It-tnaqqis gradwali tal-inflazzjoni mistenni li jkompli din is-sena, u issa l-inflazzjoni hija pprojettata li tkun ta' 1,8% fl-UE u ta' 1,6% fiż-żona tal-euro fl-2013, u li tistabbilizza fil-livell ta' 1,7% u 1,5%, rispettivament, fl-2014.

Il-konsolidament strutturali fiskali qed jagħmel progress aktar gradwali

It-tnaqqis fid-defiċits tal-amministrazzjoni pubblika huwa mistenni li jkompli. Id-defiċits fiskali ewlenin huma mbassra li jaqgħu għal -3,4% fl-UE u -2,9% fiż-żona tal-euro fl-2013. Ir-ritmu tal-konsolidazzjoni f'termini ta' bilanċi baġitarji strutturali huwa mistenni li jkun aktar kajman milli fl-2012. Fid-dawl ta' prospetti dgħajfa għall-attività ekonomika, huwa mistenni li l-proporzjonijiet tad-dejn mal-PDG jilħqu d-89,8% din is-sena fl-UE u l-95,5% fiż-żona tal-euro.

Filwaqt li r-riskji għall-prospettivi ekonomiċi saru aktar ibbilanċjati bis-saħħa ta' deċiżjonijiet politiċi importanti mis-sajf li għadda ‘l hawn, għad hemm riskji negattivi. Livelli għoljin ħafna ta' qgħad f'xi Stati Membri jistgħu jaffettwaw il-koeżjoni soċjali u jsiru persistenti jekk ma jsirux aktar riformi. B'mod aktar ġenerali, l-implimentazzjoni effettiva ta' miżuri u politiki ta' aġġustament sabiex tissaħħaħ l-arkitettura tal-UEM tibqa' kruċjali biex jiġi evitat li jerġa' jirritorna l-istress fis-swieq finanzjarji. Fuq nota pożittiva, is-sitwazzjoni mtejba tas-suq finanzjarju jew progress iżjed mgħaġġel milli mistenni fl-aġġustament u r-riformi jistgħu jippermettu ritorn iktar mgħaġġel tal-fiduċja u javvanzaw l-irkupru. It-tkabbir globali jista' jkun aktar dinamiku milli mistenni, pereżempju minħabba l-miżuri ta' espansjoni riċenti. Ir-riskji li hemm għall-perspettiva tal-inflazzjoni għadhom fil-biċċa l-kbira bbilanċjati.

Ir-rapport dettaljat jinsab fuq:

http://ec.europa.eu/economy_finance/eu/forecasts/2013_spring_forecast_en.htm

Persuni ta' kuntatt:

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)

Vandna Kalia (+32 2 299 58 24)

Simon O'Connor (+32 2 296 73 59)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website