Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-29 ta' April 2013

Il-Kummissjoni tappella għall-kooperazzjoni biex tingħata spinta lill-akkwakultura sostenibbli fl-Ewropa

Biex tingħata spinta lill-iżvilupp tal-akkwakultura tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet linji gwida strateġiċi biex b’hekk tikkoopera mal-Istati Membri u l-partijiet interessati biex jingħelbu l-isfidi li qed iħabbat wiċċu magħhom dan is-settur. Is-settur tal-akkwakultura tal-UE għandu potenzjal sinifikanti ta’ tkabbir u jista’ jgħin biex ir-riżorsi tal-baħar ma jiġux sfruttati ż-żejjed. Il-linji gwida ppreżentati llum se jgħinu sabiex jiġu kkoordinati l-isforzi fl-Istati Membri kollha. Ma joħolqux obbligi legali ġodda, iżda jippreżentaw sensiela ta’ passi volontarji li l-Istati Membri, il-Kummissjoni, u l-partijiet interessati jistgħu jieħdu biex jippromwovu industrija li hija ekonomikament, soċjalment u ambjentalment sostenibbli u jipprovdu lill-konsumaturi bi prodotti tal-baħar tajbin għas-saħħa u ta’ kwalità għolja.

Kif deskritt fir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd, li qed tiġi nnegozjata bħalissa, l-industrija tal-akkwakultura tista’ tgħin biex jimtlew il-lakuni bejn il-konsum tal-prodotti tal-baħar li kull ma jmur qiegħed dejjem jiżdied u l-istokkijiet tal-ħut li qed jonqsu. Fil-fatt, tista’ tipprovdi alternattiva vijabbli għas-sajd żejjed u tiġġenera tkabbir u impjiegi kemm fiż-żona kostali kif ukoll f’dik interna. F’partijiet oħra tad-dinja, l-industrija diġà qed tavvanza b’pass mgħaġġel. B’mod ġenerali, fl-UE, din qiegħda tistaġna, parzjalment minħabba proċeduri ta’ liċenzjar li jdumu wisq biex isiru u ineffiċjenzi amministrattivi f’livelli differenti.

“Illum, tista' ddum tliet snin biex tikseb liċenzja għal azjenda ġdida tal-akkwakultura , u ovvjament dan igerrex lill-investituri” qalet il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Maria Damanaki. “Nixtieq naħdem mal-Istati Membri biex innaqqas il-burokrazija u ntejjeb il-kompetittività ta’ dan is-settur filwaqt li nżomm il-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u tal-ambjent li attwalment għandna”.

Il-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati kollha, identifikat erba’ sfidi ewlenin li qed jaffaċċa s-settur tal-akkwakultura: il-ħtieġa li titnaqqas il-burokrazija u l-inċertezzi għall-operaturi; il-ħtieġa li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-ispazju u l-ilma; ir-rekwiżit biex tiżdied il-kompetittività tas-settur; u l-ħtieġa li jittejbu l-kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza permezz tal-isfruttament tal-vantaġġ kompetittiv tal-prodotti tal-ħut “made-in-the-EU”.

Il-linji gwida jindirizzaw dawn l-isfidi u jidentifikaw taħlita ta’ miżuri bħas-simplifikazzjoni amministrattiva, l-ippjanar tal-ispazju, l-organizzazzjoni tas-suq, id-diversifikazzjoni, tikkettar aħjar u informazzjoni, biex jgħinu l-forzi tas-suq jisfruttaw il-potenzjal tas-settur tal-akkwakultura tal-UE. Pereżempju:

  • il-Kummissjoni se tikkoordina eżerċizzju ta' identifikazzjoni tal-aqwa prassi biex jitnaqqas iż-żmien għall-ksib ta' liċenzja għal intrapriżi ġodda fl-akkwakultura

  • il-Kummissjoni qed tippromwovi approċċ integrat għall-ippjanar tal-ispazju li se jgħin biex dawk li jrabbu l-ħut ikollhom garanzija ta' aċċess xieraq għall-ispazju u l-ilma filwaqt li jimminimizza l-impatt fuq l-ambjent u fuq attivitajiet ekonomiċi oħra.

  • L-akkwakultura Ewropea toffri prodotti tal-ogħla kwalità li jikkonformaw mal-ogħla standards għas-saħħa tal-konsumatur, il-ħarsien tal-ambjent u l-benessri tal-annimali. Dan fih implikazzjonijiet ta’ spejjeż għall-produtturi, iżda l-fatt li jkun hemm informazzjoni xierqa dwar il-kwalità tal-prodott, bħalma huwa l-ittikkettar, jista’ jwassal għal vantaġġ kompetittiv u għal titjib fil-perċezzjoni tal-konsumaturi.

Il-pass li jmiss

Il-linji gwida strateġiċi huma marbuta mar-riforma proposta tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) li għandha l-għan li tippromwovi l-akkwakultura permezz ta’ dak li jissejjaħ “il-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni”. Fuq il-bażi ta’ dawn il-linji gwida, u mingħajr preġudizzju għall-eżitu tan-negozjati dwar ir-riforma tal-PKS, l-Istati Membri se jippreparaw pjanijiet strateġiċi nazzjonali multiannwali, filwaqt li jqisu l-kundizzjonijiet tal-bidu, l-isfidi u l-potenzjal li huma speċifiċi għal kull pajjiż. Il-Kummissjoni se tgħin fil-koordinazzjoni tal-attivitajiet u fl-iskambju tal-aħjar prassi u billi tipprovdi aktar gwida dwar kif, fil-prattika, l-attivitajiet ekonomiċi jistgħu jkunu rrikonċiljati mal-leġiżlazzjoni tal-UE.

Sfond

Fl-2010, il-valur tal-produzzjoni tal-akkwakultura fl-UE kien ta’ EUR 3.1 biljuni għal 1.26 miljun tunnellata ta’ produzzjoni. Dan jikkorrispondi għal madwar 2% tal-produzzjoni globali tal-akkwakultura. Il-produzzjoni tal-akkwakultura fl-UE staġnat f’dawn l-aħħar għaxar snin, filwaqt li f’partijiet oħra, b’mod partikolari fl-Asja, esperjenzat tkabbir mgħaġġel ħafna tas-settur.

Illum, 10% tal-konsum tal-prodotti tal-baħar fl-UE jiġu mill-akkwakultura, 25% mis-sajd fl-UE u 65% minn importazzjonijiet minn pajjiżi terzi (li jinkludu kemm is-sajd kif ukoll l-akkwakultura); il-lakuna bejn il-konsum u l-produzzjoni tas-sajd ilha tikber b'mod kostanti matul dawn l-aħħar snin, u l-akkwakultura tista’ tgħin biex jimtela dan il-vojt. Kull punt perċentwali ta’ konsum attwali tal-UE prodott internament permezz tal-akkwakultura jista’ jgħin biex jinħolqu bejn 3 000 u 4 000 impjieg full-time.

Aktar informazzjoni

http://ec.europa.eu/fisheries/cfp/aquaculture/index_mt.htm

MEMO/13/391

Kuntatti :

Oliver Drewes (+32 2 299 24 21)

Lone Mikkelsen (+32 2 296 05 67)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website