Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-30 ta’ April 2013

EUR 150 miljun għar-riċerka dwar il-moħħ iniedu l-inizjattiva tal-UE “Ix-Xahar dwar il-moħħ"

Fil-bidu tal-inizjattiva tagħha tax-“Xahar Ewropew tal-Moħħ,” il-Kummissjoni Ewropea warrbet madwar EUR 150 miljun għall-finanzjament ta' 20 proġett ġdid internazzjonali ta’ riċerka dwar il-moħħ. L-investiment totali tal-UE fir-riċerka dwar il-moħħ b'hekk se jitla' għal aktar minn EUR 1.9 biljun mill-2007 'l hawn. “Ix-Xahar Ewropew dwar il-Moħħ” (# brainmonth) se jaċċenta r-riċerka u l-innovazzjoni Ewropej fil-qasam tan-newroxjenza, il-konjizzjoni u oqsma relatati, permezz ta’ aktar minn 50 avveniment madwar l-Ewropa f'Mejju li ġej. L-inizjattiva għandha l-għan li tippreżenta l-aktar kisbiet riċenti f’dan il-qasam, iżda wkoll li tħeġġeġ sforz aktar deċiżiv fil-ġlieda kontra l-mard tal-moħħ. Għandha l-għan ukoll li tenfasizza kif l-istudju dwar il-moħħ jista' jirrevoluzzjonizza l-użu tal-kompjuters. Din l-inizjattiva nbdiet fi żmien meta r-riċerka dwar il-moħħ qed tiġbed aktar attenzjoni lejha minħabbaproġetti ambizzjużi ġodda fl-UE (Il-Proġett Pilota (FET) dwar il-Moħħ tal-Bniedem - IP/13/54 u MEMO/13/36) u l-proġett BRAIN tal-Istati Uniti.

Il-Kummissarju għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, Máire Geoghegan-Quinn, qalet: “Il-probabbiltà hija li ħafna Ewropej se jkunu affettwati minn xi mard relatat mal-moħħ f'xi żmien tul ħajjithom. It-trattament diġà qed jiswa EUR 1.5 miljun kull minuta, u dan il-piż fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa tagħna probabbilment se jiżdied aktar ma tixjieħ il-popolazzjoni. Ir-riċerka dwar il-moħħ tista’ tgħin ittaffi t-tbatija ta’ miljuni ta’ pazjenti u dawk li jieħdu ħsiebhom. Jekk isir magħruf aħjar kif jaħdem il-moħħ, dan jista' wkoll jiftaħ univers totalment ġdid ta’ servizzi u prodotti għall-ekonomiji tagħna.”

Madwar 165 miljun Ewropej x’aktarx li jġarrbu xi forma ta’ mard relatat mal-moħħ f'xi żmien tul ħajjithom. Hekk kif il-popolazzjoni tixjieħ, b'aktar nies milquta mill-marda tal-Alzheimer jew disturbi mentali oħra newrodeġenerattivi jew marbuta mal-età, l-ispejjeż tat-trattament x’aktarx li jiżdiedu drastikament. Għalhekk qed isir urġenti li nsibu modi aħjar ta' prevenzjoni u trattament tal-mard tal-moħħ. Li nifhmu kif jaħdem il-moħħ huwa wkoll importanti biex inżommu l-ekonomiji tagħna fuq quddiem nett fit-teknoloġiji u s-servizzi informatiċi ġodda.

L-inizjattiva “Ix-Xahar Ewropew dwar il-Moħħ” sejra tenfasizza l-importanza kbira tar-riċerka dwar il-moħħ u tal-kura tas-saħħa għas-soċjetajiet u għall-ekonomiji tagħna; turi l-kisbiet tal-UE f’dawn l-oqsma; tiddibatti dwar id-direzzjoni futura tar-riċerka u tal-politika; tiddiskuti kif tista’ tittejjeb l-allokazzjoni tar-riżorsi f'pajjiżi individwali u bejn pajjiż u ieħor; u xxejjen it-tabus dwar is-saħħa mentali. Għal aktar tagħrif ara MEMO/13/390.

Il-Kuntest

L-20 proġett li jintgħażlu biex jieħdu l-finanzjament tal-UE huma mistennija jippreżentaw ideat ġodda u innovazzjonijiet f’oqsma ewlenin bħalma huma l-korriment trawmatiku fil-moħħ, id-disturbi mentali, l-uġigħ, l-epilessija u d-disturbi fl-imġiba pedjatrika. Għalkemm il-proġetti ma jistgħux jissemmew qabel ma jiġu konklużi l-ftehimiet tal-għoti, huma mistennija jibdew kollha dan is-sajf. L-industrija u s-sħab min-negozji żgħar se jkunu involuti bil-kbir fi tlieta mill-oqsma — id-disturbi mentali, l-epilessija u d-disturbi fl-imġiba pedjatrika — biex iħeġġu l-innovazzjoni u s-soluzzjonijiet prattiċi.

Il-baġit tal-UE pprovda aktar minn EUR 1.9 biljun għar-riċerka dwar il-moħħ mill-ftuħ tal-programm ta’ riċerka ta' qafas kurrenti tal-UE, l-FP7 (2007-2013) s'issa. Dan iffinanzja 1,268 proġett b’ 1,515-il parteċipant mill-UE u lil hinn minnha. Se jibqa' jkun hemm opportunitajiet għar-riċerka dwar il-moħħ taħt it-tliet pilastri — “xjenza eċċellenti”, “tmexxija industrijali” u “sfidi tas-soċjetà” tal-Orizzont 2020, il-programm ta’ riċerka u innovazzjoni tal-UE li jmiss. L-istudju dwar “is-saħħa, it-tibdil demografiku u l-benesseri” li se jkollu l-għan li jtejjeb id-dijanjosi, l-għarfien u t-trattament tal-mard se jkollu rilevanza partikolari.

Fil-programm "Xahar Ewropew dwar il-Moħħ" se jkun hemm aktar minn 50 avveniment differenti dwar il-moħħ tal-bniedem, li varjaw minn konferenzi, workshops u laqgħat,sa skejjel tas-sajf korsijiet ta’ tagħlim. Sitta minn dawn l-avvenimenti se jiġu organizzati mill-Presidenza Irlandiża tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea se torganizza żewġ konferenzi kbar, fl-14 ta’ Mejju fi Brussell u — flimkien mal-Presidenza Irlandiża tal-UE — fis-27 u t-28 ta’ Mejju f’Dublin.

Għal-lista sħiħa ta’ avvenimenti u l-pajjiżi involuti:

http://ec.europa.eu/research/conferences/2013/brain-month/index_en.cfm

Kuntatti:

Michael Jennings (+32 2 296 33 88) Twitter: @ECSpokesScience

Monika Wcislo(+32 2 295 56 04)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website