Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-30 ta’ April 2013

Fond ta’ Solidarjetà tal-UE: Il-Kummissjoni tipproponi EUR 14.6 miljun f'appoġġ għas-Slovenja, il-Kroazja u l-Awstrija wara diżastru ta' għargħar

Il-Kummissarju Ewropew għall-Politika Reġjonali, Johannes Hahn, illum ħabbar pakkett ta’ għajnuna mill-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE (FSUE) ta’ aktar minn EUR 14.6-il miljun b’rispons għal għargħar serju fis-Slovenja f’Ottubru u Novembru 2012. Il-pajjiżi ġirien, l-Awstrija u l-Kroazja, ukoll sofrew danni iżgħar bħala riżultat dirett tal-għargħar u se jibbenefikaw mill-għotja sabiex jiffinanzjaw l-operazzjonijiet ta’ emerġenza tagħhom wara d-diżastru.

Il-Kummissarju Hahn, li huwa wkoll responsabbli għall-FSUE, ikkummenta: “Il-proposta tal-lum hija espressjoni tas-solidarjetà tal-Unjoni mas-Slovenja kif ukoll mal-partijiet tal-Kroazja u l-Awstrija li ġew affettwati. L-ammont ta’ finanzjament propost se jgħin biex jikkumpensa għall-piż finanzjarju li ġarrbu fit-tiswija tal-infrastruttura u fit-teħid ta’ miżuri ta’ emerġenza. Huwa se jgħin lil dawn ir-reġjuni milquta biex jerġgħu jieħdu r-ruħ. Il-Kummissjoni qed tipproponi baġit emendatorju sabiex il-Kunsill u l-Parlament ikunu jistgħu jagħmlu r-riżorsi disponibbli biex inaqqsu l-effetti negattivi fuq l-ekonomija Slovena u l-ġirien tagħha.

Xita qawwija fil-ħarifa tal-2012 ikkawżat lix-xmajjar fiż-żona sabiex ifuru u dawn ikkaġunaw għargħar f'partijiet wiesgħa fit-tramuntana tas-Slovenja kif ukoll fit-territorju tal-Kroazja. Fl-Awstrija, intlaqtet b'mod partikolari l-belt ta’ Lavamünd fuq ix-xmara Lavant. L-analiżi tal-Kummissjoni sabet li l-għargħar f’kull wieħed mit-tliet pajjiżi kien ikkawżat minn kundizzjoni meteoroloġika bażika waħda. Dan jippermetti li l-FSUE jiġi mmobilizzat mhux biss għad-diżastru maġġuri fis-Slovenja, iżda b’mod eċċezzjonali wkoll għall-pajjiżi ġirien affettwati.

F’konformità mar-regoli tal-Fond ta’ Solidarjetà, il-Kummissjoni tipproponi li jingħata total ta’ EUR 14.6-il miljun lit-tliet pajjiżi, li minnhom EUR 14.08-il miljun imorru għas-Slovenja, EUR 286,587 għall-Kroazja u EUR 240,000 għall-Awstrija.

Sfond

Is-Slovenja ntlaqtet mill-ewwel mewġa ta’ xita qawwija fis-27 ta’ Ottubru 2012 li kkawżat ħsarat serji, u t-tieni mewġa ta’ xita qawwija u ta' tempesti li wasslet għal għargħar estensiv fl-4 u l-5 ta’ Novembru. L-awtoritajiet nazzjonali stmaw li d-dannu totali jiswa kważi EUR 360 miljun, li jirrappreżentaw aktar minn 1% tad-DNG tal-pajjiż — ferm ogħla mil-limitu normali tal-FSUE ta’ EUR 214-il miljun għas-Slovenja jew 0.6% tad-Dħul Nazzjonali Gross. Il-Kroazja u l-Awstrija rrappurtaw ħsara li swiet EUR 11.5-il miljun u EUR 9.6 miljun rispettivament.

Dan il-finanzjament tal-Unjoni Ewropea se jgħin fil-ħlas tal-ispejjeż ta' miżuri urġenti meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali f’kull wieħed mit-tliet pajjiżi affettwati: bini mill-ġdid ta' toroq, infrastrutturi tal-ilma, l-iskart u l-enerġija, akkomodazzjoni temporanja u servizzi ta' salvataġġ, flimkien ma' tindif ta' żoni milquta mid-diżastru. Il-finanzjament ma jistax jintuża biex jipprovdi kumpens għal ħsara lil proprjetà privata.

Il-FSUE nħoloq wara l-għargħar li laqat lill-Ewropa Ċentrali fis-sajf tal-2002. Huwa jagħti għajnuna finanzjarja ta’ mhux aktar minn biljun euro fis-sena lill-Istati Membri u lill-pajjiżi tal-adeżjoni milquta minn diżastri naturali maġġuri.

Aktar informazzjoni

MEMO/10/59

Persuni ta' kuntatt:

Shirin Wheeler (+32 2 296 65 65), Mowbajl: 0032 460 76 65 65

Annemarie Huber (+32 2 299 33 10), Mowbajl: 0032 460 76 65 65


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site