Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-26 ta' April 2013

Impjiegi: Il-Kummissjoni tipproponi titjib tal-applikazzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema għall-moviment ħieles

Il-Kummissjoni Ewropea llum ipproponiet miżuri li jiżguraw l-applikazzjoni mtejba tal-liġi tal-UE dwar id-dritt tal-persuni biex jaħdmu fi Stat Membru ieħor, u b’hekk dawn il-miżuri se jagħmluha aktar faċli għan-nies biex jeżerċitaw dan id-dritt fil-prattika. Fil-preżent teżisti problema persistenti minħabba li dawk li jimpjegaw, kemm fl-oqsma pubbliċi, kif ukoll f'dawk privati, mingħajr ma jitqies hijiex konformi mar-regoli tal-UE l-leġiżlazzjoni nazzjonali, ma jafux sew ir-regoli tal-UE. Dan in-nuqqas ta' għarfien jew fehim tar-regoli huwa wieħed mir-raġunijiet ewlenin għad-diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità. Hija l-fehma popolari wkoll li dak li jkun ma jkunx jaf x'għandu jagħmel meta jkun fi Stat Membru ospitanti u jkollu l-problemi dwar id-drittijiet tal-moviment ħieles. L-għan tal-proposta huwa li dawn l-ostakli jintgħelbu, u li tgħin biex ma ssirx diskriminazzjoni mal-ħaddiema abbażi tan-nazzjonalità tagħhom, billi tipproponi għadd ta' soluzzjonijiet prattiċi.

László Andor, Il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni qal: "Il-moviment ħieles tal-ħaddiema huwa prinċipju ewlieni tas-Suq Uniku tal-UE. Issa, li f'xi Stati Membri hemm livelli ogħla ta' qgħad milli hemm fi Stati Membri oħra, huwa daqshekk aktar importanti li jkun iżjed faċli għal min jixtieq jaħdem f'pajjiż ieħor tal-UE biex jagħmel dan. Il-mobbiltà tal-ħaddiema dejjem hija ħaġa tajba - hija tajba għall-ekonomiji tal-Istati Membri u hija tajba għall-ħaddiema individwali kkonċernati. Din il-proposta se tgħin lill-ħaddiema jegħlbu l-ostakli li jfixkluhom milli jaħdmu f'pajjiż ieħor tal-UE.

Jekk tiġi approvata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, din il-proposta tkun qed tgħin biex tiżgura l-applikazzjoni reali u effettiva tal-leġiżlazzjoni eżistenti. L-Istati Membri jkunu meħtieġa li:

  1. joħolqu punti ta' kuntatt nazzjonali li jipprovdu l-informazzjoni, l-għajnuna u l-pariri biex il-ħaddiema migranti tal-UE u dawk li jimpjegaw ikollhom aktar tagħrif dwar id-drittijiet tagħhom

  2. jipprovdu l-mezzi xierqa ta' rimedju legali fil-livell nazzjonali

  3. jippermettu lill-junjins tal-ħaddiema, lill-NGOs u lil organizzazzjonijiet oħra biex jiftħu proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji f'isem ħaddiema individwali f'każi ta' diskriminazzjoni

  4. jagħtu tagħrif aħjar b'mod ġenerali lill-ħaddiema migranti u s-sidien li jħaddmu fl-UE.

Kuntest

Fl-2012 kien hemm 6.6 miljun ċittadini Ewropej jaħdmu u jgħixu fi Stat Membru mhux pajjiżhom. Dawn jirrappreżentaw 3.1% tal-ħaddiema tal-UE.

Wieħed punt tnejn miljun ruħ oħra jgħixu f'pajjiż tal-UE iżda jaħdmu f'pajjiż ieħor tal-UE. Iżda dawk li jkunu jixtiequ jaħdmu f'pajjiż ieħor ħafna drabi ma jkollhommx ħarsien u tagħrif fl-Istat Membru ospitanti, u jistgħu jsibu diffikultà biex isibu impjieg jew jiksbu vantaġġi soċjali, jew ikollhom kundizzjonijiet tax-xogħol diffiċli. Stħarriġ tal-Ewrobarometru f'Settembru tal-2011 (L-Ewrobarometru ta' Settembru 2011) wera li 15% taċ-ċittadini tal-UE ma jitħajrux li jaħdmu fi Stat Membru ieħor għaliex iħossu li hemm wisq ostakli. L-ostakli jinkludu:

  1. kundizzjonijiet ta' reklutaġġ differenti

  2. kundizzjonijiet dwar in-nazzjonalità biex wieħed ikun jista' jikseb ċerti karigi

  3. kundizzjonijiet tax-xogħol differenti fil-prattika (bħall-paga, il-prospetti għal karriera u l-grad)

  4. problemi biex dak li jkun ikollu aċċess għall-vantaġġi soċjali li huma soġġetti għal kundizzjonijiet li jkunu jistgħu jintlaħqu aktar faċilment miċ-ċittadini nazzjonali milli miċ-ċittadini tal-UE (eż. kundizzjoni ta' residenza)

  5. kwalifiki u esperjenza professjonali li jkunu nkisbu fi Stati Membri oħra ma jitqiesux jew jitqiesu b'mod differenti minn kwalifiki u esperjenza miksuba fl-Istat Membru li jkun.

Minbarra l-konsegwenzi professjonali u personali għall-individwi kkonċernati, dawn l-ostakli jaffettwaw ħażin ukoll l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà tal-pajjiż ospitanti.

Id-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jaħdmu fi Stat Membru ieħor, stabbilit fl-Artikolu 45 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jinkludi d-dritt li dak li jkun ma ssirx diskriminazzjoni kontra tiegħu abbażi tan-nazzjonalità fejn għandu x'jaqsam ma' aċċess għall-impjieg, ma' ħlas u ma' kundizzjonijiet oħra tax-xogħol. ir-Regolament (UE) Nru 492/2011 jagħti fid-dettall id-drittijiet li jinkisbu mill-moviment ħieles tal-ħaddiema u jiddefinixxi oqsma speċifiċi fejn hija pprojbita d-diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, b'mod partikolari rigward:

  1. l-aċċess għall-impjiegi

  2. il-kundizzjonijiet tax-xogħol

  3. il-vantaġġi soċjali u tat-taxxa

  4. l-aċċess għat-taħriġ

  5. is-sħubija fi trejdjunjins

  6. l-akkomodazzjoni

  7. l-aċċess għall-edukazzjoni għat-tfal.

Kemm l-Artikolu 45 tat-TFUE, kif ukoll ir-Regolament (UE) Nru 492/2011 huma applikabbli direttament fl-Istati Membri, iżda l-proposta l-ġdida timmira li ttejjeb u tirrinforza l-mod kif dawn jiġu applikati fil-prattika. Dan, il-proposta tkun qed tagħmlu billi tistabbilixxi qafas ġenerali komuni ta' dispożizzjonijiet u miżuri xierqa li jiffaċilitaw l-applikazzjoni mtejba u aktar uniformi tad-drittijiet li l-liġi tal-UE tikkonferixxi lill-ħaddiema u lill-membri tal-familji tagħhom biex jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-moviment ħieles. Apparti minn din il-proposta, il-Kummissjoni, bħala l-gwardjan tat-Trattat, se tkompli wkoll, fejn hemm bżonn, bil-proċeduri ta' ksur kontra Stati Membri li l-liġi nazzjonali tagħhom mhijiex konformi mat-Trattat u mar-Regolament.

Il-mobbiltà tal-ħaddiema ma tibbenefikax biss lill-ħaddiema involuti, iżda tgħin ukoll l-ekonomiji tal-Istati Membri. Hija ħaġa tajba għall-pajjiżi ospitanti għaliex tippermetti li l-kumpaniji jimlew il-postijiet tax-xogħol vojta li altrimenti ma jimtlewx – m'hemm l-ebda prova li l-ħaddiema migranti jieħdu l-impjieg tal-ħaddiema tal-pajjiż ospitanti – u b'hekk dawn jipproduċu oġġetti u jipprovdu servizzi li ma kinux ikunu jistgħu jagħtu f’sitwazzjoni differenti. U hija ħaġa tajba għall-pajjiżi minn fejn ikunu ġejjin il-ħaddiema migranti għaliex tippermetti lil dawk il-ħaddiema li altrimenti kien ikollhom anqas ċans li jaħdmu, biex isibu x-xogħol, u biex jiżguraw is-sostenn finanzjarju tal-familji tagħhom f'pajjiżhom, kif ukoll biex jiksbu ħiliet u esperjenza li kieku ma ħadmux barra ma kienx ikollhom. Meta l-ħaddiema migranti mbagħad jirritornaw lejn pajjiżhom, ikunu jistgħu jibbenefikaw minn din l-esperjenza.

Pereżempju, studju li sar fl-2011 dwar il-migrazzjoni minn tmien Stati Membri ġodda (ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Litwanja, il-Latvja, il-Polonja,is-Slovenja u s-Slovakkja) wera li l-PDG fl-Irlanda ngħata spinta ta' 3%, u l-PDG tar-Renju Unit għola b'1.2% fil-perjodu ta' bejn l-2004 u l-2009 minħabba l-ħaddiema migranti minn dawn it-tmien Stati Membri li marru jaħdmu hemm.

Għal aktar tagħrif

MEMO/13/384

L-aħbar fuq il-websajt tad-DĠ għall-Impjiegi:

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=89&newsId=1830&furtherNews=yes

Is-sit tal-internet ta' László Andor:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/andor/index_en.htm

Segwi lil László Andor fuq Twitter: http://twitter.com/LaszloAndorEU

Abbona ruħek għall-bullettin bl-email tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni: http://ec.europa.eu/social/e-newsletter

Kuntatti :

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Cécile Dubois (+32 2 295 18 83)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website