Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

L-internet fuq it-TV, it-TV fuq l-Internet: Il-Kummissjoni qed tilqa’ l-opinjonijiet dwar id-dinja awdjoviżiva li qed tikkonverġi b’pass mgħaġġel.

Commission Européenne - IP/13/358   24/04/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 24 ta' April 2013

L-internet fuq it-TV, it-TV fuq l-Internet: Il-Kummissjoni qed tilqa’ l-opinjonijiet dwar id-dinja awdjoviżiva li qed tikkonverġi b’pass mgħaġġel.

Miljuni ta’ Ewropej ilaħħqu mas-sensiela tat-TV favorita tagħhom fuq is-smartphone huma u sejrin ix-xogħol, jaraw materjal onlajn fuq it-TV tas-salott, jew itellgħu materjal tagħhom onlajn iġġenerat mill-utent stess. Hemm aktar minn 40.4 miljun ta’ “settijiet tat-TV konnessi” fl-Ewropa, u sal-2016 il-maġġoranza tal-unitajiet domestiċi tal-UE x’aktarx li jkollhom dan is-servizz. Il-konfini tradizzjonali bejn il-konsumaturi, il-mezzi tax-xandir u l-internet qed jispiċċaw minħabba dawn il-bidliet. Il-Kummissjoni tixtieq tesplora x’tista’ tfisser din il-konverġenza tat-teknoloġija u l-kontenut għat-tkabbir ekonomiku u l-innovazzjoni tal-Ewropa, id-diversità kulturali, u l-konsumaturi (speċjalment dawk li jistgħu jeħtieġu l-protezzjoni, bħat-tfal.)

Neelie Kroes, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea qalet: “It-TV konness hija l-akbar invenzjoni li jmiss fid-dinja kreattiva u diġitali. Il-konverġenza bejn is-setturi tfisser li n-nies jistgħu jgawdu minn firxa usa’ ta’ kontenut tajjeb ħafna — iżda toħloq ukoll tfixkil u sfidi. Għandna bżonn ta’ dibattitu li jwassal lejn direzzjoni waħda mal-UE kollha biex nindirizzaw dawn il-bidliet. Biex tikber l-intrapriża, titqanqal il-kreattività u l-valuri tagħna jkunu protetti”.

Green Paper adottata mill-Kummissjoni llum tistieden lill-partijiet interessati u l-pubbliku inġenerali biex jaqsmu l-fehmiet tagħhom minn issa sal-aħħar ta’ Awwissu 2013, fuq kwistjonijiet bħal:

  • Ir-regoli. It-trawwim tal-kundizzjonijiet xierqa għall-intrapriżi dinamiċi tal-UE biex jindirizzaw il-kompetizzjoni internazzjonali (speċjalment mill-Istati Uniti); l-aktar minħabba li min ikun f’kompetizzjoni bħal din jista’ jkun suġġetti għal regoli differenti;

  • Il-protezzjoni tal-valuri Ewropej (inkluża l-libertà tal-medja) u l-interessi tal-utenti (eż. il-ħarsien tat-tfal, l-aċċessibilità għall-utenti b’diżabilità). Għall-programmi televiżivi n-nies jistennew protezzjoni ogħla minn dik għall-kontenut tal-internet; u fejn għandha tinqata’ l-linja?

  • Is-suq uniku u l-istandards. Milli jidher, mhux il-mezzi kollha jaħdmu bl-istess mod fl-Istati Membri kollha. Kif nistgħu nippromwovu ambjent teknoloġiku xieraq?

  • Finanzjament. L-aġir tal-konsumatur li jinbidlu u jikkonverġu, kif se jinfluwenzaw il-finanzjament ta’ films, spettakli tat-televiżjoni u kontenut ieħor? Kif qed jikkontribwixxu l-atturi differenti fil-katina ġdida tal-valuri?

  • Ftuħ u pluraliżmu tal-medja. Il-mekkaniżmi ta’ filtrazzjoni ddefiniti minn qabel, pereżempju fil-magni tat-tiftix, għandhom ikunu suġġetti għall-intervent pubbliku? Il-prattiċi eżistenti marbuta mal-programmi l-aktar segwiti — pereżempju, avvenimenti sportivi ewlenin u films reċenti ta’ suċċess — fil-livell tal-bejgħ bl-ingrossa qed jaffettwaw l-aċċess għas-suq u l-operazzjonijiet ta’ kummerċ sostenibbli? Il-pjattaformi huma miftuħa biżżejjed?

Din ir-realtà l-ġdida diġà qed tiġi diskussa f’diversi pajjiżi tal-UE u fil-Parlament Ewropew. Hemm fehmiet differenti dwar kif għandha tkun ir-reazzjoni. Xi partijiet interessati qed jitolbu tibdil immedjat fir-regoli u r-regolamenti; oħrajn għadhom sodisfatti bl-istatus quo għalissa, filwaqt li oħrajn jixtiequ l-awtoregolamentazzjoni u l-koregolamentazzjoni. Il-Green Paper ma tippresupponix azzjoni, iżda bħala segwitu, il-Kummissjoni tista’ tesplora reazzjonijiet regolatorji u ta’ politika, fosthom l-awtoregolamentazzjoni.

Sfond

Il-konverġenza ilha għaddejja għal ħafna snin, u qed iżżid fir-ritmu. Hija tiftaħ l-opportunitajiet:

  • Il-manifatturi u l-iżviluppaturi jistgħu jservu suq li qed jikber b’mezzi innovattivi, aċċessibbli u faċli biex jintużaw mill-utent.

  • L-operaturi tan-netwerk tal-internet qed jaraw domanda dejjem tikber għall-bandwidth, u dan jagħtihom inċentiv biex jinvestu f’netwerks b’veloċità għolja.

  • Dawk li joħolqu l-kontenut jistgħu jesperimentaw b’modi ġodda biex jipproduċu u joffru l-kontenut.

  • Ix-xandara u l-atturi ġodda jistgħu joffru kontenut u servizzi ta’ valur miżjud lill-konsumaturi tagħhom.

  • Ix-xandara stabbiliti u dawk ġodda jistgħu jsibu aktar pjattaformi biex iqassmu u jtejbu l-ispettakli tagħhom, u jagħmluhom interattivi.

Il-leġiżlazzjoni Ewropea li tista' tiġi affettwata mis-segwitu għal din il-Green Paper hija prinċipalment id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Medja Awdjoviżiva (AVMSD) (2010/13/UE) li għandha l-għan li tiżgura Suq Uniku u ċertezza legali għall-industrija tat-TV u dik awdjoviżiva tal-Ewropa, billi toħloq opportunitajiet indaqs għax-xandir u l-medja awdjoviżiva fuq talba. Hekk kif il-konverġenza tas-servizzi onlajn qiegħda tavvanza, il-Green Paper qed tistaqsi jekk l-approċċ attwali hux se jkun ukoll xieraq fil-ġejjieni.

Il-Kummissjoni reċentament nediet ukoll konsultazzjonijiet pubbliċi marbuta mal-libertà tal-medja u l-pluraliżmu, u b’mod partikolari dwar l-indipendenza tal-korpi regolatorji awdjoviżivi (ara IP/13/267).

Ħoloq utli

MEMO/13/371 Mistoqsijiet Magħmula ta' Spiss

Emajl (CNECT-CONVERGENCE-AV@ec.europa.eu) għall-kontributi dwar il-Green Paper dwar it-Tħejjija għal Dinja Awdjoviżiva b'Konverġenża Totali : Tkabbir, Ħolqien u Valuri

Connected TV

Direttiva dwar is-Servizzi tal-Medja Awdjoviżiva

Hash tags: #connectedTV; #convergence

Digital Agenda

Neelie Kroes

Segwi lil Neelie fuq Twitter

Connected TV- The Clikker Family and Neelie connect

Kuntatti:

Ryan Heath (+32 2 296 17 16), Twitter: @RyanHeathEU

Linda Cain (+32 2 299 90 19)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site