Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Brussell, 24 ta' April 2013

Appoġġ aħjar għall-għalliema ġodda fl-UE

Programmi ta' induzzjoni mfassla biex joffru appoġġ u pariri personalizzati għall-għalliema ġodda issa huma obbligatorji fil-15-il Stat Membru tal-UE (l-Awstrija, Ċipru, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, Malta, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, l-Isvezja u r-Renju Unit) kif ukoll fil-Kroazja u fit-Turkija, skont rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-kondizzjonijiet tal-għalliema u dawk li jmexxu l-iskejjel fi 32 pajjiż. Għalkemm dawn il-programmi jvarjaw fil-mod ta’ kif jiġu organizzati, huma kollha għandhom l-għan li jgħinu lill-parteċipanti ġodda jaġġustaw irwieħhom għall-professjoni u b'hekk titnaqqas il-probabbiltà li l-għalliema jħallu l-professjoni kmieni.

“Għalliema tajba jistgħu jagħmlu d-differenza kollha fil-ġejjieni tat-tfal,” qalet Androulla Vassiliou, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ.. “Din hija r-raġuni għaliex inħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex itejbu t-taħriġ u l-appoġġ għall-għalliema sabiex ikunu jistgħu jiżviluppaw b’mod sħiħ il-kompetenzi tagħhom matul il-karriera tagħhom u biex jiżguraw tagħlim innovattiv u ta' kwalità għolja biex jgħinu liż-żgħażagħ bil-ħiliet li jeħtieġu għall-ħajja moderna.”

Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE għandhom kompetenzi definiti li l-għalliema għandu jkollhom biex isibu xogħol u jimxu 'l quddiem fil-professjoni dawn jinkludu l-għarfien pedagoġiku, xogħol f’tim, il-ħiliet interpersonali u l-ħiliet professjonali. Dawn “l-oqfsa ta’ kompetenza” huma l-bażi għall-edukazzjoni inizjali tal-għalliema fil-pajjiżi u r-reġjuni kollha minbarra fi 8 minnhom (il-Belġju — il-Komunità li titkellem bil-Ġermaniż, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, l-Islanda, il-Kroazja, Liechtenstein u s-Slovakkja).

Il-biċċa l-kbira tal-5 miljun għalliem tal-Ewropa huma kuntrattwalment marbuta li jaħdmu mill-inqas 35-40 siegħa fil-ġimgħa, li jinkludu l-ħin tat-tagħlim, id-disponibbiltà fil-bini tal-iskola, u ħin għat-tħejjija u l-immarkar. L-għadd ta’ sigħat fejn għandhom ikunu involuti b’mod attiv fit-tagħlim ivarja ferm: in-numru huwa ġeneralment ogħla fl-edukazzjoni ta’ qabel il-primarja u jonqos għal-livelli ogħla ta’ edukazzjoni. In-numru medju ta’ sigħat ta’ tagħlim fl-edukazzjoni primarja u sekondarja huwa ta’ 20.

F’madwar terz tal-pajjiżi Ewropej, l-għalliema huma mistennija li jkunu preżenti fil-bini tal-iskola, għal madwar 30 siegħa fil-ġimgħa. M’hemmx rekwiżit ta’ żmien stabbilit fil-Portugall, l-Isvezja, ir-Renju Unit (l-Ingilterra, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq) u n-Norveġja, kif ukoll f'Ċipru għall-edukazzjoni sekondarja u fl-Islanda għall-edukazzjoni ta’ qabel il-primarja. Fil-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, Ċipru, il-Lussemburgu, Malta, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovenja, in-numru ta’ sigħat ta’ tagħlim huma mnaqqas wara ċertu numru ta’ snin ta’ servizz.

Madwar l-Ewropa, il-biċċa l-kbira tal-għalliema huma ta’ età 'l fuq minn 40 sena. Kważi nofs l-għalliema fil-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Italja, l-Olanda, l-Awstrija, in-Norveġja u l-Iżlanda għandhom aktar minn 50 sena. Il-perċentwali ta’ għalliema taħt it-30 sena hija partikolarment baxxa fil-Ġermanja, l-Italja u l-Isvezja.

Fil-maġġoranza tal-Istati Membri tal-UE, is-salarji bażiċi minimi tal-għalliema huma inqas mill-PGD per capita għall-għalliema li jaħdmu f’edukazzjoni obbligatorja (l-edukazzjoni primarja u l-ewwel snin tas-sekondarja). L-allokazzjonijiet, li jistgħu jagħmlu differenza konsiderevoli fil-paga netta tal-għalliema, normalment jingħataw għal sahra jew responsabbiltajiet addizzjonali. Nofs biss mill-pajjiżi mistħarrġa jagħtu allokazzjonijiet lill-għalliema bbażati fuq prestazzjoni pożittiva ta' tagħlim jew fuq ir-riżultati tal-istudenti.

Sfond

L-istħarriġ Dejta Ewlenija dwar l-Għalliema u dawk li jmexxu l-Iskejjel ikopri 32 pajjiż (l-Istati Membri tal-UE, il-Kroazja, l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u t-Turkija). Huwa prodott għall-Kummissjoni Ewropea min-network Eurydice u jikkompila l-aħħar informazzjoni fuq l-għalliema u l-kapijiet tal-iskola, minn qabel il-primarja sal-edukazzjoni post-sekondarja, inkluża dejta dwar l-età, is-sess, is-sigħat tax-xogħol u s-salarji. Ir-rapport jgħaqqad id-dejta u t-tagħrif mogħtija min-netwerk Eurydice, l-Eurostat u l-evidenza minn stħarriġiet internazzjonali, fosthom l-Istħarriġ Internazzjonali dwar l-Istruzzjoni u t-Tagħlim tal-OECD (TALIS 2008) u l-Programm għall-Evalwazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA 2009), u x-Xejriet fl-Istudju tal-Matematika u x-Xjenza fil-livell Internazzjonali (TIMSS 2011, l-Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Evalwazzjoni ta’ Prestazzjoni fl-Edukazzjoni).

L-istrateġija Nerġgħu nikkunsidraw is-Sistema Edukattiva tal-Kummissjoni tenfasizza l-importanza li jitħeġġu l-aħjar kandidati biex isiru għalliema, speċjalment minħabba l-għadd għoli ta’ għalliema li jkunu waslu biex jirtiraw. Edukazzjoni adegwata għall-għalliema ġodda flimkien ma' żvilupp professjonali kontinwu għall-għalliema u l-ħarrieġa itejbu l-kwalità tal-edukazzjoni fl-Ewropa: forza ta’ xogħol bi kwalifiki għolja ħafna tista’ titwettaq biss billi jiġu attirati u mħarrġa l-aħjar edukaturi. Il-promozzjoni tal-eċċellenza fit-tagħlim ukoll hija prijorità għal grupp ta' livell ogħla dwar il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni ogħla, li tniedet mill-Kummissarju Vassiliou f'Novembru 2011.

Il-Eurydice

In-netwerk Eurydice jikkonsisti minn 40 unità nazzjonali ibbażata f'36 pajjiż (L-Istati Membri tal-UE, l-Islanda, Liechtenstein, in-Norveġja, l-Isvizzera, il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja, u t-Turkija). Il-Eurydice huwa kkordinat mill-Aġenzija Eżekuttiva tal-Edukazzjoni tal-UE Awdjoviżiva u Kulturali.

Għal aktar informazzjoni

Ir-rapport sħiħ huwa disponibbli bl-Ingliż fuq il-websajt tal-Eurydice.

Kummissjoni Ewropea: Edukazzjoni u taħriġ

Il-websajt ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatti :

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58);

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)

Annessi

    Grafika 1: Programmi nazzjonali ta' induzzjoni għal għalliema fil-bidu tal-karriera tagħhom fl-edukazzjoni ta' qabel il-primarja, tal-primarja u
    l-edukazzjoni sekondarja inġenerali (is-snin tal-bidu u tal-aħħar tas-sekondarja)(ISCED 0, 1, 2 u 3), 2011/12

NB: Noti ta' spjega u noti speċifiċi għall-pajjiż huma disponibbli fil-paġna ta' pubblikazzjoni 40
http://eacea.ec.europa.eu/education/eurydice/key_data_en.php/151EN.pdf

Grafika 2: Definizzjonijiet uffiċjali ta’ kull ġimgħa ta’ xogħol ta' għalliema li jaħdmu full-time f’sigħat fl-edukazzjoni ta' qabel il-primarja, tal-primarja u tal-edukazzjoni sekondarja inġenerali (is-snin tal-bidu u tal-aħħar tas-sekondarja), 2011/12

Grafika 2 (tkompli): Definizzjonijiet uffiċjali ta’ kull ġimgħa ta’ xogħol ta' għalliema li jaħdmu full-time f’sigħat fl-edukazzjoni ta' qabel il-primarja, tal-primarja u tal-edukazzjoni sekondarja inġenerali (is-snin tal-bidu u tal-aħħar tas-sekondarja), 2011/12

NB: Noti ta' spjega u noti speċifiċi għall-pajjiż huma disponibbli fil-paġna ta' pubblikazzjoni 76-77
http://eacea.ec.europa.eu/education/eurydice/key_data_en.php/151EN.pdf


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site