Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Daqshekk timbri għaljin u burokratiċi għad-dokumenti pubbliċi — il-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni biex taqta' l-burokrazija fl-Istati Membri kollha

Commission Européenne - IP/13/355   24/04/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-24 ta’ April 2013

Daqshekk timbri għaljin u burokratiċi għad-dokumenti pubbliċi — il-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni biex taqta' l-burokrazija fl-Istati Membri kollha

Illum il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi li tnaqqas il-burokrazija għaċ-ċittadini u n-negozji billi tneħħi l-prattiki burokratiċi tat-timbrar li attwalment huma meħtieġa biex dokumenti pubbliċi bħal pereżempju ċ-ċertifikat tat-twelid tiegħek jiġu rikonoxxuti bħala awtentiċi fi Stat Membru ieħor tal-UE. Bħalissa, iċ-ċittadini li jmorru joqogħdu fi Stat Membru ieħor ikollhom jaħlu ħafna ħin u flus sabiex juru li d-dokumenti pubbliċi tagħhom (bħal pereżempju ċ-ċertifikati tat-twelid jew taż-żwieġ) maħruġa mill-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom huma awtentiċi. Dan jinvolvi l-hekk imsejjaħ ċertifikat “Apostille” li jintuża mill-awtoritajiet pubbliċi fi stati oħra bħala prova li d-dokumenti pubbliċi, jew il-firem tal-uffiċjali nazzjonali fuq id-dokumenti, huma ġenwini. In-negozji li joperaw bejn il-fruntieri tal-UE fis-Suq Uniku tal-UE huma affettwati wkoll. Pereżempju, ħafna drabi dawn ikunu meħtieġa jipproduċu għadd ta’ dokumenti pubbliċi ċċertifikati sabiex jagħtu prova tal-istatus legali tagħhom meta joperaw b’mod transkonfinali. Dawn ir-rekwiżiti ilhom jeżistu minn żmien meta l-pajjiżi kellhom fiduċja f'dokument pubbliku biss jekk dan ikun ġej minn Uffiċċju tal-Affarijiet Barranin ta’ pajjiż ieħor. Madankollu, bħalma għandna fiduċja fis-sentenzi tal-Qorti ta' xulxin, għandna nkunu nistgħu nafdaw Uffiċċju tar-Reġistri ta' Stat Membru li joħroġ iċ-ċertifikati tat-twelid, mingħajr il-bżonn li l-uffiċċju tal-affarijiet barranin, il-ministeru tal-ġustizzja jew awtoritajiet oħra jieħdu r-responsabbiltà għalihom. Illum, il-Kummissjoni Ewropea għalhekk qed tipproponi li jitneħħew it-timbru “Apostille” u serje oħra ta’ rekwiżiti amministrattivi arkani għaċ-ċertifikazzjoi ta' dokumenti pubbliċi għall-persuni li jgħixu u jaħdmu fi Stati Membri oħra.

Kull darba li taqsam fruntiera, m'għandekx titlob lill-uffiċċju tal-affarijiet barranin tiegħek biex jikkonferma li l-passaport tiegħek huwa tassew passaport — għaliex għandek tagħmel dan għal ċertifikat tat-twelid?” qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja. "Meta tmur tgħix barra minn pajjiżek, il-fatt li jkollok tgħaddi minn dawn il-formalitajiet li jiswew ħafna flus sabiex tistabbilixxi li ċ-ċertifikat tat-twelid tiegħek huwa tassew ċertifikat tat-twelid jew sempliċement biex tuża ċertifikat tal-kumpanija, joħloq diffikultà burokratika. Smajt bosta stejjer dwar il-battikati involuti biex dawn ir-rekwiżiti li ma jinftiehmux jiġu ssodisfati. Illum, il-Kummissjoni qed taġixxi biex tissimplifika l-ħajja għan-nies u għall-kumpaniji meta dawn ikunu qed jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tal-moviment ħieles fl-UE."

Skont il-proposti tal-Kummissjoni, li ġew adottati llum, iċ-ċittadini u n-negozji ma jibqagħlhomx għalfejn jipprovdu verżjonijiet “legalizzati” għaljin jew traduzzjonijiet "ċċertifikati" ta’ dokumenti uffiċjali meta, pereżempju, jirreġistraw dar jew kumpanija, jiżżewġu, jew jitolbu għal karta ta’ residenza. Tnax-il kategorija ta’ dokumenti pubbliċi1 jkunu awtomatikament eżenti minn formalitajiet bħall-“Apostille” u l-“legalizzazzjoni” — li bħalissa huma meħtieġa fl-UE għal madwar 1.4 miljun dokument fis-sena. It-tneħħija ta’ dawn ir-rekwiżiti, liċ-ċittadini u n-negozji tal-UE se tiffrankalhom sa 330 miljun euro, appartiil-ħin li jiffrankaw u l-inkonvenjenza li jevitaw.

Madankollu, ir-regoli l-ġodda bl-ebda mod mhu se jolqtu r-rikonoxximent tal-kontenut jew l-effetti tad-dokumenti kkonċernati. Ir-regoli l-ġodda se jgħinu biss biex jagħtu prova tal-awtentiċità tad-dokument pubbliku, pereżempju jekk firma hijiex awtentika u l-kapaċità li fiha jkun qed jiffirma d-detentur tal-uffiċċju pubbliku. Dan se jkollu jiġi aċċettat b'mod reċiproku bejn l-Istati Membri mingħajr rekwiżiti ta' ċertifikazzjoni addizzjonali.

Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll għodda oħra ta' simplifikazzjoni: formoli multilingwi standardizzati fakultattivi fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE li ċ-ċittadini u n-negozji jistgħu jitolbu minflok u bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk tad-dokumenti pubbliċi nazzjonali li jirrigwardaw it-twelid, il-mewt, iż-żwieġ, is-sħubija reġistrata u l-istatus legali u r-rappreżentanza ta’ kumpanija jew impriża oħra (ara l-Anness għall-eżempji). Dan se jgħin b'mod partikolari biex jitnaqqsu l-ispejjeż tat-traduzzjoni, billi dak li jiġbed liċ-ċittadini u lin-negozji lejn it-tali għażla hu l-fatt li ma jkollhomx għalfejn jinkwetaw dwar it-traduzzjonijiet. Id-disinn ta' dawn il-formoli ġie ispirat minn konvenzjonijiet internazzjonali speċifiċi2.

Il-proposta tipprevedi wkoll salvagwardji kontra l-frodi. Jekk awtorità nazzjonali jkollha dubju raġonevoli dwar dokument partikolari, l-Istati Membri se jkollhom il-possibilità li jivverifikaw l-awtentiċità tiegħu mal-awtoritajiet tal-ħruġ permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) eżistenti.

Kuntest

Skont stħarriġ tal-Ewrobarometru li sar f'Ottubru 2010, 73% tal-Ewropej jemmnu li għandhom jittieħdu miżuri biex titjieb iċ-ċirkolazzjoni tad-dokumenti pubbliċi bejn il-pajjiżi tal-UE.

Bħala reazzjoni għal dan, fl-2010, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat Green Paper dwar il-promozzjoni taċ-ċirkolazzjoni ħielsa tad-dokumenti pubbliċi, u wettqet konsultazzjoni pubblika dwar il-mezzi possibbli biex jiġu ffaċilitati l-użu u l-aċċettazzjoni tad-dokumenti pubbliċi.

Il-Kummissjoni Ewropea qed taħdem biex tneħħi l-ostakoli li jifrustraw liċ-ċittadini. Ir-Rapport tal-UE dwar iċ-Ċittadinanza tal-2010 (ara IP/10/1390 u MEMO/10/525) iddeskriva 25 azzjoni konkreti biex jitneħħew l-ostakoli li fadal li ċ-ċittadini tal-UE jiffaċċjaw meta jeżerċitaw id-dritt tagħhom għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa fl-UE. Bil-proposta tal-lum il-Kummissjoni qiegħda twettaq l-impenn tagħha.

Fl-2012, il-Kummissjoni organizzat konsultazzjoni pubblika wiesgħa, fejn staqsiet liċ-ċittadini x’kienu l-problemi li ltaqgħu magħhom fl-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-UE (ara IP/12/461). Il-proċess biex dokument jiġi aċċettat bħala awtentiku fi Stat Membru ieħor kienet waħda mill-kwistjonijiet mressqa miċ-ċittadini.

Eżempju fil-ħajja reali ta' problemi li jiffaċċjaw iċ-ċittadini tal-UE

Dan l-aħħar iżżewiġt fil-Lussemburgu imma l-proċedura għar-rikonoxximent taċ-ċertifikat tat-twelid tiegħi kienet twila ħafna u swietni ħafna flus. Dan huwa bbażat fuq sistema għalja ta' "apostille". Is-sistema tista’ tkun utli fil-livell dinji, iżda fl-UE hija mod ikrah kif tingħata prova tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni u fiduċja bejn l-amministrazzjonijiet.

- risposta mingħand ċittadin Rumen, għall-konsultazzjoni pubblika dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE.

Ir-regoli l-ġodda se jissimplifikaw il-formalitajiet billi:

  • Jeliminaw l-formalitajiet ta' “legalizzazzjoni” u “Apostille”;

  • Ineħħu l-ħtieġa li tiġi ppreżentata kopja ċċertifikata flimkien mad-dokument pubbliku oriġinali u, minflok, jippermettu li jiġu ppreżentati kopji mhux iċċertifikati flimkien mal-oriġinali;

  • Jiżguraw li t-traduzzjonijiet mhux iċċertifikati ta’ dokumenti pubbliċi maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra jkunu aċċettati.

  • Jipprovdu formoli multilingwi standardizzati fakultattivi tal-UE.

  • Itejbu l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri biex jgħinu fil-ġlieda kontra l-frodi.

    Il-passi li jmiss: Biex isir liġi, ir-Regolament propost issa jkollu jiġi adottat mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri bl-użu tal-“proċedura leġiżlattiva ordinarja” (kodeċiżjoni). Barra minn hekk, matul is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013, fit-8 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni se tippubblika t-tieni rapport tal-UE dwar iċ-ċittadinanza, li jiddeskrivi 12-il azzjoni konkreta ġodda biex jindirizzaw il-problemi li fadal li ċ-ċittadini tal-UE għadhom jaffaċċjaw meta jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tal-moviment ħieles.

Għal aktar informazzjoni

Press Pack:

http://ec.europa.eu/justice/newsroom/civil/news/130424_en.htm

MEMO/13/370

Il-Kummissjoni Ewropea – il-politika dwar il-ġustizzja ċivili:

http://ec.europa.eu/justice/civil/index_mt.htm

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President u l-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/reding

Segwi lill-Viċi-President fuq Twitter: @VivianeRedingEU

Kuntatti:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)

ANNESS: EŻEMPJI TA’ FORMOLI MULTILINGWI FAKULTATTIVI

1 :

Is-simplifikazzjoni se tapplika għad-dokumenti pubbliċi li jikkonċernaw l-isem, iż-żwieġ u s-sħubija rreġistrata, it-twelid, il-paternità/maternità, l-adozzjoni, il-mewt, ir-residenza, iċ-ċittadinanza u n-nazzjonalità, il-proprjetà immobbli, l-istatus legali u r-rappreżentanza ta’ kumpanija jew impriża, id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jew id-dokumenti li jagħtu prova tal-assenza ta’ rekord kriminali.

2 :

B'mod partikolari dawk tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar l-Istat Ċivili (ICCS).


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site