Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-23 ta’ April 2013

Il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa Il-Kummissjoni tistabbilixxi Pjattaforma għal Governanza Tajba tat-Taxxa

Bħala parti mill-isforz konġunt kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, illum il-Kummissjoni stabbilixxiet Pjattaforma ġdida għal Governanza Tajba tat-Taxxa . Il-Pjattaforma se tagħmel monitoraġġ tal-progress tal-Istati Membri tal-mod li bih ikunu qed jaffaċċjaw l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u tat-trażżin tar-rifuġji fiskali, skont ir-Rakkomandazzjonijiet imressqa s-sena l-oħra mill-Kummissjoni (ara IP/12/1325). L-għan huwa li jiġi żgurat li tittieħed azzjoni reali u effettiva mill-Istati Membri biex jindirizzaw dawn il-problemi, f'qafas ikkoordinat tal-UE. Il-Pjattaforma se tkun magħmula minn firxa vasta ta' partijiet interessati - l-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa, il-Parlament Ewropew, in-negozji, l-akkademiċi, l-NGOs u partijiet interessati oħrajn. Dan se jiffaċilita wkoll id-djalogu u l-iskambju ta' kompetenzi, li jistgħu jwasslu għal approċċ tal-UE aktar ikkoordinat u effettiv kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa.

Algirdas Šemeta, il-Kummissarju għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali, l-Awditjar u l-Ġlieda Kontra l-Frodi, qal: "Fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, qed niġġieldu biex inħarsu s-sens tal-ġustizzja tas-sistemi fiskali tagħna, il-kompetittività tal-ekonomiji tagħna u s-solidarjetà tal-Istati Membri tagħna. Hemm wisq x'jintilef kieku din il-battalja jkollha eżitu negattiv. Il-ħeġġa mġedda fost l-Istati Membri biex jieħdu sehem f'din il-ġlieda hija milqugħa tajjeb ħafna. Issa din għandha tiddaħħal f'azzjoni. Il-Pjattaforma li qed inniedi llum se żżomm lill-Istati Membri b’seba’ għajnejn. Se tiżgura li r-riżultati jirriflettu l-aspettativi fir-rigward tal-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa."

Il-Pjattaforma għal Governanza Tajba tat-Taxxa kienet waħda mill-inizjattivi stabbiliti mill-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni kontra l-evażjoni tat-taxxa f'Diċembru 2012 (ara MEMO/12/949). Se tkun magħmula minn madwar 45 membru: delegat ta' livell għoli minn kull awtorità tat-taxxa tal-Istat Membru u sa 15-il rappreżetant non-governattiv. Dawn tal-aħħar jinħatru mill-Kummissjoni, fuq il-bażi ta' proċess ta' applikazzjoni miftuħa. Is-sejħa għall-applikazzjoni tnediet illum wkoll, bil-għan li jintgħażlu l-organizzazzjonijiet biex jieħdu sehem. L-organizazzjonijiet se jintgħażlu għal mandat ta' tliet snin, li jista' jiġġedded permezz ta' applikazzjoni b’suċċess oħra wara dak il-perjodu.

Kuntest

Il-Pjattaforma se ssegwi partikolarment il-progress li sar fuq żewġ Rakkomandazzjonijiet marbuta ma' dan il-Pjan ta' Azzjoni.

L-ewwel rakkomandazzjoni tipprevedi pożizzjoni tal-UE b'saħħitha kontra r-rifuġji fiskali, li tmur lil hinn mill-miżuri internazzjonali attwali. Billi jintużaw il-kriterji komuni, l-Istati Membri huma mħeġġa jidentifikaw r-rifuġji fiskali u jqiegħduhom fil-listi s-suwed nazzjonali.

It-tieni Rakkomandazzjoni hija dwar l-Ippjanar Aggressiv tat-Taxxa. Din tistabbilixxi metodi biex twaqqaf l-opportunitajiet sfruttati mill-kumpaniji biex jevitaw li jħallsu s-sehem ġust tagħhom tat-taxxa. Dawn jinkludu t-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet għal kontra l-abbuż fit-trattati bilaterali tat-taxxa, leġilazzjoni nazzjonali u leġislazzjoni korporattiva tal-UE. Kwalunkwe arranġamenti artifiċjali mwettqa għal raġunijiet ta' evitar tat-taxxa jiġu injorati u minflok il-kumpaniji jiġu intaxxati fuq il-bażi ta' sostanza ekonomika reali.

Il-passi li jmiss

L-ewwel laqgħa tal-Pjattaforma għalissa hija prevista għall-10 ta' Ġunju 2013.

Links Utli

Segwi l-Kummissarju Algirdas Šemeta fuq Twitter

Il-sit elettroniku tal-Kummissarju Algirdas Šemeta, il-Kummissarju tal-UE responsabbli għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali, l-Awditjar u l-Ġlieda Kontra l-Frodi:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/semeta/index_en.htm

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni u r-Rakkomandazzjonijiet jinsabu fuq:

http://ec.europa.eu/taxation_customs/common/publications/com_reports/taxation/index_en.htm

Sit elettroniku ġdid dwar l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa:

http://ec.europa.eu/taxation_customs/taxation/tax_fraud_evasion/index_en.htm

Sejħa għal Applikazzjonijiet biex issir membru tal-Pjattaforma:

http://ec.europa.eu/taxation_customs/resources/documents/taxation/tax_fraud_evasion/platform_call-applications_en.pdf

Commission Decision

Kuntatti :

Emer Traynor (+32 2 292 15 48)

Natasja Bohez Rubiano (+32 2 296 64 70)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website