Navigation path

Left navigation

Additional tools

Is-Sinjura Vassiliou tesprimi s-sodisfazzjoni tagħha għat-tnedija tal-ewwel iniżjattiva pan-Ewropea tal-MOOC fuq livell universitarju

European Commission - IP/13/349   23/04/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO RU TR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell/Heerlen (il-Pajjiżi l-Baxxxi), it-23 ta' April 2013

Is-Sinjura Vassiliou tesprimi s-sodisfazzjoni tagħha għat-tnedija tal-ewwel iniżjattiva pan-Ewropea tal-MOOC fuq livell universitarju

Bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea, is-sħab ta’ 11-il pajjiż ingħaqdu flimkien biex iniedu l-ewwel inizjattiva pan-Ewropea tal-‘MOOCs’ (Massive Open Online Courses). L-MOOCs huma korsijiet universitarji onlajn li jippermettu li n-nies ikollhom aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità mingħajr ma jħallu darhom. Madwar 40 kors, li jkopru varjetà wiesgħa ta’ suġġetti, se jkunu disponibbli b’xejn fi 12-il lingwa differenti. L-inizjattiva hija mmexxija mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Universitajiet għat-Tagħlim b’Distanza (European Association of Distance Teaching Universities - EADTU) u fil-biċċa l-kbira tinvolvi l-universitajiet miftuħa. Is-sħab huma bbażati fil-pajjiżi li ġejjin: Franza, l-Italja, il-Litwanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, is-Slovakkja, Spanja, ir-Renju Unit, ir-Russja, it-Turkija u l-Iżrael. Għal aktar informazzjoni ddettaljata dwar l-inizjattiva u l-korsijiet li qed jiġu offruti ara l-portal, www.OpenupEd.eu.

Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, qalet: “Dan huwa żvilupp eċitanti u nispera li se jiftaħ l-edukazzjoni għal għexieren ta' eluf ta' studenti u jixpruna l-iskejjel u l-universitajiet tagħna biex jadottaw metodi ta' tagħlim aktar innovattivi u flessibbli. Il-moviment tal-MOOC huwa diġà popolari ħafna, speċjalment fl-Istati Uniti, iżda din it-tnedija pan-Ewropea tpoġġi l-iniżjattiva fuq livell ġdid. Dan jirrifletti l-valuri Ewropej bħall-ekwità, il-kwalità u d-diversità u l-isħab involuti huma garanzija għal tagħlim ta' kwalità għolja. Inqisu li din l-inizjattiva hija parti ewlenija tal-istrateġija l-‘Ftuħ tal-Edukazzjoni’ li l-Kummissjoni se tniedi fis-sajf li ġej.”

Il-Professur Fred Mulder, il-president tat-task force tal-EADTU dwar l-edukazzjoni miftuħa u l-president tal-UNESCO dwar ir-Riżorsi Edukattivi Miftuħa, qed imexxi l-inizjattiva. “Għandna ħafna x’noffru fl-Ewropa billi nesploraw bis-sħiħ il-possibbiltajiet maħluqa bir-rivoluzzjoni tal-MOOCs, iżda b’perspettiva usa’ fuq il-ftuħ tal-edukazzjoni. L-għan tagħna huwa li nwieġbu għall-bżonn ta’ sistema aktar aċċessibbli għall-edukazzjoni għolja, li tqiegħed lil min qed jitgħallem fiċ-ċentru tal-azzjonijiet tagħha. L-MOOCs Ewropej se jipprovdu materjali ta’ kwalità għall-istudju awtonomu u se jgħaqqdu flimkien it-tagħlim informali u l-edukazzjoni formali. Pereżempju, uħud mill-korsijiet iwasslu għal krediti formali li jgħoddu għal grad universitarju. Barra minn hekk, ngħożżu wkoll id-diversità kemm fil-lingwa kif ukoll fil-kultura” kompla jżid Mulder, li kien ir-Rettur tal-Open Universiteit tal-Pajjiżi l-Baxxi mill-2000 sal-2010.

Il-President tal-EADTU, Will Swann qal: “Għal għexieren ta' snin, l-universitajiet miftuħa tal-Ewropa u l-isħab tagħhom ipprovdew struzzjoni u tagħlim tal-ogħla kwalità għal dawk kollha li fittxewhom. L-inizjattiva pan-Ewropea tal-MOOCs turi l-passjoni kollettiva tagħna biex inkunu aktar innovattivi. Qed infittxu li nespandu b’firxa dejjem tikber ta’ korsijiet mill-isħab li niedu l-inizjattiva, u se nilqgħu sħab ġodda minn madwar id-dinja li jaqsmu l-viżjoni u l-prattika tagħna ta’ edukazzjoni għolja flessibbli u reattiva.”

Sfond

Il-Kummissarju Vassiliou, flimkien mal-Professur Mulder u l-President tal-EADTU Swann, se jniedu l-inizjattiva Ewropea tal-MOOCs f’avveniment internazzjonali għall-istampa mxandar fuq l-internet u li se jkun organizzat mill-Open Universiteit tal-Pajjiżi l-Baxxi nhar il-Ħamis 25 ta’ April (mill-11:00 sal-12:00). Se jkun hemm ukoll Xavier Prats Monné, il-Viċi Direttur Ġenerali tad-Direttorat tal-Kummissjoni għall-Edukazzjoni u l-Kultura. Tista’ ssegwi l-avveniment onlajn fuq: www.ou.nl/moocs. Il-midja li tixtieq tipparteċipa fiċ-chat għandha tirreġistra minn qabel fuq is-sit.

Aktar informazzjoni dwar il-korsijiet

Il-korsijiet ivarjaw mill-matematika għall-ekonomija, mill-kompetenzi diġitali għall-kummerċ elettroniku, mit-tibdil fil-klima għall-wirt kulturali, mir-responsabbiltà soċjali korporattiva għal-Lvant Nofsani modern, u mit-tagħlim tal-lingwa għall-kitba fittizja. Kull sieħeb qed joffri korsijiet permezz tal-pjattaforma ta’ tagħlim tiegħu u mill-inqas fil-lingwa nazzjonali. Bħalissa, wieħed jista’ jagħżel mill-11-il lingwa tas-sħab (ara l-lista ta’ hawn taħt), flimkien mal-Għarbi.

Il-korsijiet jistgħu jittieħdu f’perjodu ta’ żmien skedat jew fi kwalunkwe perjodu skont ir-ritmu tal-istudent. Dawn tipikament jinvolvu bejn 20 sa 200 siegħa ta’ studju. Il-korsijiet kollha jistgħu jwasslu għal xi rikonoxximent: ċertifikat ta’ tlestija, l-hekk imsejjaħ ‘badge’ jew ċertifikat ta’ kreditu li jgħodd għal grad universitarju. Fil-każ tal-aħħar, l-istudenti jridu jħallsu għaċ-ċertifikat, bl-ispejjeż li jvarjaw minn € 25 sa € 400, skont it-tul tal-kors (is-sigħat ta’ studju li jinvolvi) u l-istituzzjoni.

Sħab li niedu l-inizjattiva u kuntatti

TR Anadolu University

Cengiz Hakan Aydin / +90 222 3201304 jew +90 532 2372821 (m)

LT Kaunas University of Technology

Gytis Cibulskis / +37 037300611 jew +37 068238080 (m)

FR Ministère de l’Enseignement Supérieur et de la Recherche

Anne Boyer

RU Moscow State University of Economics, Statistics and Informatics

Maria Tatarinova / skype - mary1621

NL Open Universiteit tal-Pajjiżi l-Baxxi

Marga Winnubst / +31 45 5762646

IL Open University of Israel

Naama Eliyahu / +972 52 7448889

ES Universidad Nacional de Educación a Distancia

Dr. Timothy Read / +34 619 292 575

PT Universidade Aberta

Dr. Antonio Teixeira / +351 963 055965

IT Università Telematica Internazionale UNINETTUNO

Nicola Paravati / +39 3393366208

UK The Open University

Open University Media Relations / +44 1908 654316

SK Slovak University of Technology in Bratislava (FEI)

Prof. Peter Ballo / +421 260291516 jew +421 904879370

UE EADTU

Darco Jansen / +31 6 1482 9106

Is-sħubija informali tippermetti li l-istituzzjonijiet jaħdmu flimkien biex joffru aċċess għall-MOOCs ta’ madwar l-Ewropa u lil hinn minnha.

Il-membri tal-EADTU li qed jippjanaw li jissieħbu mal-inizjattiva huma: Open University of Cyprus, DAOU/Aarhus University (DK), Tallinn University (EE), Universitat Oberta de Catalunya (ES), FIED Fédération Interuniversitaire de l’Enseignement à Distance (FR), Hellenic Open University (GR), AGH-University of Science and Technology Centre of eLearning (PL), Maria Curie Sklodowska University (PL), u University of Ljubljana (SI).

Sħab potenzjali oħra li huma interessati li jingħaqdu mal-inizjattiva għandhom jikkuntattjaw l-EADTU.

Atar informazzjoni dwar il-Ftuħ tal-Edukazzjoni

Il-Kummissarju Vassiliou, flimkien mal-Viċi President Neelie Kroes, responsabbli għall-aġenda diġitali, is-sajf li ġej se jniedu l-inizjattiva l-ġdida tal-Kummissjoni l-‘Ftuħ tal-Edukazzjoni’. Din għandha l-għan li tippromwovi l-użu tal-ICT u tar-riżorsi edukattivi miftuħa fil-livelli kollha tal-edukazzjoni sabiex jipprovdu lill-ġenerazzjonijiet attwali u futuri ta’ studenti bil-ħiliet li għandhom bżonn.

Assoċjazzjoni Ewropea tal-Universitajiet tat-Tagħlim b’Distanza

L-EADTU hija netwerk istituzzjonali ta’ għaxar universitajiet Ewropej ta’ tagħlim b’distanza/onlajn, ta’ 14-il assoċjazzjoni nazzjonali ta’ universitajiet tradizzjonali li jorganizzaw tagħlim b’distanza/onlajn għall-istudenti barra l-università, u ta’ żewġ universitajiet li joffru tagħlim ‘b’żewġ modi' kemm dak ibbażat fl-università kif ukoll dak onlajn. L-attivitajiet tal-EADTU għandhom l-appoġġ tal-azzjoni Jean Monnet, bħala parti mill-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja tal-UE.

Għal aktar informazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea :Edukazzjoni u taħriġ

L-EADTU: www.eadtu.eu

Il-websajt ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatti :

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Dina Avraam (+32 2 295 96 67)

EADTU: Darco Jansen (+31 6 1482 9106)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website