Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Autres langues disponibles: FR EN DE ES IT PT EL SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Ateni, 18 ta’ April 2013

It-12-il Konferenza tal-FEMIP — Ekonomija blu għall-Mediterran: it-tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-baħar u dik marittima

Maria Damanaki, il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Philippe de Fontaine-Vive, il-Viċi-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), u Andrew Winbow, Assistent Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), se jiltaqgħu f’Ateni, il-Greċja, fl-okkażjoni tat-12-il Konferenza (18-19 ta’ April) tal-Faċilità Ewro-Mediterranja ta’ Investiment u Sħubija (FEMIP), biex jaffermaw l-impenn tagħhom li jaħdmu kollettivament u fi sħubija b’appoġġ għal ekonomija blu u sostenibbli fir-reġjun tal-Mediterran u li jimmassimizzaw il-kooperazzjoni tal-baħar u dik marittima madwar il-pajjiżi kollha li jħaddnuh. Il-Ministri responsabbli għall-affarijiet marittimi fl-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, Franza, il-Greċja, Malta u l-Palestina se jkunu preżenti.

Il-potenzjal tal-baħar huwa fil-qalba tal-isforzi biex jippromwovu l-ksib ta’ tkabbir blu. Il-Kummissjoni Ewropea stipulat l-approċċ tagħha għal sħubija għad-demokrazija u l-prosperità kondiviża man-Nofsinhar tal-Mediterran, b’enfasi partikolari fuq il-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku inklużiv u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni settorjali. L-appoġġ finanzjarju totali għall-Viċinat tan-Nofsinhar tal-Mediterran bejn l-2007 u l-2012 laħaq EUR 7,48 biljun1. Il-BEI żied l-appoġġ tiegħu għar-reġjuni taħt il-Faċilità Ewro-Mediterranja ta’ Investiment u Sħubija (FEMIP). Bejn l-aħħar tal-2002 u l-2012, il-BEI provda aktar minn EUR 13 biljun ta' finanzjament lill-pajjiżi sħab tal-Mediterran u mmobilizza madwar EUR 35 biljun ta’ kapital addizzjonali flimkien mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, l-aġenziji bilaterali u s-settur privat sabiex l-integrazzjoni tar-reġjun timxi ‘l quddiem. L-IMO għandha mandat internazzjonali biex tipprovdi għall-adozzjoni tal-ogħla standards prattikabbli fis-sikurezza marittima, is-sigurtà u l-effiċjenza tan-navigazzjoni kif ukoll il-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn bastimenti.

Ninsab kuntenta li llum qed nagħti bidu għal proċess ta’ kooperazzjoni msaħħa għall-benefiċċju tal-ekonomija blu tar-reġjun. Billi naħdmu flimkien, kif ukoll mal-Unjoni għall-Mediterran, ma’ organizzazzjonijiet reġjonali relevanti oħra u mal-pajjiżi kollha kkonċernati, nistgħu nipprovdu kontribut għad-demokrazija, għall-prosperità fit-tul, għat-tkabbir inklużiv, għax-xogħol u l-impjiegi deċenti fir-reġjun. Ejja nibdew billi nappoġġaw l-iżvilupp ta’ raggruppamenti marittimi bħala pjattaformi utli għall-involviment tad-diversi partijiet interessati. Ejja nipprowovu wkoll il-ħolqien ta’ netwerks ta’ istituti ta’ taħriġ marittimu billi nieħdu l-eżempju ta’ proġetti ewlenin dwar Ċentri Ewropej ta‘ Eċċellenza għall-Edukazzjoni Marittima fil-Baħar Baltiku. F’reġjun bħal dak tal-Mediterran, huwa billi naħdmu bejn il-fruntieri u bejn is-setturi li nistgħu naħdmu aħjar u niksbu l-massa kritika tant meħtieġa", qalet il-Kummissarju Maria Damanaki.

Andrew Winbow tal-IMO stqarr: “Huwa ċar li ż-żamma u t-titjib, fejn possibbli, tal-kwalità u s-sostenibbiltà tal-ambjent hija kwistjoni ewlenija. Barra l-ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi limitati, din tinvolvi wkoll il-bżonn li jitqiesu bir-reqqa d-domandi tal-utenti tal-baħar li jikkompetu ma’ xulxin. Hemm żewġ oqsma ewlenin tal-azzjoni li jidhru li huma vitali: l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-promulgazzjoni tal-informazzjoni min-naħa waħda, u xi forma ta’ monitoraġġ u sorveljanza, min-naħa l-oħra, biex tiggarantixxi li l-politiki u l-prattiċi meħtieġa jiġu osservati u implimentati b’mod effettiv. F’dan ir-rigward, l-użu akbar tat-teknoloġija: bħas-sorveljanza u l-ġbir tad-dejta permezz tas-satellita jew is-sistemi ta’ navigazzjoni elettronika għall-implimentazzjoni li ġejja jistgħu jintużaw biex jagħtu appoġġ għall-ħarsien tal-ambjent. Flimkien mal-organizzazzjonijiet rilevanti tal-UE rappreżentati fil-konferenza, l-IMO tinsab lesta biex tagħti l-appoġġ tagħha lill-Istati fir-reġjun sabiex tiżgura l-futur sostenibbli li kollha qed infittxu”.

Philippe de Fontaine-Vive tal-BEI qal: "Irridu naħtfu kull opportunità biex nippromwovu iktar sinerġiji bejn il-politiki u l-opportunitajiet ta’ investiment. L-għan tagħna bħalissa huwa li nidentifikaw u nvaraw attivitajiet li jappoġjaw l-iżvilupp tal-ħiliet, il-ħolqien tal-impjiegi, is-sigurtà u s-sikurezza, il-ħarsien ambjentali u t-tkabbir "blu" fir-reġjun. Għal dan il-għan il-BEI għandu jkun jista’ jiddependi fuq l-appoġġ finanzjarju tas-settur privat."

Materjal ta’ sfond rilevanti jista’ jinstab fuq il-websajt tal-Konferenza:

http://www.amiando.com/12thFEMIP_Conference.html

Kuntatti:

Il-Kummissjoni Ewropea: Oliver Drewes (+32 2 299 24 21)

Lone Mikkelsen (+32 2 296 05 67)

Il-Bank tal-Investiment Ewropew: Anne-Cécile Auguin (+352 621 36 19 48) L-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali: Ashok Mahapatra (+44 207 587 32 12)

1 :

Impenji dwar il-kooperazzjoni bilaterali u reġjonali/interreġjonali, ħlief għall-kooperazzjoni transfruntiera u l-krediti amministrattivi.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site