Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-18 ta' April 2013

Ċentru ta' taħriġ ġdid tal-UE għall-ġlieda kontra t-traffikar illegali tal-materjal nukleari u radjuattiv

Illum, il-Kummissjoni Ewropea nediet ċentru Ewropew ta’ taħriġ ġdid fis-sigurtà nukleari (EUSECTRA) f’Karlsruhe. Dan iċ-ċentru ta’ taħriġ se jgħallem lill-uffiċjali, lill-ħarrieġa u lill-esperti ta’ esperjenza dwar kif jindividwaw u jindirizzaw it-traffikar illegali tal-materjal nukleari u ta' materjal radjuattiv ieħor. L-EUSECTRA joffri taħriġ prattiku billi juża varjetà wiesgħa ta’ materjal radjuattiv u nukleari kif ukoll għażla vasta ta’ tagħmir u ta’ strumenti ta’ kejl. Fuq ġewwa, waħda mis-swali ta' taħriġ tirripproduċi l-kundizzjonijiet ta’ ajruport, mgħammra b'individwaturi tal-metall għall-kontroll tal-passiġġieri u b’konvejer bir-raġġi-x għall-oġġetti personali tagħhom. Fuq barra, jiġi organizzat taħriġ f’diversi xenarji, li jinkludu 4 tipi differenti ta’ apparati ta’ kontroll tar-radjazzjoni. B’mod ġenerali, waqt it-taħriġ tintuża aktar minn 30 biċċa għodda ta’ kejl u ta’ individwazzjoni. Iċ-ċentru jtejjeb l-attivitajiet ta’ taħriġ li jitwettqu f'dan il-qasam miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) fis-siti ta' Karlsruhe u ta' Ispra.

Máire Geoghegan-Quinn, il-Kummissarju Ewropew għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, qalet: “Is-sigurtà nukleari hija sfida globali ewlenija fis-seklu 21. It-taħriġ u l-kooperazzjoni internazzjonali fir-rigward tal-individwazzjoni huma elementi fundamentali fit-tweġiba tagħna fil-konfront tat-theddida tat-traffikar illegali tal-materjal radjuattiv u nukleari. Dan iċ-ċentru ġdid huwa minn ta’ quddiem fir-riċerka u t-teknoloġija.”

Permezz ta’ dan iċ-ċentru ta’ taħriġ il-persunal ta’ emerġenza se jkun atrezzat aħjar biex jipprevjeni u jindirizza l-inċidenti nukleari. Għalkemm dawn huma rari, jistgħu jħallu konsegwenzi koroh ħafna. L-EUSECTRA mhux biss se jgħin biex jipproteġi liċ-ċittadini Ewropej iżda se jservi wkoll bħala punt ta’ referenza għal organizzazzjonijiet oħra f’dan il-qasam” qalet Cecila Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni.

Iċ-ċentru ta’ taħriġ li jinsab fil-bini tal-Istitut tal-Elementi Transuraniċi (ITU) tal-JRC, ġie stabbilit fi ħdan il-qafas tal-pjan ta’ azzjoni tal-UE fis-settur kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari (CBRN), li ġie adottat mill-Kunsill Ewropew fl-2009. Il-programmi ta’ taħriġ ġew żviluppati flimkien mal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) u mad-Dipartiment tal-Enerġija tal-Istati Uniti. Fl-inawgurazzjoni taċ-ċentru ħadu sehem ukoll rappreżentanti minn dawn l-organizzazzjonijiet.

Barra mill-għan prinċipali tat-trafikkar tal-materjal, l-EUSECTRA se jtejjeb il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi u n-netwerking tal-esperti, u se jipprovdi strument ċentrali ta’ ġestjoni tal-għarfien. Qed jiġi provdut ukoll taħriġ avvanzat fis-settur tal-individwazzjoni u l-identifikazzjoni ta’ materjal, il-ġestjoni ta’ xeni ta’ kriminalità b’rabta mar-radjoloġija u l-iżvilupp ta’ pjani nazzjonali ta’ intervent.

Sfond

Diġà kienu organizzati serje ta' sessjonijiet pilota mmirati lejn uffiċjali, ħarrieġa u esperti ta’ esperjenza li kienu jinvolvu parteċipanti minn ħafna pajjiżi tal-Afrika tat-Tramuntana, tal-Afrika Ċentrali, tal-Asja Ċentrali, tal-Asja tax-Xlokk, tal-KSI (Komunità ta’ Stati Indipendenti) u tal-Ewropa.

Il-bini tal-EUSECTRA jinkludi wkoll laboratorji ġodda ta’ taħriġ dwar il-kontrolli nukleari għall-ispetturi nukleari tal-Kummissjoni Ewropea (Euratom) u l-IAEA, li matul dawn l-aħħar 20 sena tħarrġu fuq varjetà ta' tekniki differenti mill-JRC.

Il-pjan ta’ azzjoni fis-settur kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari (CBRN) ġie adottat mill-Kunsill Ewropew f’Diċembru tal-2009. Il-Kunsill ħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE u lill-Kummissjoni biex jippromwovu kultura ta’ sigurtà mtejba billi jiffukaw fuq l-għarfien fil-qasam tas-sigurtà tas-CBRN permezz tat-titjib tal-valutazzjonijiet tar-riskju u tal-preparazzjoni, permezz tar-riċerka, tal-iskambju tal-aħjar prattiki u t-taħriġ u l-eżerċizzji konġunti.

Il-pjan ta’ azzjoni ħeġġeġ ukoll it-twaqqif tal-EUSECTRA biex jipprovdi taħriġ fis-settur tas-sigurtà nukleari u radjoloġika u biex jappoġġa u jikkomplementa dawn l-attivitajiet fil-livell nazzjonali.

Il-JRC intagħżel mid-Direttorat Ġenerali tal-Affarijiet Interni għall-implimentazzjoni taċ-ċentru ta’ taħriġ minħabba r-rikonoxximent tiegħu bħala ċentru ta’ kompetenza minn awtoritajiet nazzjonali u internazzjonali fil-qasam tal-kontrolli nukleari (l-ispezzjoni u l-verifiki għall-użu paċifiku tal-materjali nukleari) kif ukoll minħabba l-esperjenza twila ta’ taħriġ b’suċċess f’dan il-qasam. Il-JRC kien involut ukoll, għal għoxrin sena fl-implimentazzjoni ta’ ħafna proġetti fil-qasam tal-individwazzjoni nukleari u tal-forensika barra l-fruntieri Ewropej permezz tal-programm TACIS (Assistenza Teknika lill-Istati Indipendenti tal-Commonwealth) u permezz tal-istrumenti Komunitarji ta’ qabel l-adeżjoni.

Is-sigurtà nukleari hija relatata mal-prevenzjoni, l-individwazzjoni u t-trattament tat-traffikar illegali ta’ materjali nukleari jew ta’ materjal ieħor radjuattiv u taqa’ prinċipalment taħt ir-responsabbiltà nazzjonali. Il-kontrolli nukleari huma relatati mal-attivitajiet li jiżguraw li l-materjali nukleari jintużaw biss għal użi paċifiċi, bl-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ kontabilità nukleari u ta’ spezzjonijiet indipendenti. Dawn huma bbażati fuq ftehimiet internazzjonali li jippermettu lill-awtoritajiet nazzjonali u internazzjonali, bħall-IAEA u l-Kummissjoni Ewropea, jivverifikaw il-kontinwazzjoni tal-użu paċifiku tal-materjal nukleari.

Għal aktar tagħrif dwar l-inawgurazzjoni u l-attivitajiet tal-EUSECTRA ara:

http://itu.jrc.ec.europa.eu/index.php?id=36&type=0&iEntryUID=246&iEntryPID=68

Kuntatti :

Michael Jennings (+32 2 296 33 88) Twitter: @ECSpokesScience

Monika Wcislo(+32 2 295 56 04)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site