Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE qed tgħin biex tittaffa l-kriżi u tipproduċi tkabbir, jgħid ir-Rapport Strateġiku tal-Kummissjoni 2013

European Commission - IP/13/336   18/04/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 18 ta’ April 2013

Il-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE qed tgħin biex tittaffa l-kriżi u tipproduċi tkabbir, jgħid ir-Rapport Strateġiku tal-Kummissjoni 2013

Il-Kummissjoni Ewropea llum ippreżentat ħarsa ġenerali ta’ kif il-Fondi Strutturali tal-UE qed jaħdmu fl-Istati Membri. Ir-“Rapport Strateġiku” dwar l-implimentazzjoni tal-programmi tal-Politika ta’ Koeżjoni għall-perjodu 2007-2013 jgħaqqad flimkien informazzjoni disponibbli mingħand l-Istati Membri, sal-aħħar tal-2011 fil-biċċa l-kbira tal-każijiet. Għalkemm għad baqa' erba’ snin oħra sakemm il-programmi jintemmu fl-2015, l-investimenti taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Soċjali Ewropew diġà wasslu għal progress u titjib għal ħafna ċittadini.

Madwar l-UE, dawn jinkludu:

  1. 1.9 miljun persuna illum għandhom aċċess broadband;

  2. 2.6 miljun persuna huma moqdija minn provvista tal-ilma, 5.7 miljun persuna oħra minn proġetti tad-drenaġġ;

  3. hemm 460 km ta’ toroq tat-TEN-T u 334 km tal-ferrovija TEN-T; u

  4. 2.4 miljun persuna megħjuna mill-Fond Soċjali Ewropew sabu xogħol ġdid.

L-innovazzjoni u n-negozji ż-żgħar qed jirċievu spinta kbira minn investimenti ta’ politika ta’ koeżjoni b’ħafna oħra jistennew. S’issa:

  1. 53,240 proġett tar-RTŻ u 16,000 proġett għar-riċerka tan-negozju rċevew investiment u

  2. 53,160 impriza li għadhom jibdew ġew appoġġjati.

Hekk kif fondi jintużaw u jinbdew il-proġetti, ir-rapport jiddokumenta:

  • Żieda sinifikanti fl-għadd ta’ persuni appoġġati fil-qasam tal-impjiegi minn madwar 10 miljuni fis-sena qabel l-2010 għal madwar 15-il miljun fuq bażi annwali minn dak iż-żmien ‘l hawn; u

  • Aċċelerazzjoni sinifikanti tar-riżultati mill-2010 fil-qasam tal-appoġġ għal SMEs: Kważi 400 000 impjiegi maħluqa (nofs dawn fl-2010/11) inkluż 15,600 impjiegi tar-riċerka u 167 000 impjiegi fl-SMEs.

Waqt li kien qed jikkummenta fuq ir-rapport, il-Kummissarju għall-Politika Reġjonali Johannes Hahn qal: “Dan ir-rapport jipprovdi stampa imprezzabbli ta’ politika li qiegħda trodd lura ħafna mill-prijoritajiet tal-UE u investiment fit-tkabbir meta hu l-iktar meħtieġ. Aħna qegħdin nipprovdu appoġġ għal negozji innovattivi ġodda u l-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli tajbin għall-ġejjieni, billi nipprovdu broadband lil reġjuni remoti, l-indirizzar tal-eżodu tal-imħuħ, u t-trawwim ta’ rabtiet importanti tat-trasport li jikkontribwixxu lejn il-kompetittività ta’ reġjuni. Il-politika wriet ukoll li hi kapaċi għal ħafna flessibbiltà, rispons għall-kriżi u adattament għall-bdil fil-bżonnijiet tal-persuni u l-komunitajiet tagħhom.”

Huwa żied jgħid: “Iżda għandna wkoll lezzjonijiet x’nitgħallmu: ir-riżultati huma xi drabi inkonsistenti u hemm bżonn li l-Istati Membri jħaffu l-isforzi tagħhom biex jużaw ir-riżorsi tal-UE. Hekk kif inħarsu ‘l quddiem lejn il-perjodu ta’ programmar ġdid, nistennew lill-Istati Membri u r-reġjuni biex jiffukaw din il-politika iżjed fuq ir-riżultati u l-prijoritajiet li jkollhom l-akbar impatt.”

Il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni Lázsló Andor żied, "Mal-kriżi, il-fondi tal-Politika ta’ koeżjoni tal-UE qed isiru dejjem iktar importanti bħala sors ta’ investiment madwar l-Unjoni. Il-Fond Soċjali Ewropew qed jagħti sostenn kruċjali lill-kapital uman tagħna, speċjalment fejn żgħażagħ jiġu megħjuna jżidu ċ-ċansijiet tagħhom għal karriera ta’ suċċess. It-tħejjija tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ programmi hija opportunità unika biex tirfed l-istrateġija ta’ tkabbir u ta’ impjiegi b’appoġġ finanzjarju sinifikanti. Investiment fil-kapital soċjali u uman jeħtieġ li jkollu rwol importanti f’dan.”

Ir-“Rapport Strateġiku” jiddeskrivi fil-qosor il-progress ta’ kull pajjiż fit-twettiq tal-għanijiet tal-UE, f’konformità mal-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex ikejlu l-progress f’setturi strateġiċi ewlenin, bħalma huma r-riċerka u l-innovazzjoni, il-ferrovija, l-enerġija, il-bini tal-kapaċità, it-trasport urban sostenibbli, il-ħolqien tal-impjiegi u t-taħriġ.

Ir-rapporti sottomessi mis-27 Stat Membru fi tmiem l-2012 (ibbażat prinċipalment fuq dejta tal-2011) jipprovdu lill-Kummissjoni bl-ewwel opportunità biex tirrapporta, matul perjodu ta’ pprogrammar, dwar il-progress fit-twettiq tal-eżiti u r-riżultati u biex jenfasizzaw il-messaġġi importanti u fil-ħin dwar il-potenzjal tal-politika ta’ koeżjoni biex tagħmel il-parti tagħha għall-irkupru ekonomiku tal-UE. Il-Kummissjoni tidentifika l-oqsma ta’ investiment fejn trid tittieħed azzjoni biex jitħaffu l-għażla u t-twettiq tal-proġetti kofinanzjati fil-perjodu 2007 -2013 sabiex jilħqu l-għanijiet stabbiliti.

Sfond

Permezz tat-tliet Fondi tagħha – il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), u l-Fond ta’ Koeżjoni, l-UE se tinvesti EUR 347 biljun fil-perjodu 2007-2013 fis-27 Stat Membru. Dan jirrappreżenta 35 % tat-total tal-baġit tal-UE għall-istess perjodu (EUR 975 biljun).

Ir-rapport jenfasizza wkoll ir-rilevanza tar-riformi profondi li bħalissa qed ikunu negozjati bejn il-Parlament Ewropew u l-gvernijiet tal-UE għal politika ta’ koeżjoni mill-2014-2020, inkluża konċentrazzjoni aktar strateġika ta’ riżorsi fuq prijoritajiet ewlenin u iktar iffukar fuq ir-riżultati u l-evalwazzjoni.

Aktar informazzjoni

Rapporti ta’ Implimentazzjoni Annwali għas-27 Stat Membru

http://ec.europa.eu/regional_policy/how/policy/strategic_report_en.cfm

Aktar informazzjoni fuq il-Politika ta’ koeżjoni Ewropea:

http://ec.europa.eu/regional_policy/index_mt.htm

(Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni)

Proposti leġiżlattivi mill-Kummissjoni dwar Riforma tal-Politika ta’ Koeżjoni:

http://ec.europa.eu/regional_policy/what/future/index_mt.cfm

Il-Fond Soċjali Ewropew:

http://ec.europa.eu/esf

Materjal awdjoviżiv fuq il-proġetti u n-nies appoġġjati mill-Fond Soċjali Ewropew

http://ec.europa.eu/employment_social/esf/video/videos_mt.htm

@EU_Regional

@JHahnEU

Kuntatti :

Shirin Wheeler (+32 2 296 65 65)

Annemarie Huber (+32 2 299 33 10)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website