Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tieħu passi biex ittejjeb it-trasparenza tan-negozju dwar kwistjonijiet soċjali u ambjentali

European Commission - IP/13/330   16/04/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 16 ta' April 2013

Il-Kummissjoni tieħu passi biex ittejjeb it-trasparenza tan-negozju dwar kwistjonijiet soċjali u ambjentali

Il-Kummissjoni Ewropea llum ipproponiet li ssir emenda għall-leġiżlazzjoni eżistenti tal-kontabilità biex tittejjeb it-trasparenza ta’ ċerti kumpaniji kbar fuq kwistjonijiet soċjali u ambjentali. Il-kumpaniji kkonċernati se jkollhom jiddivulgaw informazzjoni dwar il-politiki, ir-riskji u r-riżultati fir-rigward ta’ kwistjonijiet ambjentali, soċjali u aspetti relatati mal-impjegati, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kontra l-korruzzjoni u kwistjonijiet ta’ tixħim, u d-diversità fil-bordijiet tad-diretturi.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Michel Barnier, qal: "Illum qed nipproponu leġiżlazzjoni importanti dwar it-trasparenza tan-negozju madwar is-setturi kollha. Din titratta l-provvediment ta’ informazzjoni utli għal kumpaniji, investituri u s-soċjetà inġenerali – li l-komunità tal-investituri talbet ħafna għaliha. Il-kumpaniji li diġà jippubblikaw informazzjoni fuq il-prestazzjoni finanzjarja u non finanzjarja tagħhom jieħdu perspettiva aktar fit-tul fit-teħid ta’deċiżjonijiet tagħhom. Għandhom anqas spejjeż ta' finanzjament, jattiraw u jżommu impjegati tajbin, u fl-aħħar mill-aħħar ikollhom aktar suċċess. Dan hu importanti għall-kompetittività tal-Ewropa u għall-ħolqien ta’ aktar impjiegi. L-aħjar prattika għandha tkun in-norma. Ir-regoli l-ġodda se japplikaw biss għall-kumpaniji l-kbar b’aktar minn 500 impjegat peress li l-ispejjeż li jidħlu fihom l-intrapriżi ż-għar u medji (SMEs) jekk jintalbu biex japplikaw ir-regoli l-ġodda, jistgħu jissuperaw il-benefiċċji.

Skont il-proposta, kumpaniji kbar b’aktar minn 500 impjegat jintalbu li jiddivulgaw informazzjoni rilevanti u materjali ambjentali u soċjali fir-rapporti annwali tagħhom. L-istrateġija adottata hawnhekk hi li tiżgura li piżijiet amministrattivi jkunu l-anqas possibbli. Qed tintalab biss informazzjoni konċiża li tkun meħtieġa biex wieħed jifhem l-iżvilupp, il-prestazzjoni jew il-pożizzjoni ta’ kumpanija, aktar minn rapport ezawrijenti u ddettaljat ta’ "sostenibilità”. Jekk ir-rappurtar f’qasam speċifiku ma jkunx relevanti għal kumpanija, mhux se tkun obbligata li tirrapporta imma li tispjega biss għaliex dan ikun il-każ. Barra minn hekk, l-iżvelar jista’ jiġi pprovdut fil-livell tal-grupp, aktar milli minn kull kumpanija individwali fi ħdan grupp.

Il-miżura proposta ġiet imfassla b’atteġjament mhux preskrittiva, u tħalli flessibbiltà sinifikanti għall-kumpaniji biex jiddivulgaw informazzjoni rilevanti b’mod li huma jkunu jqisu bħala utli. Il-kumpaniji jistgħu jużaw linji gwida internazzjonali jew nazzjonali li jqisu xieraq (pereżempju, il-Patt Globali tan-NU, ISO 26000, jew il-Kodiċi Ġermaniż għas-Sostenibbiltà).

Fir-rigward tat-trasparenza u d-diversità fl-amministrazzjoni, il-kumpaniji l-kbar ikkwotati fil-borża jkunu mitluba jipprovdu informazzjoni fuq il-politika tagħhom dwar id-diversità, li tkopri l-età, is-sess, id-diversità ġeografika, u l-edukazzjoni u l-isfond professjonali tagħhom. Id-divulgazzjoni tistabbilixxi l-għanijiet tal-politika, kif ġiet implimentata, u r-riżultati. Il-kumpaniji li ma għandhomx politika ta’ diversità, ikunu jridu jispjegaw għaliex ma għandhomx. Dan l-approċċ huwa konformi mal-qafas ta’ governanza korporattiva ġenerali tal-UE.

Sfond

Din il-miżura ġiet imħabbra mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tal-Att dwar is-Suq Uniku f’April 2011 (ara IP/11/469), fil-Komunikazzjoni “Strateġija Mġedda għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva 2011-14” maħruġa f’Ottubru 2011 IP/11/1238).

Il-Kummissjoni kienet involuta f’konsultazzjoni estensiva ħafna mal-Istati Membri, kumpaniji, investituri u partijiet interessati oħra, li bdiet b’konsultazzjoni pubblika wiesgħa f’Novembru 2010. Fl-2012 ġiet konkluża valutazzjoni tal-impatt li qieset l-għażliet ta’ politika differenti bl-intenzjoni li tiġi adottata proposta bilanċjata li tippermetti għal progress sinifikanti fuq rappurtar utli u trasparenti minn kumpaniji, imma jiġi evitat piż amministrattiv żejjed.

Il-leġiżlazzjoni attwali tal-UE, b’mod partikolari, ir-Raba’ Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji dwar il-kontijiet annwali, tindirizza d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mhux finanzjarja b’mod li l-kumpaniji jistgħu jagħżlu li jippubblikaw ċerta informazzjoni dwar l-aspetti ambjentali, soċjali u oħrajn tal-attivitajiet tagħhom. Madankollu, ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni eżistenti taw prova li mhumiex ċari u huma ineffettivi u applikat b’modi differenti fi Stati Membri differenti. Bħalissa, inqas minn 10 % tal-akbar kumpaniji tal-UE jiddivulgaw din l-informazzjoni regolarment. Biż-żmien, xi Stati Membri introduċew rekwiżiti ta’ żvelar li jmorru lil hinn mir-Raba’ Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji. Pereżempju: ir-Renju Unit introduċa leġiżlazzjoni fl-2006 li issa qed tiġi aġġornata; l-Isvezja adottat leġiżlazzjoni fl-2007; Spanja fl-2011; Id-Danimarka emendat il-leġiżlazzjoni tagħha fl-istess sena; l-aħħar aġġornament fi Franza ilu minn Mejju tal-2012.

Il-kostijiet assoċjati mad-divulgazzjoni neċessarja għal kumpaniji kbar huma proporzjonati mal-valur u l-utilità tal-informazzjoni u d-daqs u l-kumplessità tal-kumpaniji.

Fis-6 ta’ Frar 2013, il-Parlament Ewropew adotta żewġ Riżoluzzjonijiet (“Responsabbiltà Soċjali Korporattiva: aġir imprenditorjali responsabbli, trasparenti u responsabbli u t-tkabbir sostenibbli” u “Responsabbiltà Soċjali Korporattiva: il-promozzjoni tal-interessi tas-soċjetà u rotta lejn l-irkupru sostenibbli u inklużiv”), filwaqt li jirrikonoxxi l-importanza tat-trasparenza korporattiva dwar kwistjonijiet ambjentali u soċjali.

Ara wkoll MEMO/13/336.

Aktar informazzjoni

http://ec.europa.eu/internal_market/accounting/non-financial_reporting/index_en.htm

Kuntatti :

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website