Navigation path

Left navigation

Additional tools

Insaħħu t-tħejjija tal-Ewropa għad-diżastri naturali u għal dawk ikkawżati mill-bniedem

European Commission - IP/13/329   16/04/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-16 ta’ April 2013

Insaħħu t-tħejjija tal-Ewropa għad-diżastri naturali u għal dawk ikkawżati mill-bniedem

Il-Kummissjoni Ewropea llum qed tippreżenta pakkett li jikkonsisti f’żewġ partijiet: l-istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima, li tistabbilixxi qafas u mekkaniżmi biex titjieb it-tħejjija tal-UE għall-impatti attwali u futuri tat-tibdil fil-klima, u miżura relatata, li fiha l-Kummissjoni adottat ukoll Green Paper dwar l-assigurazzjoni fil-kuntest tad-diżastri naturali u ta’ dawk ikkawżati mill-bniedem. Din il-konsultazzjoni pubblika qed tniedi dibattitu wiesa’ dwar l-adegwatezza u d-disponibbiltà tal-alternattivi eżistenti tal-assigurazzjoni.

Connie Hedegaard, il-Kummissarju Ewropew għall-Azzjoni dwar il-Klima, qalet: “It-tnaqqis tal-emissjonijiet dinjin tal-gassijiet serra jrid jibqa’ l-prijorità ewlenija tagħna sabiex it-tisħin globali jinżamm taħt iż-2 °Ċ u jiġi evitat it-tibdil perikoluż fil-klima. Iżda llum il-ġurnata l-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima qed isiru dejjem iktar evidenti fl-Ewropa. Waħda mill-aktar sfidi fundamentali għall-iżvilupp territorjali fl-Ewropa hija li nadattaw irwieħna għal dawn il-bidliet. L-istrateġija tagħna se tgħin lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-Ewropa jagħżlu l-aħjar soluzzjonijiet għall-benefiċċju taċ-ċittadini tagħhom. Dan se jistimula t-tkabbir u l-impjiegi u se jipprevjeni spejjeż umani, ekonomiċi u ambjentali potenzjalment għoljin fil-ġejjieni.”

Michel Barnier, il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, qal: “Il-katastrofi naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem qegħdin dejjem jiżdiedu u l-ħila tas-settur tal-assigurazzjoni li joffri servizzi tal-assigurazzjoni għalihom mhix qed tintuża għal kollox. Jeħtieġ li nesploraw soluzzjonijiet fil-livell Ewropew sabiex negħlbu n-nuqqas fl-assigurazzjoni, kif ukoll mezzi komuni ta’ prevenzjoni u modi kif nistgħu nkabbru l-għarfien dwar dan fost iċ-ċittadini u l-kumpaniji. Din il-Green Paper qed tniedi dibattitu importanti dwar dawn il-kwistjonijiet u se tippermettilna niksbu ħarsa ġenerali iktar kompluta tal-qagħda fl-Istati Membri differenti.”

Kristalina Georgieva, il-Kummissarju Ewropew għall-Kooperazzjoni Internazzjonali, l-Għajnuna Umanitarja u r-Rispons f’Każ ta’ Kriżi, qalet: “Poloz tal-assigurazzjoni mfasslin tajjeb jistgħu jaħdmu wkoll bħala strument ibbażat fuq is-suq biex jiskuraġġixxu mġiba riskjuża u jippromwovu l-għarfien tar-riskji u t-tħejjija ġenerali għad-diżastri meta jittieħdu d-deċiżjonijiet ekonomiċi u finanzjarji.”

L-istrateġija tiffoka fuq tliet għanijiet ewlenin:

  • Il-promozzjoni ta’ azzjoni mill-Istati Membri: Il-Kummissjoni se tħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jadottaw strateġiji komprensivi ta’ adattament (attwalment 15-il Stat Membru għandhom strateġija) u se tipprovdi fondi biex tgħinhom jibnu l-kapaċitajiet ta’ adattament tagħhom u jieħdu azzjoni. Barra minn hekk, hija se tappoġġa l-adattament fl-ibliet billi tniedi impenn volontarju bbażat fuq l-inizjattiva tal-Patt tas-Sindki.

  • Azzjoni ta’ “reżistenza għat-tibdil fil-klima” fil-livell tal-UE billi jkompli jiġi promoss l-adattament ta’ setturi vulnerabbli ewlenin bħall-agrikultura, is-sajd u l-politika ta’ koeżjoni, filwaqt li jiġi żgurat li l-infrastruttura tal-Ewropa ssir aktar reżistenti, u billi jiġi promoss l-użu ta’ assigurazzjoni kontra d-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem.

  • It-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod iktar infurmat billi jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fl-għarfien dwar l-adattament u billi tkompli tiġi żviluppata l-pjattaforma Ewropea għall-adattament għat-tibdil fil-klima bħala l-punt ta’ kuntatt waħdieni għat-tagħrif dwar l-adattament fl-Ewropa.

Noħolqu l-impjiegi u niffrankaw l-ispejjeż

L-istrateġija tagħti attenzjoni kbira lill-għażliet ta’ adattament li huma rħas u ta’ ġid għall-ekonomija u għall-klima u li jagħmlu sens għal diversi raġunijiet. Se tippromwovi t-tkabbir sostenibbli, tistimula investiment li jkun jiflaħ għat-tibdil fil-klima u toħloq impjiegi ġodda, l-iktar f’setturi bħall-bini, il-ġestjoni tal-ilma, l-assigurazzjoni, it-teknoloġiji tal-agrikultura u l-ġestjoni tal-ekosistemi.

L-istimi tal-ispejjeż u tal-benefiċċji tal-ġejjieni juru li kull euro li jintefaq fuq il-protezzjoni mill-għargħar jista’ jiffranka sitt euro fi spejjeż għall-ħsarat. L-għargħar ħalla iktar minn 2 500 ruħ mejta, laqat lil aktar minn 5.5 miljun ruħ u kkawża telf ekonomiku dirett ta’ aktar minn EUR 90 biljun matul il-perjodu mill-1980 sal-2011. In-nefqa minima jekk ma nadattawx ruħna għat-tibdil fil-klima mistennija tkun ta’ EUR 100 biljun fis-sena fl-2020 u ta’ EUR 250 biljun fl-2050 għall-UE kollha.

Green Paper dwar l-assigurazzjoni kontra d-diżastri

Bħal bosta reġjuni oħra fid-dinja, l-Unjoni Ewropea hija vulnerabbli kważi għal kull tip ta’ diżastru naturali. Id-diżastri ma jwasslux biss biex imutu l-bnedmin, iżda jagħmlu wkoll ħsara li tiswa biljuni ta’ euro kull sena, u jaffettwaw l-istabbilità ekonomika u t-tkabbir. Id-diżastri jista’ jkollhom effetti li jmorru lil hinn mill-fruntieri u jistgħu jheddu wkoll żoni sħaħ fil-pajjiżi ġirien. Anke f’każijiet fejn l-ispejjeż ta’ diżastri kbar ikunu jikkonċernaw żona lokali biss, jekk l-ispejjeż ma jkunux koperti biżżejjed bil-poloz tal-assigurazzjoni, jista’ jkun li l-Istati Membri individwali jkollhom iġorru piżijiet fiskali kbar, li jistgħu jwasslu għal żbilanċi interni u esterni. Għalhekk, din hija kwistjoni importanti għaċ-ċittadini, għall-kumpaniji u għall-gvernijiet madwar l-Unjoni Ewropea kollha.

Il-Green Paper tqajjem għadd ta’ mistoqsijiet dwar l-adegwatezza u d-disponibbiltà tal-assigurazzjoni x-xierqa kontra d-diżastri. L-għan huwa li titqajjem kuxjenza dwar dan u li jiġi vvalutat jekk azzjoni fil-livell tal-UE tistax tkun xierqa jew meħtieġa biex jittejjeb is-suq għall-assigurazzjoni kontra d-diżastri fl-Unjoni Ewropea jew le. B’mod aktar ġenerali, dan il-proċess se jwessa’ wkoll il-bażi tal-għarfien u jgħin biex l-assigurazzjoni tiġi promossa bħala għodda għall-ġestjoni tad-diżastri u b’hekk se jikkontribwixxi għal ċaqliq lejn kultura ġenerali ta’ prevenzjoni u mitigazzjoni tar-riskju tad-diżastri.

Il-passi li jmiss

Il-Komunikazzjoni li tistabbilixxi l-istrateġija ta’ adattament hija indirizzata lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE sabiex dawn jibagħtu t-tweġibiet tagħhom dwarha. Il-Kummissjoni se torganizza konferenza dwar l-istrateġija għall-partijiet interessati fid-29 ta’ April fi Brussell.

Il-konsultazzjoni pubblika dwar il-Green Paper se tibqa’ miftuħa sat-30 ta’ Ġunju 2013. Ladarba l-Kummissjoni tkun eżaminat it-tweġibiet li tkun irċeviet, se tiddeċiedi dwar l-aktar azzjoni x-xierqa ta’ segwitu, li tista’ tieħu diversi forom, kemm leġiżlattivi u kemm mhumiex.

Il-kuntest

It-temperatura fl-Ewropa qed titla’ b’rata iktar mgħaġġla minn dik f’ħafna partijiet oħra tad-dinja, u t-temperatura tal-art fl-Ewropa matul dawn l-aħħar għaxar snin bħala medja kienet 1.3 °Ċ ogħla minn dik li kienet fl-era preindustrijali, meta mqabbla ma’ żieda medja dinjija ta’ 0.8 °Ċ. L-impatti jvarjaw madwar l-UE kollha skont il-kundizzjonijiet klimatiċi, ġeografiċi u soċjoekonomiċi, iżda l-Istati Membri kollha huma esposti għat-tibdil fil-klima. Xi avvenimenti estremi tat-temp żdiedu, u n-Nofsinhar tal-Ewropa u l-Ewropa Ċentrali qed isofru iktar ta’ spiss minn mewġ ta’ sħana, nirien fil-foresti u perjodi ta’ nixfa. Fit-Tramuntana u l-Grigal tal-Ewropa mistenni jkun hemm iktar xita u għargħar, li jġibu magħhom riskju akbar ta’ għargħar u erożjoni mal-kosta. Żieda f’avvenimenti bħal dawn x’aktarx li żżid il-kobor tad-diżastri, u twassal għal telf ekonomiku sinifikanti u għal problemi tas-saħħa pubblika u mwiet.

Fl-Ewropa, il-baċir tal-Mediterran, iż-żoni muntanjużi, il-pjanuri vulnerabbli għall-għargħar li huma mgħammrin minn ħafna nies, iż-żoni ta’ mal-kosta, ir-reġjuni l-iktar imbiegħda u l-Artiku huma partikularment vulnerabbli għall-impatti mit-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, tliet kwarti tal-popolazzjoni tgħix f’żoni urbani li jistgħu jkunu esposti għal mewġ tas-sħana, għall-għargħar jew għal livelli tal-baħar li jogħlew.

Għal aktar tagħrif, ara:

Il-paġna tad-Direttorat Ġenerali għall-Azzjoni Klimatika dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima

Il-pjattaforma Ewropea għall-adattament għat-tibdil fil-klima

Id-dokument bir-referenza:

MEMO/13/334

MEMO/13/335

Persuni ta’ kuntatt:

Isaac Valero Ladron (+32 2 296 49 71)

Stephanie Rhomberg (+32 2 298 72 78)

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website