Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Regoli ġodda tal-UE għal trakkijiet iktar sikuri u ekoloġiċi

Commission Européenne - IP/13/328   15/04/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussel, 15 ta’ April 2013

Regoli ġodda tal-UE għal trakkijiet iktar sikuri u ekoloġiċi

Il-Kummissjoni Ewropea llum ipproponiet regoli ġodda biex il-manifatturi jkunu jistgħu jiżviluppaw trakkijiet iktar ajrudinamiċi li għandhom inaqqsu l-konsum tal-fjuwil b’7-10 %, inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, u jtejbu wkoll is-sikurezza tal-utenti vulnerabbli tat-triq.

Il-proposta se tippermetti kabini b’forma ttundjata u l-użu tal-flaps ajrudinamiċi fuq wara tal-karru. Dawn il-miżuri se jtejbu b’mod konsiderevoli l-ajrudinamika tal-vetturi, jiffrankaw madwar EUR 5,000 fis-sena fi spejjeż tal-fjuwil ta’ trakk tipiku ta’ distanzi twal li jkopri 100,000 km. Dan jirrappreżenta tnaqqis ta’ 7-10 % f’emissjonijiet ta’ gass serra (jew 7.8 tunnellati ta' CO2 għall-istess trakk ta’ distanzi twal li jkopri 100,000 km). Fl-istess ħin, il-kamp viżiv tas-sewwieq se jitjieb, u b’hekk kull sena se jgħin isalva l-ħajja ta’ 300 sa 500 utent vulnerabbli tat-triq, bħal nies mexjin jew ċiklisti.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Siim Kallas, responsabbli mit-trasport, qal: “Kaxxa hija l-forma l-inqas ajrudinamika li wieħed jista' jimmaġina, għalhekk hemm bżonn li ntejbu l-forma tat-trakkijiet fit-toroq tagħna. Dawn il-bidliet jagħmlu t-trasport fit-toroq iktar nadif u sikur. Se jnaqqsu l-kontijiet tal-fjuwil tat-trasportaturi u se jagħtu lill-manifatturi Ewropej vantaġġ tal-bidu fid-disinn tat-trakk tal-futur, trakk aktar ekoloġiku għas-suq globali."

Ir-regoli li jiffissaw l-ispeċifikazzjonijiet għall-vetturi tal-oġġetti tqal imorru lura għall-1996 (Id-Direttiva 96/53/KE). Issa jeħtieġ li jiġu aġġornati biex jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi.

Il-vantaġġi ewlenin tal-proposta huma:

  • Prestazzjoni ambjentali aħjar: Fl-UE t-trasport jiddependi miż-żejt u l-prodotti taż-żejt għal madwar 96 % tal-bżonnijiet tal-enerġija tiegħu1. It-tnaqqis fil-konsum tal-fjuwil tat-trasportazzjoni fuq it-toroq għal distanzi twal b’7-10 % se jagħmel kontribut ekonomiku u ambjentali importanti ħafna. Barra minn hekk, il-proposta tippermetti għal piż addizzjonali speċifikament biex takkomada l-użu ta’ batteriji itqal meħtieġa minn sistemi alternattivi ta’ propulsjoni (ibridi, elettriċi) għat-trakkijiet – primarjament urbani – u coaches. Madankollu, il-kapaċità tal-piż tat-trakkijiet mhix se tinbidel.

  • Sikurezza aħjar fit-toroq: Il-forma tal-wiċċ tal-kabina preżenti “ta’ kaxxa” tista’ f’ħabta żżid is-severità ta’ korriment tal-utenti tat-triq. Din tnaqqas ukoll il-kamp viżiv min-naħa tal-ġenb tas-sewwieq. Dawn huwa partikolarment perikoluż għaċ-ċiklisti u n-nies mexjin f’salib it-toroq. Forma aktar ittundjata għandha iżżid il-kamp viżiv u jekk ikun hemm ħabta f’veloċità baxxa - tipikament f'ambjent urban - tnaqqas ir-riskju ta' korriment serju.

  • Aħjar għat-trasportaturi: L-ajrudinamika mtejba tal-vetturi se tiffranka madwar EUR 5,000 fis-sena fi spejjeż tal-fjuwil għal trakk tipiku ta’ distanzi twal li jkopri 100,000 km.

  • Opportunità industrijali għal manifatturi tal-vetturi: Il-manifatturi Ewropej tal-vetturi tqal huma mexxejja tas-suq u s-settur huwa wieħed mill-ikbar investituri korporattivi fir-riċerka u l-iżvilupp. Il-kunċett ta’ kabini ajrudinamiċi ġodda u flaps ta’ wara se jkun ta’ opportunità għall-manifatturi biex jiżviluppaw mudelli ġodda, li se jappoġġaw il-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku fl-Ewropa.

  • Kontrolli iktar konsistenti u inqas ħsara tat-toroq: Sa terz mill-vetturi kkontrollati għandhom wisq piż, u jikkawżaw ħsara fit-toroq u jikkompromettu s-sikurezza. Is-sistemi ta’ mwieżen abbord marbutin mat-takografu diġitali u l-istazzjonijiet tal-weigh-in-motion fit-toroq prinċipali se jippermettu kontrolli aktar konsistenti minn pajjiż għall-ieħor. Il-piż żejjed fit-trakkijiet fil-preżent huwa stmat li jiswa EUR 950 miljun fis-sena lill-kontribwenti tat-taxxa.

  • Promozzjoni tat-trasport intermodali: Se tonqos il-burokrazija biex il-kontejners tal-45 pied jgħaddu aktar faċilment mill-vapur għat-triq u għal-linji tal-ferrovija.

F’Ġunju tal-2012 il-Viċi President Kallas ipprovda gwida dwar il-kundizzjonijiet li taħthom it-trakkijiet itwal jistgħu jaqsmu l-fruntieri. Il-punt ewlieni ta’ din il-gwida kien li jenfasizza li l-użu ta’ vetturi itwal hija kwistjoni li l-Istati Membri individwali għandhom jiddeċiedu dwarha, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, abbażi ta' kundizzjonijiet lokali differenti. L-ebda Stat Membru ma huwa obbligat jawtorizza l-użu ta’ vetturi itwal jekk ma jqiesx li dan huwa xieraq. Madankollu, il-gwida indikat li l-użu ta’ vetturi itwal jista’ jkun awtorizzat minn Stati Membri li jmissu ma’ xulxin sakemm dan jibqa ristrett għat-trasport bejn dawn iż-żewġ Stati Membri biss li diġà jippermettu dan, u ma jaffettwax il-kompetizzjoni internazzjonali b’mod sinifikanti. Il-gwida issa hija inkorporata fid-Direttiva riveduta.

Xi jmiss?

Il-proposta preżenti trid tiġi adottata mill-Parlament Ewropew u l-Istati Membri qabel ma ssir liġi. It-trakkijiet il-ġodda huma mistennija li jidhru fit-toroq bejn l-2018-2020.

Għal aktar informazzjoni ara wkoll:

http://ec.europa.eu/transport/modes/road/weights-and-dimensions_en.htm

Id-Direttiva 96/53/KE preżenti.

Kuntatti:

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)

1 :

Il-Kummissjoni Ewropea, EU Energy and Transport in Figures, 2010

http://ec.europa.eu/transport/facts-fundings/statistics/index_en.htm


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site