Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-11 ta’ April 2013

Rapport jgħid li t-tfal migranti għandhom aktar ċans li jispiċċaw fi skejjel batuti

Skont studju ġdid li sar għall-Kummissjoni Ewropea, tfal migranti li jkunu għadhom kif waslu għandhom aktar ċans jaffaċċjaw is-segregazzjoni u jispiċċaw fi skejjel b’anqas riżorsi. Dan iwassal għal rendiment baxx u probabbiltà għolja li dawn it-tfal jitilqu kmieni mill-iskola. L-istudju jissuġġerixxi li l-Istati Membri għandhom joffru appoġġ edukattiv immirat għal tfal migranti, bħal għalliema speċjalizzati u l-involviment sistematiku tal-ġenituri u tal-komunitajiet biex tittejjeb l-integrazzjoni tagħhom.

L-istudju jeżamina l-politiki nazzjonali li jappoġġaw lit-tfal migranti li jkunu għadhom kif waslu fi 15-il pajjiż li reċentement għaddew minn flussi ta' immigrazzjoni sinifikanti: L-Awstrija, il-Belġju (il-komunità li titkellem bl-Olandiż), Ċipru, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Isvezja, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, in-Norveġja, ir-Repubblika Ċeka, u r-Renju Unit. L-istudju sab li d-Danimarka u l-Isvezja għandhom l-aħjar mudell, ibbażat fuq appoġġ immirat u livell raġonevoli ta’ awtonomija fl-iskejjel. Il-pajjiżi l-oħra għandhom it-tendenza li jiffokaw fuq wieħed biss minn dawn l-aspetti, li jfisser li ma jiksbux l-aħjar riżultati fl-inklużjoni tat-tfal migranti.

Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, qalet: "It-tfal kollha, ġejjin minn fejn ġejjin, jistħoqqilhom ċans ġust fl-edukazzjoni sabiex jiksbu l-ħiliet li jeħtieġu fil-ħajja u jtejbu l-prospetti tax-xogħol għalihom infushom. Jeħtieġ intejbu r-rekord tagħna fl-Ewropa minn dan l-aspett u noffru appoġġ akbar lil gruppi vulnerabbli. Irridu nibdlu l-etos li għadu jeżisti f’ħafna skejjel. Studenti li kibru fil-pajjiż huma l-ewwel li għandhom bżonn jadattaw ruħhom għal tfal migranti. Dawn għandhom jiġu mħeġġa jilqgħuhom u aħna neħtieġu l-appoġġ tal-ġenituri f'dan l-aspett. Jekk ma nagħmlu xejn, nirriskjaw li jinħoloq ċirku vizzjuż fejn in-nuqqas ta’ opportunitajiet iwassal għal riżultati baxxi fl-iskola u probabbiltà akbar ta’ qgħad u faqar."

L-analiżi tal-istudju tenfasizza l-importanza tal-awtonomija tal-iskejjel u ta’ approċċ olistiku lejn l-appoġġ edukattiv għal tfal migranti ġodda; dan jinkludi appoġġ lingwistiku u akkademiku, l-involviment tal-ġenituri u tal-komunità, u edukazzjoni interkulturali. L-analiżi turi li fl-iskejjel għandha tiġi evitata s-segregazzjoni kif ukoll l-għażla bikrija tal-istudenti f’termini ta’ kapaċità, peress li dan jista’ jiżvantaġġa lil tfal migranti li jkunu qed jadattaw ruħhom għal lingwa ġdida. L-istudju jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jittejbu l-monitoraġġ u l-ġbir tal-istatistika dwar l-aċċess, il-parteċipazzjoni u l-prestazzjoni ta’ studenti migranti ta' kull età.

Ir-riżultati tal-istudju jirriflettu statistika mill-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti tal-OECD (PISA), li jittestja l-ħiliet u l-għarfien ta’ żgħażagħ ta' 15-il sena. L-OECD sab li, fl-2010, 25.9 % tal-istudenti fl-Ewropa imma mwielda barra ħallew l-edukazzjoni jew it-taħriġ qabel il-waqt meta mqabbel ma’ 13 % tal-istudenti li twieldu fil-pajjiż.

Sfond

L-istudju tal-Kummissjoni sab li fil-parti l-kbira tal-pajjiżi, l-iskejjel jew jitħallew weħidhom biex isegwu linji gwida nazzjonali wesgħin dwar l-allokazzjoni ta’ fondi jew, għall-kuntrarju, ma għandhomx l-awtonomija biex ifasslu appoġġ għall-ħtiġijiet individwali u biex jaġġustaw il-politiki nazzjonali għaċ-ċirkostanzi lokali.

L-istudju jiddistingwi ħames tipi ta’ sistemi edukattivi ta’ sostenn:

Il-mudell ta' appoġġ sħiħ (eżempji: id-Danimarka, l-Isvezja)

Dan jipprovdi appoġġ kontinwu fl-oqsma li huma l-aktar rilevanti għall-inklużjoni ta’ tfal migranti li jkunu għadhom kif waslu: appoġġ lingwistiku, appoġġ akkademiku, involviment tal-ġenituri, edukazzjoni interkulturali u ambjent li jiffavorixxi t-tagħlim.

Il-mudell ta' appoġġ mhux sistematiku (eżempji: l-Italja, Ċipru, il-Greċja)

Dan huwa kkaratterizzat minn approċċ każwali f’termini tal-appoġġ mogħti. Il-politiki mhux dejjem huma artikolati b’mod ċar, effettivament iffinanzjati jew implimentati. L-għalliema, il-ġenituri u l-komunitajiet lokali huma ġeneralment imħollija mingħajr gwida ċara.

Il-mudell ta' appoġġ kompensatorju (eżempji: Il-Belġju, l-Awstrija)

Dan jinkludi t-tipi kollha ta' politiki ta’ appoġġ, b'tagħlim kontinwu tal-lingwa tal-pajjiż ospitanti, iżda b'appoġġ akkademiku dgħajjef, b'rintraċċar bikri tal-ħiliet tat-tfal u b'diviżjoni bikrija fi gruppi skont dawk il-ħiliet. Dan il-mudell huwa "kumpensatorju" peress li għandu l-għan li jikkoreġi d-differenzi, aktar milli jindirizza l-iżvantaġġ inizjali.

Il-mudell tal-integrazzjoni (eżempju: l-Irlanda)

Dan huwa kkaratterizzat minn kooperazzjoni u politiki tal-edukazzjoni interkulturali żviluppati tajjeb. Hemm komunikazzjoni sistematika bejn l-iskejjel, il-ġenituri u l-komunità lokali, filwaqt li t-tagħlim interkulturali huwa integrat sew fil-curricula u mħeġġeġ fil-ħajja skolastika ta’ kuljum. Dan ma jiffukax fuq l-appoġġ lingwistiku.

Il-mudell ta' appoġġ tad-dħul ċentralizzat (eżempji: Franza, il-Lussemburgu)

Dan il-mudell jiffoka fuq akkoljenza ċentralizzata ta’ tfal migranti u l-għoti ta’ appoġġ akkademiku. Joffri programmi ta' appoġġ żviluppati tajjeb u mmirati lejn studenti b'ħiliet baxxi, kif ukoll appoġġ lingwistiku u komunikazzjoni mal-ġenituri.

L-istudju indipendenti kien imwettaq għall-Kummissjoni mill-Istitut tal-Politika Pubblika u l-Ġestjoni, fil-Litwanja.

Bħala parti mill-istrateġija tagħha għall-impjiegi u t-tkabbir, l-Unjoni Ewropea tħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu aktar fl-edukazzjoni sabiex isaħħu l-ekonomiji tagħhom u jgħammru liż-żgħażagħ bil-ħiliet meħtieġa fis-suq tax-xogħol. Il-pajjiżi tal-UE wegħdu li sal-2020 inaqqsu l-għadd ta’ żgħażagħ b’ħiliet bażiċi baxxi (il-qari, il-matematika, ix-xjenza) u ta’ dawk li jħallu l-iskola qabel il-waqt. Huma qablu li sal-2020 is-sehem ta’ żgħażagħ ta' 15-il sena b’ħiliet insuffiċjenti fil-qari, fil-matematika u fix-xjenza għandu jkun anqas minn 15 %, li s-sehem ta’ dawk li jħallu l-edukazzjoni u t-taħriġ qabel il-waqt għandu jkun anqas minn 10 % u li s-sehem ta’ dawk bejn it-30 u l-34 sena li kisbu edukazzjoni terzjarja għandu jkun mill-anqas 40 %.

Mill-1960 lil hawn il-migrazzjoni netta lejn l-Ewropa ttriplat. It-tagħlim tat-tfal immigranti qed isir kwistjoni kritika eż. fis-sena akkademika 2009/2010 kien hemm 17.6 % tal-istudenti rreġistrati fi skejjel Awstrijaċi li bħala l-ewwel lingwa kellhom lingwa oħra li ma kinitx il-Ġermaniż; fil-Greċja l-persentaġġ ta’ studenti fl-iskejjel primarji u sekondarji li ma twildux fil-pajjiż żdied minn 7.3 % għal 12 % f’dawn l-aħħar ħames snin.

Għal aktar tagħrif

Rapport finali

Il-Kummissjoni Ewropea: Education and training

Il-websajt ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatti :

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website