Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-15 ta’ April 2013

It-traffikar tal-bnedmin: aktar vittmi fl-UE imma l-Istati Membri jirreaġixxu bil-mod

Matul il-perjodu 2008-2010 kien hemm 23,632 persuna li kienu identifikati jew preżunti bħala vittmi ta’ traffikar fl-UE. Din li l-aktar figura sorprendenti li toħroġ mill-ewwel rapport dwar it-traffikar tal-bnedmin fl-Ewropa, ippubblikat illum mill-Kummissjoni Ewropea. Ir-rapport jenfasizza wkoll li l-għadd ta’ persuni ttraffikati fl-UE u lejha żdied bi 18% mill-2008 sal-2010, imma għadd iżgħar ta’ traffikanti spiċċaw il-ħabs, peress li l-kundanni naqsu bi 13% matul l-istess perjodu.

Sallum, minkejja dan l-isfond inkwetanti, huma biss sitta mis-27 Stat Membru tal-UE li ttrasponew bis-sħiħ id-Direttiva tal-UE Kontra t-Traffikar fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom u tliet pajjiżi rrappurtaw biss traspożizzjoni parzjali tad-Direttiva, bid-data għat-traspożizzjoni tagħlaq fis-6 ta’ April 2013.

"Hu diffiċli biex wieħed jimmaġina kif fil-pajjiżi ħielsa u demokratiċi tal-UE għaxriet ta' eluf ta' bnedmin jistgħu jiġu mċaħħda mil-libertà tagħhom u sfruttati, innegozjati bħal oġġetti għall-profitt. Imma din hi l-verità qarsa u t-traffikar tal-bnedmin hu madwarna lkoll, aktar qribna milli naħsbu. Ninsab veru ddiżappuntata li nara li, minkejja dawn ix-xejriet allarmanti, huma biss ftit il-pajjiżi li implimentaw il-leġiżlazzjoni kontra t-traffikar u jien inħeġġeġ lil dawk li għadhom ma għamulux hekk biex jirrispettaw l-obbligi taħghom," qalet il-Kummissarju tal-UE għall-Affarijiet Interni Cecilia Malmström.

Traspożizzjoni kompleta u bil-ħeffa tad-Direttiva tal-UE

Sabiex jitnaqqsu dawn ix-xejriet, iridu jkunu trasposti u implimentati b’mod adegwat il-leġiżlazzjoni u l-miżuri ambizzjużi biex jindirizzaw it-traffikar tal-bnedmin.

Jekk id-Direttiva tiġi tabilħaqq trasposta kompletament, għandha l-potenzjal li jkollha impatt reali u konkret fuq il-ħajja tal-vittmi u biex twaqqaf milli oħrajn jisfaw vittmi ta’ kriminalità waħxija bħal din. Din il-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-UE tkopri azzjonijiet f’oqsma differenti bħalma huma d-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali, il-prosekuzzjoni tat-trasgressuri, appoġġ tal-vittmi u d-drittijiet tal-vittmi fi proċedimenti kriminali u l-prevenzjoni. Tipprevedi wkoll l-istabbiliment f’kull Stat Membru ta’ relatur nazzjonali jew mekkaniżmu ekwivalenti li jirrapporta dwar ix-xejriet, jiġbor id-dejta u jkejjel l-impatt tal-attivitajiet kontra t-traffikar.

Id-drittijiet tal-UE tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin

Illum il-Kummissjoni Ewropea qed tippreżenta wkoll ħarsa ġenerali lejn id-drittijiet tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin biex tipprovdi informazzjoni ċara u faċli biex tużaha dwar id-drittijiet ta’ xogħol, dawk soċjali, ta’ residenza u kumpens li l-individwi huma intitolati għalihom skont il-liġi tal-UE. Ħarsa ġenerali bħal din se tiġi użata mill-vittmi, il-prattikanti (l-NGOs, il-pulizija, l-awtoritajiet tal-immigrazzjoni, l-ispetturi tax-xogħol, il-gwardjani tal-fruntiera, u l-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa u dak soċjali) li jaħdmu fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin. Se tikkontribwixxi għar-realizzazzjoni effettiva ta’ dawn id-drittijiet billi tgħin lill-awtoritajiet fl-Istati Membri tal-UE biex iwasslu l-assistenza u l-protezzjoni li l-vittmi jkollhom bżonn u li jixirqulhom.

Il-ġbir tad-dejta: xi sejbiet ewlenin

Il-Eurostat u d-DĠ tal-Affarijiet Interni qed jippubblikaw l-ewwel rapport dwar id-dejta statistika fuq it-traffikar tal-bnedmin fil-livell tal-UE, li jkopri s-snin ta’ referenza 2008, 2009 u 2010. L-Istati Membri kollha tal-UE ikkontribwixxew għar-rapport - madankollu il-ġbir ta' dejta komparabbli u kredibbli jibqa’ ta’ sfida u ċ-ċifri għandhom jiġu interpretati b'attenzjoni, minħabba li jirrappreżentaw il-parti ż-żgħira li tidher ta’ problema moħbija ferm akbar. Studju tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol juri li 880,000 persuna fl-UE huma vittmi ta’ xogħol furzat, inkluż sfruttament sesswali furzat.

- Il-Vittmi

  1. L-għadd totali ta’ vittmi identifikati u preżunti kien ta’ 6,309 fl-2008; 7,795 fl-2009 u 9,528 fl-2010, b’żieda ta’ 18% matul it-tliet snin ta’ referenza.

  2. Fil-profil tal-vittmi skont il-ġeneru kien 68% nisa, 17% irġiel, 12% bniet u 3% subien.

  3. Il-maġġoranza tal-vittmi identifikati u preżunti matul it-tliet snin ta’ referenza huma ttraffikati għall-isfruttament sesswali (62%). It-traffikar għax-xogħol furzat (25%) jinsab fit-tieni post u t-traffikar f’forom oħrajn bħat-traffikar għat-tneħħija ta’ organi, għal attivitajiet kriminali jew għall-bejgħ ta’ tfal isegwi b’persentaġġi ferm iżgħar (14%).

  4. Il-biċċa l-kbira tal-vittmi identifikati u preżunti matul it-tliet snin ta’ referenza huma mill-Istati Membri tal-UE (61%), segwiti minn vittmi fl-Afrika (14%), l-Asja (6%) u l-Amerika Latina (5%).

  5. Il-maġġoranza tal-vittmi identifikati fl-Istati Membri tal-UE huma ċittadini mir-Rumanija u l-Bulgarija.

  6. Il-maġġoranza tal-vittmi li għandhom ċittadinanza barra tal-Istati Membri tal-UE huma min-Niġerja u ċ-Ċina.

  7. In-numru ta’ permessi ta’ residenza għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin li għandhom ċittadinanza barra mill-UE żdied minn 703 fl-2008 għal 1,196 fl-2010.

- It-traffikanti

  1. L-għadd totali ta’ traffikanti ssuspettati fl-Istati Membri tal-UE naqas b’madwar 17% bejn l-2—8 u l-2010.

  2. 75% tat-traffikanti suspettati huma rġiel.

  3. Traffikanti ssuspettati għall-isfruttament sesswali jirrappreżentaw madwar 84% tal-għadd totali tat-traffikanti ssuspettati matul it-tliet snin ta' referenza.

  4. L-għadd totali ta’ kundanni għat-traffikar tal-bnedmin naqas bi 13% mill-2008 għall-2010.

Links Utli

MEMO/13/331

Il-websajt ta' Cecilia Malmström

Segwi lill-Kummissarju Malmström fuq Twitter

Il-websajt tad-DĠ għall-Affarijiet Interni

Segwi lid-DĠ għall-Affarijiet Interni fuq Twitter

Il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea Kontra t-Traffikar

Paġna tal-aħbarijiet:

http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/what-is-new/news/news/2013/20130415_01_en.htm

Infografika:

http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/e-library/multimedia/infographics/index_en.htm#0801262488c18d4a

Ir-rapport statistiku dwar it-traffikar tal-bnedmin:

http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/what-is-new/news/news/2013/docs/20130415_thb_stats_report_en.pdf

Id-drittijiet tal-vittmi:

http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/e-library/multimedia/publications/index_en.htm#08012624899cc746

Kuntatti:

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website