Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Relazzjonijiet industrijali: skont rapport ġdid id-djalogu soċjali fl-Ewropa jinsab taħt pressjoni

Commission Européenne - IP/13/321   11/04/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 11 ta' April 2013

Relazzjonijiet industrijali: skont rapport ġdid id-djalogu soċjali fl-Ewropa jinsab taħt pressjoni

Il-kriżi ekonomika kurrenti qed toħloq sfida serja lid-djalogu bejn ir-rappreżentanti tal-ħaddiema u ta' min iħaddem u l-gvernijiet, skont rapport li ġie ppubblikat illum mill-Kummissjoni Ewropea. Ir-rapport juri li r-riformi governattivi riċenti mhux dejjem kienu akkumpanjati minn djalogu soċjali effettiv b’mod komplut, u dan wassal għal relazzjonijiet industrijali ta’ kunfitt fl-Ewropa.

László Andor, il-Kummissarju Ewropew għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, qal: “Id-djalogu soċjali jinsab taħt pressjoni li qed tiżdied fil-kuntest attwali ta’ domanda makroekonomika mnaqqsa, żidiet fit-taxxi u tnaqqis fl-infiq tal-gvern. Jeħtieġ li nirrinforzaw ir-rwol tal-imsieħba soċjali fil-livelli kollha jekk rridu noħorġu minn din il-kriżi u nippreservaw il-benefiċċji tal-mudell soċjali Ewropew. Djalogu soċjali strutturat sew huwa wkoll indispensabbli biex jindirizza l-isfida tal-bidla demografika u biex niksbu kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar u koeżjoni soċjali mtejba. Id-djalogu soċjali jrid jissaħħaħ fl-Istati Membri tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant fejn bħalissa huwa sinifikament iktar dgħajjef.”

L-involviment tar-rappreżentanti tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem (l-“imsieħba soċjali”) fir-riformi tal-gvern huwa vitali, għaliex is-soluzzjonijiet li jirriżultaw mid-djalogu soċjali għandhom it-tendenza li jkunu iktar aċċettati fis-soċjetà, iżjed faċli biex jiġu implimentati fil-prattika u għandhom inqas possibbiltà li joħolqu kunflitt. Il-ftehimiet kunsenswali li jinvolvu l-imsieħba soċjali għalhekk jgħinuna niżguraw is-sostenibbiltà fit-tul tar-riformi ekonomiċi u soċjali. Djalogu soċjali strutturat sew jista’ jikkontribwixxi b’mod effettiv għar-reżistenza ekonomika tal-Ewropa. Fil-fatt, pajjiżi li għandhom djalogu soċjali stabbilit sew u fejn l-istituzzjonijiet tar-relazzjonijiet industrijali huma b’saħħithom huma ġeneralment dawk fejn is-sitwazzjoni soċjali u ekonomika hija iktar reżistenti u taħt inqas pressjoni. Il-potenzjal li għandu d-djalogu soċjali biex isolvi l-problemi jista’ jgħinna negħelbu din il-kriżi. Ir-rapport il-ġdid juri kif ir-riżultati tad-djalogu soċjali Ewropew jistgħu jagħmlu vera differenza fil-ħajja tax-xogħol tal-Ewropej, pereżempju fit-titjib tas-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol.

Fid-dawl tat-tnaqqis fl-infiq tal-gvern f’ħafna Stati Membri, ir-rapport jiffoka fuq ir-relazzjonijiet industrijali fis-settur pubbliku: l-amministrazzjoni pubblika, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa. Il-gvernijijiet ipprijoritizzaw il-gwadann fl-effiċjenza fi ħdan ir-ristrutturar tas-settur pubbliku. F’ċerti pajjiżi dan il-proċess kompla, b’approċċ iktar bilanċat u kunflitt limitat, fejn ġie ppreservat l-ambitu għal soluzzjonijiet maqbula kollettivament bejn it-trade unions u s-settur pubbliku. Bnadi oħra l-metodi magħżula biex jiġu implimentati d-deċiżjonijiet spiss eskludew l-użu tad-djalogu soċjali. Din ix-xejra mhix limitata għal dawk il-pajjiżi li jirċievu l-assistenza finanzjarja mill-UE u l-Fond Monetarju Internazzjonali. B’riżultat, f’ħafna Stati Membri, iż-żidiet fit-taxxa u t-tnaqqis fl-infiq tal-gvern nedew mewġa ta’ kunflitti industrijali u aċċennaw in-natura kontesta ta’ wħud mill-miżuri ta’ riforma li ma kinux suġġetti għal djalogu soċjali.

L-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant

Ir-rapport janalizza wkoll fil-fond l-istat tad-djalogu soċjali fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Filwaqt li hemm diversità kbira bejn il-pajjiżi fir-reġjun, kollha kemm huma, bl-eċċezzjoni notevoli tas-Slovenja, għandhom istituzzjonijiet tar-relazzjonijiet industrijali dgħajfa u frammentati. Fil-fatt xi riformi qed ifixxklu l-involviment tal-imsieħba soċjali billi jintroduċu l-bidliet. Ir-rapport juri li billi nerġgħu nqajmu s-sistemi nazzjonali tar-relazzjonijiet industrijali sabiex nippromwovu u nirrestawraw il-kunsens huwa essenzjali biex niżguraw is-sostenibbiltà fit-tul tar-riformi ekonomiċi u soċjali li għaddejjin.

Kwistjonijiet oħrajn li ġew mistħarġa fir-rapport jinkludu l-involviment tal-imsieħba soċjali fir-riformi tal-qgħad u s-sistema tal-pensjoni u fit-tranżizzjoni lejn ekonomija li hija iktar sostenibbli u inqas dipendenti fuq il-fjuwils fossili. Filwaqt li f’pajjiżi bħall-Belġju, Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi u Spanja, it-trade unions kienu involuti fil-proċess tar-riforma tal-pensjoni, f’postijiet oħra r-rwol tal-imsieħba soċjali kien mill-inqas u wassal għal kunflitt. Fir-rigward tat-tibdil fil-klima, ir-rapport jgħid li l-attivitajiet tal-imsieħba soċjali f’dan il-qasam qed jiżdiedu u li l-atitudni tagħhom lejn l-aġenda ekoloġika qed tkun dejjem iktar ta' appoġġ.

Għal aktar informazzjoni

MEMO/13/325

L-aħbar fuq is-sit tal-internet tad-DĠ għall-Impjiegi:

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=89&langId=mt

Djalogu soċjali Ewropew:

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=329&langId=en

Is-sit tal-internet ta' László Andor:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/andor/index_en.htm

Segwi lil László Andor fuq Twitter: http://twitter.com/LaszloAndorEU

Abbona mingħajr pagament fil-bulettin bl-email tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni: http://ec.europa.eu/social/e-newsletter

Kuntatti:

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Cécile Dubois (+32 2 295 18 83)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site