Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Is-sigurtà interna: Xi progress sar?

Commission Européenne - IP/13/317   10/04/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-10 ta' April 2013

Is-sigurtà interna: Xi progress sar?

Il-kriminalità organizzata għadha sfida ewlenija għas-sigurtà interna tal-UE. Iċ-ċiberkriminalità, flimkien mat-traffikar tal-bnedmin u ż-żieda fl-estremiżmu vjolenti huma wkoll theddidiet kbar għas-sigurtà li l-UE qed tkompli tiffaċċa, flimkien mal-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni. Dawn it-theddidiet huma spjegati fir-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Sigurtà Interna l-UE, ippubblikat illum. Huwa jenfasizza l-oqsma f’kull wieħed mill-objettivi tal-istrateġija (2011-2014) fejn l-Istati Membri u l-aġenziji tal-UE għandhom jagħtu attenzjoni partikolari.

“Waħda mit-theddidiet prinċipali għas-sigurtà interna tagħna hija l-kriminalità organizzata u l-effetti detrimentali tagħha fuq l-ekonomija Ewropea u fuq is-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej. Li tiġri wara l-flus, li xxekkel in-netwerks tal-kriminalità organizzata u li tiġbor lura l-qligħ mill-kriminalità, jibqa għan ewlieni tal-istrateġija tal-UE," qalet Cecilia Malmström, il-Kummissarju tal-UE għall-Affarijiet Interni.

It-tieni rapport annwali jenfasizza l-progress fl-oqsma li ġejjin:

  1. Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata: Pereżempju, il-Kummissjoni pproponiet regoli ġodda għal konfiska aktar effettiva u mifruxa ta’ fondi u proprjetà oħra miksuba permezz tal-kriminalità (IP/12/235 u MEMO/12/179).

  2. It-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni: Bħala eżempju ta’ sforzi ta’ prevenzjoni tat-terroriżmu, l-UE stabbilixxiet regoli komuni dwar l-użu u l-marketing ta’ prekursuri tal-isplussivi (MEMO/12/874). Din il-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-UE tiżgura li l-Istati Membri jkollhom l-istess livell ta’ kontroll fuq dawn il-kimiki, biex b’hekk it-terroristi u l-kriminali ma jkunux jistgħu jieħdu vantaġġ minn lakuni legali.

  3. Iċ-ċiberkriminalità: Pass importanti fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità kien il-ħolqien ta’ Ċentru Ewropew kontra ċ-Ċiberkriminalità (EC3) fil-Europol fil-bidu tal-2013 (IP/13/13 u MEMO/13/6). Inizjattiva strateġika oħra li nbdiet fl-2012 kienet it-tnedija tal-Alleanza Globali kontra l-Abbuż Sesswali tat-Tfal Onlajn li mill-bidu nett issieħbu magħha 48 pajjiż (IP/12/1308 and MEMO/12/937).

  4. Il-ġestjoni tal-fruntieri: F’Diċembru 2011, il-Kummissjoni ppreżentat proposta leġiżlattiva għal Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (Eurosur - IP/11/1528 u MEMO/11/896). Fil-bidu tal-2013, il-Kummissjoni adottat żewġ proposti leġiżlattivi għal Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (Entry/Exit System) u Programm ta’ Vjaġġaturi Rreġistrati (Registered Traveller Programme), magħruf ukoll bħala "Il-Pakkett ta’ Fruntieri Intelliġenti" (IP/13/162 u MEMO/13/141).

  5. Il-ġestjoni tal-kriżijiet u tad-diżastri: F’Diċembru 2012 ġiet imressqa proposta għall-arranġamenti ta’ implimentazzjoni għall-klawżola ta’ solidarjetà (l-Artikolu 222 TFUE). Din se tipprovdi qafas għal sitwazzjonijiet ta’ theddid jew ta’ ħsara staordinarji li jissuperaw il-kapaċitajiet ta’ reazzjoni tal-Istat jew Stati Membri affettwati.

Fl-2013, bħala segwitu konkret għall-prijoritajiet identifikati fl-Istrateġija tas-Sigurtà Interna, il-Kummissjoni sejra, fost miżuri oħra:

  1. Tippubblika l-ewwel Rapport tal-UE dwar il-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni, inklużi rakkomandazzjonijiet għall-Istati Membri;

  2. tipproponi Direttiva dwar sanzjonijiet kriminali għall-ħasil tal-flus;

  3. timplimenta l-Istrateġija tas-Sigurtà Ċibernetika tal-UE għall-Unjoni Ewropea

  4. tappoġġa, tiżviluppa u tespandi l-Alleanza Globali kontra l-Abbuż Sesswali tat-Tfal Onlajn;

  5. tiżgura li s-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen II (SISII) issir għal kollox operattiva;

  6. taġġorna l-istrateġija tal-UE biex tissielet kontra l-estremiżmu vjolenti billi tiżviluppa “għodda” Ewropea bbażata fuq l-aħjar prattiki fl-Istati Membri;

  7. tiżviluppa inizjattiva politika biex tiġġieled it-traffikar illeċitu tal-armi tan-nar. Għadha kemm ġiet varata konsultazzjoni pubblika onlajn dwar x’għandha tagħmel aktar l-UE biex jiġi miġġieled ir-riskju tal-armi tan-nar.

Kuntest

F’Novembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat l-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE fl-Azzjoni: Ħames passi lejn Ewropa aktar sikura (IP/10/1535 u MEMO/10/598).

L-istrateġija tistabbilixxi aġenda kondiviża għall-Istati Membri, il-Parlament Ewropew u l-aġenziji tal-UE biex jindirizzaw sfidi ċentrali għas-sigurtà tal-Unjoni Ewropea: il-kriminalità organizzata serja, it-terroriżmu, iċ-ċiberkriminalità, is-sigurtà tal-fruntieri, u l-ġestjoni ta’ diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem.

Fl-2011, il-Kummissjoni adottat l-ewwel rapport tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Siġurtà Interna. Ir-rapport li jmiss, u li huwa wkoll l-aħħar wieħed, se jiġi ppreżentat f’nofs l-2014.

Jakkumpanjaw l-inizjattivi politiċi u l-miżuri tal-Istrateġija tas-Sigurtà Interna hemm ħafna sforzi finanzjarji. Mill-2007 ’l hawn il-Kummissjoni ffinanzjat il-Programm FP7 dwar ir-Riċerka fis-Sigurtà sa EUR 1.4 biljun. Aktar minn 250 proġett ġew iffinanzjati f’oqsma bħalma huma l-protezzjoni taċ-ċittadini kontra l-materjali kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi, nukleari u splussivi (CBRNE), jew avvenimenti kkawżati mill-bniedem u naturali, il-protezzjoni ta’ infrastruttura kritika, il-kapaċità tal-ġestjoni tal-kriżijiet, is-sorveljanza intelliġenti tal-fruntieri marittimi u tal-art, eċċ.

Links Utli

Il-websajt ta' Cecilia Malmström

Segwi lill-Kummissarju Malmström fuq Twitter

Il-websajt tad-DĠ għall-Affarijiet Interni

Segwi lid-DĠ għall-Affarijiet Interni fuq Twitter

Kuntatti:

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site