Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 10 ta' April 2013

Il-Kummissjoni tipproponi li timmodernizza l-istrumenti għad-difiża tan-negozju tal-UE

Illum il-Kummissjoni Ewropea għamlet proposta li għandha l-għan li taddatta l-ktieb tar-regoli tal-UE biex tiġi ttrattata l-kompetizzjoni inġusta lill-isfidi kontemporanji li qed tiffaċċja l-ekonomija tal-UE minn importazzjonijiet issussidjati u oġġett ta’ dumping.

Il-bidliet proposti għandhom jagħmlu d-difiża tan-negozju tal-UE taħdem aħjar għall-partijiet interessati kollha, inkluż kemm produtturi kif ukoll importaturi tal-UE. Strumenti ta’ kontra d-dumping u kontra s-sussidju ser ikunu aktar effiċjenti u infurzati aħjar biex jipproteġu l-produtturi tal-UE minn prattiki inġusti ta’ impriżi barranin u minn kull riskju ta’ ritaljazzjoni. Fl-istess ħin, l-importaturi se jgawdu prevedibbiltà akbar f’dak li għandu x’jaqsam mal-bidla fir-rati ta’ dazju, li se tagħmel l-ippjanar tan-negozju tagħhom aktar faċli. Is-sistema kollha se ssir aktar trasparenti u faċli għall-utent.

"Dan huwa pakkett bilanċjat b’titjib reali għall-partijiet interessati kollha milquta minn dazji għad-difiża tan-negozju — il-produtturi, l-importaturi u l-utenti,” qal il-Kummissarju tal-UE għall-Kummerċ Karel De Gucht. “Irridu li n-negozji tal-UE jkunu mgħammra aħjar biex jindirizzaw prattiċi kummerċjali inġusti barra mill-pajjiż, filwaqt li ma jaffettwawx b’mod negattiv il-konsumaturi tal-UE jew kumpaniji li jiddependu fuq l-importazzjoni.”

Skont il-proposta leġiżlattiva, il-Kummissjoni se:

Ttejjeb il-prevedibbiltà għan-negozji billi tinformahom dwar kwalunwe miżura provviżorja kontra d-dumping jew kontra s-sudssidju ġimgħatejn qabel ma jiġu imposti dazji;

Toffri lill-importaturi rimborż ta’ dazji miġbura matul reviżjoni tal-iskadenza f’każ li tikkonkludi li ma hemmx bżonn li jinżammu fis-seħħ il-miżuri għad-difiża tan-negozju wara ħames snin;

Tipproteġi lill-industrija tal-UE billi tibda investigazzjonijiet waħidha (“ex officio”), mingħajr talba uffiċjali mill-industrija, meta teżisti theddida ta’ ritaljazzjoni;

Tiskoraġġixxi msieħba kummerċjali oħra milli jinvolvu ruħhom f’ċerti prattiki kummerċjali inġusti billi timponi dazji ogħla fuq l-importazzjonijiet minn pajjiżi li jużaw sussidji inġusti u joħolqu distorsjonijiet strutturali fis-swieq tal-materja prima tagħhom. F’każijiet bħal dawn, l-UE ser tiddevja mir-regola ġenerali tagħha tad-‘dazju inferjuri’ li żżomm it-tariffa addizzjonali fi ħdan il-limitu ta’ dak li huwa strettament meħtieġ biex jiġi evitat dannu għal industrija tal-UE.

Il-proposta leġiżlattiva trid tiġi approvata mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew u probabbilment ma ssirx liġi qabel l-2014.

Proposti addizzjonali mhux leġiżlattivi se

Jiffaċilitaw il-kooperazzjoni ma’ ditti u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ involuti f’investigazzjonijiet billi jiġu estiżi ċerti skadenzi matul l-investigazzjonijiet;

Itejbu l-monitoraġġ tal-flussi kummerċjali;

Jippermettu investigazzjonijiet ex-officio kontra ċ-ċirkomvenzjoni biex tiġi żgurata azzjoni aktar mgħaġġla kontra l-evażjoni illegali ta’ miżuri.

B’mod parallel, id-dokument ta’ ħidma tad-DĠ Kummerċ jistabbilixxi “abbozz ta’ linji gwida” f’erba’ oqsma partikolarment kumplessi:

Ir-rieżami tal-iskadenza tal-miżura għad-difiża tan-negozju, li hija investigazzjoni fi tmiem tal-applikazzjoni tad-dazji tas-soltu ta’ ħames snin biex jiġi ddeterminati jekk hux probabbli li d-dumping u d-dannu jibqa’għadej jew jerġa jseħħ jekk il-miżuri jiskadu;

“It-test tal-interess tal-Unjoni”, jiġifieri l-mod kif il-Kummissjoni tiddetermina jekk miżura għad-difiża tan-negozju isservix l-interessi ekonomiċi globali fl-UE — inklużi l-interessi tal-industrija domestika kkonċernata, l-importaturi, l-industriji li jużaw il-prodott importat u, fejn rilevanti, il-konsumaturi.

Kalkolu ta’ “marġini ta’ dannu”, li jitlob eżaminazzjoni tal-volum u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u l-impatt konsegwenti tagħhom fuq l-industrija tal-UE;

L-għażla ta’ “pajjiż analogu”, li huwa użat biex jiddetermina l-eżistenza ta’ dumping għal prodotti ġejjin minn pajjiż mingħajr “status ta’ ekonomija tas-suq”.

Dan l-abbozz ta’ linji gwida proċedurali issa se jkun soġġett għal konsultazzjoni pubblika ta’ tliet xhur. Wara, il-Kummissjoni se tanalizza l-kummenti li jaslulha u tadotta l-verżjoni finali sabiex ikun eħfef għal kumpaniji tal-UE u l-pubbliku ġenerali biex jifhmu l-proċeduri ta’ difiża tan-negozju tal-UE.

Kuntest

Dazji kontra d-dumping u kontra s-sussidji huma spiss l-uniku mezz li bih l-UE tista’ tipproteġi lill-industriji tagħha li jipproduċu minn ħsara kkawżata minn prattiċi inġusti tal-kummerċ ta’ kumpaniji barranin. Huwa meħtieġ li jiġi żgurat illi s-sistema ta’ difiża tan-negozju tal-UE — kważi l-istess mill-1995 — tibqa’ rilevanti għal sfidi ġodda madwar l-ambjent ekonomiku li qed jinbidel.

Il-proposta tal-Kummissjoni waslet wara tmintax-il xahar ta’ riflessjoni inklużi konsultazzjoni pubblika dwar il-kwistjonijiet li l-kumpaniji tal-UE jridu jittrattaw meta jiġu ffaċċjati bi prattiċi inġusti. Il-proposta tqis ukoll il-konklużjonijiet ta’ studju indipendenti li jevalwa s-sistema attwali tad-difiża għan-negozju u l-esperjenza tal-Kummissjoni ta’ investigazzjonijiet kontra d-dumping u kontra s-sussidju.

Fi tmiem l-2012, l-UE kellha 102 miżura kontra d-dumping u 10 miżuri kontra s-sussidji fis-seħħ. L-Unjoni Ewropea hija utent moderat tal-istrumenti ta’ difiża għan-negozju meta mqabbel ma’ membri oħra tad-WTO. Miżuri kontra d-dumping u kontra s-sussidju iħallu impatt fuq madwar 0.25 % tal-importazzjonijiet tal-UE.

Għal aktar tagħrif

MEMO: “Il-modernizzazzjoni tal-istrumenti għad-difiża tan-negozju tal-UE

http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-13-319_en.htm

Aktar tagħrif dwar is-sistema tal-UE għad-difiża tan-negozju:

http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/trade-defence/

Kuntatti :

Helene Banner (+32 2 295 24 07)

John Clancy (+32 2 295 37 73)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website