Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 9 ta' April 2013

L-ambjent: ngħinu lill-kumpaniji u lill-konsumaturi jsibu rkaptu f’dawk li huma dikjarazzjonijiet dwar l-impatt ambjentali

Il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi metodi applikabbli fl-UE kollha biex titkejjel il-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti u tal-organizzazzjonijiet, u qed tħeġġeġ lill-Istati Membri u lis-settur privat biex jadottawhom.

Illum il-ġurnata l-kumpaniji li jixtiequ jenfasizzaw il-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti tagħhom qed jiffaċċjaw diversi ostakli. Dawn ikollhom jagħżlu minn diversi metodi promossi mill-gvernijiet u minn inizjattivi privati, ta’ spiss ikollhom iħallsu spejjeż kbar biex jipprovdu tagħrif ambjentali, u jiffaċċjaw in-nuqqas ta’ fiduċja tal-konsumaturi konfużi minħabba li jkun hemm wisq tikketti b’tagħrif li jikkomplika t-tqabbil bejn il-prodotti.

Skont l-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar il-Prodotti Ekoloġiċi, 48% tal-konsumaturi Ewropej iħossuhom imfixkla minħabba l-fluss ta’ tagħrif ambjentali li jirċievu. Waslu wkoll appelli minn diversi federazzjonijiet industrijali għal strateġija pan-Ewropea mibnija fuq evalwazzjonijiet mill-UE kollha bbażati fuq ix-xjenza u Analiżi taċ-Ċiklu tal-Ħajja. Huma esprimew it-tħassib li diversi inizjattivi fil-livell tal-Istati Membri jaħdmu kontra l-prinċipji tas-Suq Uniku, iħawdu lill-konsumaturi u jżidu l-ispejjeż għall-industrija.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: “Biex tingħata spinta lit-tkabbir sostenibbli, irridu niżguraw li l-aktar prodotti effiċjenti bħala riżorsi u l-aktar prodotti li jirrispettaw l-ambjent ikunu magħrufa u rikonoxxibbli fis-suq. In-nies ikunu jistgħu jagħżlu aħjar jekk nipprovdu tagħrif affidabbli, u li jista’ jitqabbel, dwar l-impatti ambjentali u l-karetteristiċi ta’ prodotti u organizzazzjonijiet. U jekk ngħinu lill-kumpaniji jallinjaw il-metodi tagħhom, innaqqsulhom l-ispejjeż u l-piżijiet amministrattivi.”

Il-proposta tal-lum, Komunikazzjoni dwar il-Ħolqien ta’ Suq Uniku għall-Prodotti Ekoloġiċi u Rakkomandazzjoni dwar l-użu tal-metodi, għandħa twassal għal tagħrif ambjentali komparabbli u affidabbli u trawwem il-fiduċja tal-konsumaturi, is-sħab kummerċjali, l-investituri u kumpaniji oħra interessati.

Il-proposta

  • tressaq żewġ metodi biex titkejjel il-prestazzjoni ambjentali matul iċ-ċiklu tal-ħajja, l-Impronta Ekoloġika tal-Prodotti (Product Environment Footprint - PEF) u l-Impronta Ekoloġika tal-Organizzazzjonijiet (Organisation Environmental Footprint - OEF);

  • tirrakkomanda l-użu volontarju ta’ dawn il-metodi lill-Istati Membri, il-kumpaniji, l-organizzazzjonijiet privati u l-komunità finanzjarja;

  • tħabbar perjodu ta’ ttestjar ta’ tliet snin biex jiġu żviluppati regoli speċifiċi għas-settur u għall-prodott permezz ta’ proċess li jinvolvi lil ħafna partijiet interessati, inkluża l-possibbiltà għall-organizzazzjonijiet li jużaw metodi oħra biex dawn jiġu evalwati ukoll;

  • tipprovdi prinċipji għall-komunikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali, bħat-trasparenza, l-affidabbiltà, il-kompletezza, il-komparabilità u ċ-ċarezza;

  • tappoġġja l-isforzi internazzjonali lejn aktar koordinazzjoni fl-iżvilupp metodoloġiku u d-disponibbiltà tad-dejta.

Il-passi li jmiss

Il-perjodu ta’ ttestjar ta’ tliet snin mistenni li jitnieda ftit wara l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni. Se tiġi ppubblikata sejħa miftuħa għal voluntiera fuq l-internet mill-Kummissjoni għall-Impronta Ekoloġika tal-Prodotti (Product Environmental Footprint - PEF) u l-Impronta Ekoloġika tal-Organizzazzjonijiet (Organisation Environmental Footprint - OEF), li tistieden lill-kumpaniji, l-organizzazzjonijiet industrijali u dawk tal-partijiet interessati fl-UE u lil hinn minnha biex jipparteċipaw fl-iżvilupp ta’ regoli speċifiċi għall-grupp ta' prodott u regoli speċifiċi għas-settur.

It-tieni fażi se tibni fuq evalwazzjoni dettaljata tar-riżultati ta’ ttestjar ta’ tliet snin u azzjonijiet addizzjonali mwettqa skont il-Komunikazzjoni u r-Rakkomandazzjoni. Fuq il-bażi ta’ din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni se tiddeċiedi dwar applikazzjonijiet ulterjuri ta’ politika tal-metodi PEF u OEF.

Kuntest

Dawn l-azzjonijiet jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi, b’mod partikolari t-taqsima marbuta mal-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli. L-azzjonijiet previsti kienu jinkludu t-twaqqif ta’ approċċ metodoloġiku komuni bbażat fuq evalwazzjoni taċ-ċiklu ta’ ħajja li jippermetti lill-Istati Membri u lis-settur privat li jevalwaw, juru u jipparagunaw il-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti, is-servizzi u l-kumpaniji; u l-għoti ta’ tagħrif aħjar dwar l-impatti ambjentali tal-prodotti.

Is-Suq Uniku għall-Prodotti Ekoloġiċi tħabbar bħala azzjoni ewlenija fl-Att dwar is-Suq Uniku tal-20111 u fil-Komunikazzjoni ta’ aġġornament tal-Politika Industrijali tal-20122.

Il-metodi tal-Impronta Ekoloġika tal-Prodotti u l-Impronta Ekoloġika tal-Organizzazzjonijiet tħejjew miċ-Ċentru għar-Riċerka Konġunta tal-Kummissjoni Ewropea. Huma jserrħu fuq Evalwazzjoni taċ-Ċiklu tal-Ħajja, u b’hekk jistgħu jkopru l-impatti ambjentali (u jindikaw l-opportunitajiet ta’ titjib) mill-estrazzjoni tal-materja prima għar-rimi ta’ prodott (jew portafoll tal-prodott fil-każ tal-organizzazzjonijiet).

Għal iktar tagħrif:

Ħolqa għall-Komunikazzjoni/għar-Rakkomandazzjoni:

http://www.ec.europa.eu/environment/eussd/smgp/index.htm

Ara wkoll:

http://ec.europa.eu/environment/eussd/product_footprint.htm

http://ec.europa.eu/environment/eussd/corporate_footprint.htm

Kuntatti :

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)

1 :

(COM(2011) 206 finali, 13.4.11)

2 :

(COM(2012) 582 finali ta’ 10.10.12)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website