Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-22 ta' Jannar 2013

302 riċerkaturi ewlenin jingħataw €680 miljun f’finanzjament mill-UE

Il-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (KER) qed jagħti €680 miljun lil 302 riċerkaturi stabbiliti ewlenin minn 24 pajjiż differenti madwar l-Ewropa fl-aktar kompetizzjoni riċenti prestiġjuża għall-"Għotjiet Avvanzati". B'għotjiet li jwasslu sa €2.5 miljun għal kull proġett, il-finanzjament jippermetti lil dawn ix-xjenzati, flimkien mat-timijiet tagħhom, jirriċerkaw l-iżjed ideat innovattivi tagħhom għal għarfien ġdid. Hemm xjenzjat fi Franza li flimkien mat-tim tiegħu se jiżviluppa mudelli ġodda li jispjegaw ċerti fenomeni fiżiċi, bħalma hi s-superkonduttività. Hemm tim fil-Latvja li se juża flimkien ix-xjenza tal-kompjuters, il-fiżika u l-matematika biex jivvaluta l-vantaġġi u l-limiti ta' apparati kwantum. Għotja oħra se tingħata lil riċerkatur fl-Italja li se jeżamina kif l-atturi ekonomiċi jiffurmaw u jbiddlu l-fehmiet tagħhom dwar l-ambjent u dwar xulxin, billi jżid karatteristiċi emotivi u psikoloġiċi mal-mudelli eżistenti.

Máire Geoghegan-Quinn, il-Kummissarju għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, qalet: "Il-KER għadu jidentifika l-aqwa riċerkaturi. Il-finanzjament tal-KER qed iwassal għal għadd dejjem jikber ta' soluzzjonijiet u skoperti xjentifiċi, kif ukoll għal aktar pubblikazzjonijiet f'ġurnali xjentifiċi magħrufin. Il-promozzjoni tar-riċerka f'oqsma mhux daqstant magħrufa fl-ogħla livell hija kruċjali għall-kompetittività Ewropea, u għaldaqstant aħna pproponejna li nżidu l-baġit tal-KER bħala parti mill-programm tagħna Orizzont 2020."

Tressqu madwar 2,300 applikazzjoni lill-KER għal din il-kompetizzjoni għall-Għotjiet Avvanzati, żieda żgħira mis-sena li għaddiet (4.5%). Il-baġit tas-sejħa ta' €680 miljun kien ukoll daqsxejn ogħla minn tas-sena l-oħra. L-għadd ta' riċerkaturi li ntgħażlu għall-finanzjament żdied kemm kemm, minn 294 għal 302, filwaqt li r-rata ta' applikazzjonijiet li ntgħażlu baqgħet fl-istess livell ta' 13%. L-għotjiet avvanzati jingħataw lil riċerkaturi ewlenin ta' kull nazzjonalità u età, li jkunu stabbiliti sew u xjentifikament indipendenti, b'rekord riċenti u profil fir-riċerka li jidentifikawhom bħala nies minn ta' quddiem fl-oqsma ta' riċerka rispettivi tagħhom.

MEMO/13/19

Sfond

L-għotjiet tal-KER huma mmirati għal riċerkaturi ewlenin ta' kull nazzjonalità li jgħixu fl-Ewropa jew li jkunu lesti li jiġu jgħixu fl-Ewropa. F'din is-sejħa għall-Għotjiet Avvanzati, il-kandidati magħżulin huma ta' 32 nazzjonalità differenti, l-iżjed numerużi humal-Brittanniċi, il-Ġermaniżi, il-Franċiżi, l-Olandiżi u t-Taljani. Dawn se jwettqu l-proġetti ta' riċerka tagħhom f'aktar minn 160 istituzzjoni mxerrda ma' 24 pajjiż Ewropew differenti. Billi r-Renju Unit, Franża, u l-Ġermanja huma l-akbar pajjiżi fl-UE, dawn se jospitaw l-akbar għadd ta' kandidati. Iżda mqabbel mad-daqs tal-popoplazzjoni, l-iżjed riċerkaturi li rnexxew qegħdin fil-Pajjiżi l-Baxxi, fid-Danimarka, fir-Renju Unit u f'Ċipru, fost il-pajjiżi tal-UE, u fl-Isvizzera u fl-Iżrael, fost il-pajjiżi assoċjati mal-programm ta' riċerka tal-UE. Dan jirrifletti l-kwalità tajba tar-riċerka f'dawn il-pajjiżi, li ħafna drabi hija riżultat ta' investiment fir-riċerka fuq medda ta' żmien twil.

Fost ix-xjenzati stabbiliti li qed jingħataw l-għotjiet f'din is-sejħa, 11-il wieħed applikaw minn barra ż-Żona ta' Riċerka Ewropea (Stati Membri tal-UE u pajjiżi assoċjati mal-Programm ta' Qafas għar-Riċerka). Din hija żieda fuq l-aħħar sejħa għall-Għotjiet Avvanzati. Il-maġġoranza tar-riċerkaturi huma Ewropej li qed jirritornaw lejn pajjiżhom; ħafna minnhom kienu bbażati fl-Istati Uniti, wieħed kien il-Kanada u wieħed fil-Libanu. Hemm tliet Amerikani fost ix-xjenzati magħżulin li ġejjin mill-Istati Uniti biex iwettqu r-riċerka ffinanzjata mill-KER f'xi Istituzzjoni Ospitanti fl-Ewropa. Barra minn hekk, 21 mir-riċerkaturi magħżulin huma ta' nazzjonalitajiet mhux Ewropej, iżda diġà kienu bbażati fl-Ewropa.

Kemm kemm iżjed minn 15% tar-riċerkaturi huma nisa, żieda fuq it-12% tas-sena li għaddiet. L-età medja tar-riċerkaturi li se jirċievu l-fondi hija ta' 51 sena.

F'din is-sejħa, 45% tal-proposti magħżulin jikkonċernaw il-qasam tax-"Xjenza Fiżika u l-Inġinerija", 37% dak tax-"Xjenzi tal-Ħajja" u 18% dak tax-"Xjenzi Soċjali u l-Istudji Umanistiċi". Dawk li bbenefikaw mill-għotjiet intgħażlu abbażi ta' evalwazzjoni bejn il-pari li saret minn 25 bord magħmulin minn xjenzati magħrufa minn madwar id-dinja.

Il-Kunsill għar-Riċerka Ewropea, li twaqqaf mill-UE fl-2007, huwa l-ewwel l-organizzazzjoni pan-Ewropea ta' finanzjament għal riċerka fil-fruntieri tal-għarfien. Il-KER, li huwa l-aktar komponent ġdid tas-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka tal-UE (FP7) u l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu, għandu baġit totali ta' €7.5 biljun għall-perjodu ta' żmien 2007-2013. Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li, fil-programm qafas ġdid "Orizzont 2020" (2014-2020), iżżid il-baġit tal-KER b'mod sinifikanti għal aktar minn €13-il biljun.

Għal aktar tagħrif

Il-websajt tal-KER:

http://erc.europa.eu

Orizzont 2020:

http://ec.europa.eu/research/horizon2020/

Kuntatti:

Michael Jennings (+32 2 296 33 88)

Monika Wcislo (+32 2 298 65 95)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website