Navigation path

Left navigation

Additional tools

Tibda topera s-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS II)

European Commission - IP/13/309   09/04/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-9 ta' April 2013

Tibda topera s-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS II)

Illum, se tibda topera t-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS II) biex iżżid is-sigurtà u tiffaċilita l-moviment ħieles fiż-żona Schengen. Is-SIS II tippermetti skambju faċli ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali ta’ kontroll tal-fruntieri, l-awtoritajiet doganali u dawk tal-pulizija dwar persuni li setgħu kienu involuti f'xi reat serju. Is-sistema tagħti wkoll l-allarm fir-rigward ta’ persuni neqsin, partikolarment it-tfal, kif ukoll informazzjoni dwar ċerta proprjetà, bħal flus kontanti, karozzi, vannijiet, armi tan-nar u dokumenti tal-identità li setgħu nsterqu, ġew miżappropprjati jew intilfu.

Cecilia Malmström, il-Kummissjarju tal-UE għall-Affarijiet Interni qalet: “B’sodisfazzjon nixtieq inħabbar li s-SIS II se tibda topera issa. Flimkien ma’ kollegi fil-Kunsill u l-Parlament, wasalt biex nikkonkludi b’suċċess il-fażi tal-iżvilupp tal-proġett. Ingħatajt biċċa xogħol diffiċli u ma kienx kompitu faċli li kollox jimxi kif previst fir-rigward ta' dan il-proġett, iżda b’determinazzjoni soda min-naħa tiegħi rnexxielna negħlbu sfidi kbar. Issa nistgħu ngħaddu għall-fażi tal-implimentazzjoni, li se tkun immonitorjata mill-aġenzija l-ġdida eu-LISA.”

Krum Garkov, id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-ġestjoni operattiva ta' sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja (eu-LISA) qal: “Aħna ninsabu preparati biex nibdew nieħdu ħsieb il-ġestjoni operattiva tas-SIS II. Aħna qed naħdmu mill-qrib mal-Kummissjoni u l-Istati Membri biex niżguraw tranżizzjoni bla xkiel lejn il-ġestjoni tas-sistema, fejn nipprovdu servizz ta’ 24 siegħa kuljum lill-Istati Membri u nikkontribwixxu fl-isforzi għal Ewropa aktar sigura.”

Bit-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni, is-SIS II tibqa’ taqdi rwol kruċjali fl-iffaċilitar tal-moviment liberu tal-persuni fiż-żona ta’ Schengen. Is-SIS II hija t-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen li ilha topera mill-1995 u li għandha funzjonalitajiet imtejbin, bħall-possibbiltà li tiddaħħal il-bijometrika (marki tas-swaba' u ritratti), tipi ġodda ta' allarmi (inġenji tal-ajru misruqin, dgħajjes, kontejners, mezzi ta’ pagament), jew il-possibbiltà li allarmi differenti jiġu abbinati flimkien (bħal pereżempju allarm dwar persuna u allarm dwar vettura). Is-SIS II se tinkludi wkoll kopji tal-Mandati ta’ Arrest Ewropej (EAW) marbuta direttament ma' allarmi dwar persuni li huma mfittxija mill-pulizija biex jiġu arrestati, iċedu jew jiġu estraditi, u b’hekk l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jiżguraw is-segwitu neċessarju b’mod aktar faċli u mgħaġġel.

Is-SIS II tiżgura protezzjoni tajba ħafna tad-dejta. L-aċċess għas-SIS II huwa limitat għall-awtoritajiet nazzjonali tal-kontroll tal-fruntieri, l-awtoritajiet tal-pulizija, tad-dwana, dawk ġudizzjarji, tal-viża u tar-reġistrazzjoni tal-vetturi. Kulħadd għandu d-dritt li jaċċessa dejta li hija marbuta miegħu u li tinsab fis-SIS II u kulħadd jista’ jitlob lill-awtorità nazzjonali kompetenti biex tikkoreġi jew tħassar l-informazzjoni personali tiegħu. Kulħadd jista’ jieħu azzjoni fil-qorti, biex jaċċessa, jikkoreġi, iħassar jew jikseb l-informazzjoni jew biex jieħu kumpens marbut ma’ allarm fir-rigward tiegħu. L-Awtoritajiet Superviżorji Nazzjonali u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta għandhom jikkooperaw b’mod attiv u għandhom jiżguraw superviżjoni kkoordinata tas-SIS II.

Kuntest

Is-SIS II hija sistema mill-aktar avvanzata tal-IT u tikkonsisti fi tliet komponenti: sistema ċentrali, is-sistemi nazzjonali tal-Istati ta’ Schengen u infrastruttura ta’ komunikazzjoni bejn is-sistemi ċentrali u dawk nazzjonali.

Fl-aħħar ta’ Frar 2013, l-impenji baġitarji globali meħudin mill-Kummissjoni għall-proġett SIS II sa mill-2002, kienu jammontaw għal EUR 167 784 606.

Il-migrazzjoni tad-dejta mis-SIS 1+ għas-SIS II għandha tintemm wara perjodu ta’ monitoraġġ intensiv (li jdum xahar), li matulu kemm is-sistema SIS 1+ u kemm dik SIS II se jkomplu jeżistu fl-istess ħin u jibqgħu sinkronizzati.

Mid-9 ta’ Mejju 2013, l-Aġenzija tal-IT (eu-LISA) se tieħu r-responsabbiltà għall-ġestjoni ta’ kuljum tas-sistema ċentrali.

Ħoloq Utli

Il-websajt ta' Cecilia Malmström

Segwi lill-Kummissarju Malmström fuq Twitter

Il-websajt tad-DĠ għall-Affarijiet Interni

Segwi lid-DĠ għall-Affarijiet Interni fuq Twitter

Kuntatti :

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website