Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Rapport ta’ Progress dwar l-Istrateġija għad-Danubju: Bidu tajjeb, issa jmiss li nkomplu nitjiebu

Commission Européenne - IP/13/307   09/04/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-9 ta' April 2013

Rapport ta’ Progress dwar l-Istrateġija għad-Danubju: Bidu tajjeb, issa jmiss li nkomplu nitjiebu

Il-Kummissjoni Ewropea ħarġet l-ewwel rapport ta’ progress dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju, sentejn wara t-tnedija tagħha. Dan jelenka l-kisbiet sinifikanti fir-rigward tal-indirizzar tal-problemi li jvarjaw minn konnessjonijiet tat-trasport neqsin u nuqqas ta’ kompetizzjoni għat-tniġġis u l-kriminalità. Il-makroreġjun tad-Danubju huwa magħmul minn 14-il pajjiż, li minnhom tmienja huma Stati Membri tal-UE. Ir-rapport jispjega fid-dettall dwar kif diġà ġiet stabbilita sistema konkreta ta’ kooperazzjoni, permezz ta’ għadd ta’ proġetti u inizjattivi kondiviżi.

Madankollu, ir-rapport tal-Kummissjoni jappella lill-gvernijiet tad-Danubju biex iwettqu l-impenji politiċi tagħhom billi jagħmlu l-Istrateġija prijorità fl-oqsma politiċi rilevanti kollha. Huwa jħeġġeġ ukoll lit-tmien Stati Membri tal-UE involuti, kif ukoll lill-Kroazja, biex jinkorporaw l-Istrateġija fil-pjanijiet tagħhom għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ programmi bħala parti mill-Politika Reġjonali għal bejn l-2014 u l-2020.

Il-Kummissarju tal-UE għall-Iżvilupp Reġjonali, Johannes Hahn, qal: “Kellna bidu tajjeb ħafna. L-Istrateġija għad-Danubju diġà qed turina li jekk naħdmu flimkien ikollna impatt ħafna akbar milli jekk nippruvaw insolvu l-problemi individwalment. Hemm bżonn li nkomplu nitjiebu. Għall-14-il pajjiż involut, il-kooperazzjoni ma tistax tkun xi ħaġa sekondarja jew xi ideal vag. Nixtieq nara l-prijoritajiet tal-Istrateġija għad-Danubju fil-ġenerazzjoni li jmiss ta’ programmar tal-Fondi Reġjonali u inkorporati bis-sħiħ fil-prijoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali f’kull wieħed mill-pajjiżi involuti. L-Istrateġija għandha tinforma kull qasam politiku rilevanti, sostnuta bi strutturi politikament stabbli u ffinanzjati kif xieraq.”

Ir-Rapport jiffoka fuq il-progress konkret fl-erba’ oqsma prinċipali tal-Istrateġija: Kollegament tar-Reġjun tad-Danubju, Protezzjoni tal-Ambjent, Ġenerazzjoni tal-Prosperità u Tisħiħ tar-Reġjun tad-Danubju.

Ir-rapport jgħid li l-EUSDR stabbilixxiet struttura ta’ valur bla qies għal tul ta’ żmien għall-kooperazzjoni u ġġenerat impenn politiku ċar fost is-sħab tagħha.

Ir-Rapport jistabbilixxi rakkomandazzjonijiet ċari għall-futur: Dan iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex jinkorporaw l-Istrateġija fil-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ programmi għall-Politika Reġjonali għal bejn l-2014 u l-2020.

Huwa jħeġġeġ lill-gvernijiet biex jagħmlu użu effiċjenti u kkumbinat mill-fondi disponibbli: mill-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment u anki minn Horizon 2020, COSME u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

Dan iħeġġeġ lill-14-il pajjiż involut biex jiżguraw li għandhom il-persunal adattat u strutturi ffinanzjati adegwatement fis-seħħ nazzjonalment, biex jirrealizzaw il-prijoritajiet tal-Istrateġija għad-Danubju.

Ir-rapport jitlob lill-gvernijiet tal-UE biex jiddiskutu l-għanijiet tal-Istrateġija għad-Danubju fil-laqgħat settorjali rilevanti tal-Kunsill tal-Ministri (pereżempju l-Ministri tat-Trasport tal-UE, il-Ministri tal-Ambjent u l-Ministri tar-Riċerka u l-Intern)

Ir-rapport jagħmel enfasi fuq għadd ta’ proġetti ġodda u jagħti dettalji dwar kif l-Istrateġija qed tagħti momentum lil inizjattivi eżistenti permezz ta’ kollaborazzjoni u għajnuna biex jiġu kkumbinati l-fondi. Dan qed jikkontribwixxi għall-aġenda tat-tkabbir għal tul ta’ żmien tal-UE “Ewropa 2020”

Nikkollegaw ir-Reġjun tad-Danubju

(Konnessjonijiet tat-trasport/enerġija sostenibbli/kultura u turiżmu)

Id-Dikjarazzjoni dwar il-manutenzjoni tal-passaġġi fuq l-ilma tad-Danubju, adottata mill-Ministri tat-Trasport tar-Reġjun tad-Danubju f’Ġunju 2012. Ftehim prinċipali dwar in-navigabbiltà bejn ir-Rumanija u l-Bulgarija. L-Istrateġija tat impetu biex jitlesta l-Pont Calafat-Vidin, li jgħaqqad lir-Rumanija u l-Bulgarija – li huwa biss it-tieni pont tul is-sezzjoni tax-xmara ta’ mal-fruntiera ta’ 630 km. Proġetti ġodda ta’ riċerka dwar il-bastimenti innovattivi, bħall-proġett NEWS biex tiġi mmodernizzata l-flotta tad-Danubju. Il-proġett ta’ interkonnessjoni tal-gass bejn il-Bulgarija u s-Serbja huwa maħsub biex jgħaqqad iż-żona tal-Baħar Baltiku mal-Baħar Adreatiku, il-Baħar Eġew u l-Baħar l-Iswed.

Protezzjoni tal-ambjent fir-Reġjun tad-Danubju

(Il-kwalità tal-ilma, ir-riskji ambjentali/il-preservazzjoni tal-bijodiversità)

Il-Proġett Danube Floodrisk: tmien pajjiżi tad-Danubju li jaqsmu bażijiet ta’ dejta u jimmappjaw l-għargħar. Id-Danube Sturgeon Task Force biex tiżgura l-popolazzjonijiet vijabbli ta’ din il-ħuta importanti fix-xmara.

Ġenerazzjoni tal-prosperità fir-Reġjun tad-Danubju

(Kapaċità ta’ riċerka/ edukazzjoni/ teknoloġija tal-informazzjoni, kompetittività tal-intrapriżi)

Id-Danube Region Business Forum, li hu kkoordinat mill-Kamra Awstrijaka tal-Kummerċ, jinvolvi aktar minn 300 SME - li jappoġġaw ir-rabtiet mal-istituti tar-riċerka u l-universitajiet. Il-Fond għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tad-Danubju, isejjes fuq l-esperjenzi tal-programm BONUS fil-Makroreġjun tal-Baħar Baltiku. Dikjarazzjoni konġunta tal-14-il Ministru tar-Riċerka tar-Reġjun tad-Danubju: iffirmata f’Ulm, il-Ġermanja, fid-9 ta’ Lulju 2012.

Tisħiħ tar-Reġjun tad-Danubju

(Kapaċità istituzzjonali/kooperazzjoni biex tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata,)

Kooperazzjoni msaħħa fost l-awtoritajiet tal-pulizija tar-Reġjun tad-Danubju: inizjattiva mill-kapijiet tal-pulizija stess biex itejbu l-miżuri kontra r-reati marbutin max-xmajjar (inkluża l-kriminalità organizzata), u li tistabbilixxi pjattaforma transnazzjonali ta' infurzar tal-liġi. Il-proġett ta’ analiżi tat-theddid tal-EUROPOL għar-reġjun tad-Danubju.

Kuntest

L-Istarteġija tnediet fl-2011 (IP/11/472) wara li saret talba sentejn qabel mill-gvernijiet tal-UE. L-14-il pajjiż fil-makroreġjun (tmien membri tal-UE) huma: il-Ġermanja, l-Awstrija, l-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, is-Slovenja, il-Bulgarija, ir-Rumanija, il-Kroazja, is-Serbja, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Montenegro, l-Ukraina u l-Moldova.

L-ewwel Forum Annwali tal-EUSDR sar f’Regensburg, fil-Ġermanja f’Novembru 2012 – bil-Kanċillier Angela Merkel bħala l-kelliema prinċipali. It-tieni Forum Annwali se jsir f'Bukarest, fir-Rumanija fit-28 u d-29 ta' Ottubru din is-sena. Id-Danubju huwa t-tieni makroreġjun tal-UE, fejn jgħixu aktar minn 100 miljun ruħ. L-ewwel kien hemm l-Istrateġija għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku li tnediet f’Ġunju 2009. Ir-Rapport li ġej dwar l-evalwazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali huwa mistenni f’Ġunju 2013. Fil-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2012, il-gvernijiet tal-UE talbu lill-Kummissjoni biex tipproponi t-tielet makroreġjun Joniku/Adrijatiku.

Għal aktar tagħrif:

L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku

http://www.danube-region.eu/

Kuntatti:

Shirin Wheeler (+32 2 296 65 65)

Annemarie Huber (+32 2 299 33 10)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site