Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Azzjoni favur il-Klima: Il-Kummissjoni Ewropea tinvolvi lill-industrija biex ixxerred l-aqwa prassi fejn jidħol ir-rispett għall-klima

Commission Européenne - IP/13/306   08/04/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-8 ta’ April 2013

Azzjoni favur il-Klima: Il-Kummissjoni Ewropea tinvolvi lill-industrija biex ixxerred l-aqwa prassi fejn jidħol ir-rispett għall-klima

Nhar it-Tnejn, it-8 ta’ April 2013, rappreżentanti tal-industrija u tas-settur pubbliku minn 10 Stati Membri Ewropej se jkunu qed iżuru eżempji ta’ negozji li jinsabu quddiem nett fejn tidħol l-effiċjenza fl-enerġija fid-Danimarka.

Iż-żjara fuq il-post hija l-ewwel waħda f’serje ta’ avvenimenti organizzati minn partijiet interessati biex isostnu l-kampanja prinċipali tal-Kummissjoni dwar azzjoni li tirrispetta l-klima A world you like. Minn meta tnediet f’Ottubru tas-sena l-oħra, ingħaqdu fil-kampanja aktar minn 150 imsieħeb u sostenitur. Matul ix-xhur li ġejjin, għadd minnhom se jkunu qed jorganizzaw konferenzi, wirjiet, avvenimenti u ħwejjeġ simili biex jaqsmu l-aqwa prassi u jkabbru l-għarfien dwar kif jistgħu jiġu kkumbinati flimkien azzjoni akbar favur il-klima, il-benefiċċji ekonomiċi u kwalità ta’ ħajja aħjar.

Din iż-żjara fuq il-post, Engage in Energy Efficient Production (Involviment fil-Produzzjoni bUżu Effiċjenti tal-Enerġija), hija organizzata mill-Konfederazzjoni Daniża tal-Industriji biex issostni l-kampanja tal-Kummissjoni Ewropea għal azzjoni favur il-klima A world you like, li tiffoka fuq soluzzjonijiet garantiti, fejn il-benefiċċji ekonomiċi u l-azzjoni favur il-klima jimxu id f’id.

“L-isfida vera marbuta mat-tibdil fil-klima hija l-applikazzjoni bil-pass li hemm bżonn tas-soluzzjonijiet li diġà nafu bihom. Għaldaqstant huwa kruċjali li tixxerred il-prassi tajba u li jiġi evitat li kulħadd jipprova jivvinta r-rota mill-ġdid”, qalet Connie Hedegaard, il-Kummissarju għall-Azzjoni Klimatika, li se tkun preżenti f’partijiet miż-żjara.

Iż-żjara fuq il-post tinkludi żjarat lil kumpaniji minn varjetà ta’ setturi li jvarjaw minn komponenti alimentari sa dawk industrijali, b'mod li jintwera li l-benefiċċji ekonomiċi minn użu effiċjenti tal-enerġija huwa potenzjal għal bosta tipi ta’ negozju.

Eżempju wieħed huwa Grundfos, li hija fost l-intrapriżi li se jkunu qed jilqgħu lill-parteċipanti u juruhom is-sit ta’ produzzjoni tagħhom. Il-Grundfos hija waħda mill-aqwa fornituri ta’ pompi u kull sena tiġġenera fatturat ta’ EUR 3 biljun. Mill-2008, il-kumpanija naqqset l-emissjonijiet relatati mal-produzzjoni b’aktar minn 11 % permezz ta’ proġetti maħsuba għal effiċjenza fl-enerġija — li jikkorrispondi għal total ta’ aktar minn 14,000 tunnellata. Fl-istess perjodu, żiedet id-dħul tagħha bi kważi 20%. Il-kumpanija tistma li, fid-Danimarka biss, permezz ta’ użu effiċjenti tal-enerġija qed tiffranka EUR 2.5 miljun kull sena.

“Għalina, l-effiċjenza fl-enerġija hija importanti kemm mil-lat ta’ negozju u kemm mil-lat ta’ sostenibbiltà. Meta niffrankaw l-enerġija u nnaqqsu l-emissjonijiet CO2 inkunu qed niffrankaw ukoll mill-ispejjeż tal-produzzjoni. Dan iwassal għal profitti u għal kompetittività akbar. Hija verament kwistjoni ta’ sens komun:, qal Carsten Bjerg, is-CEO tal-Grundfos.

Fatti dwar A world you like:

Minn meta tnediet f'Ottubru tal-2012, il-kampanja hemm iktar minn 20 000 isegwuha fil-midja soċjali, u għandha iktar minn 150 imsieħeb uffiċjali, inklużi awtoritajiet pubbliċi, organizzazzjonijiet mhux governattivi, istituzzjonijiet akkademiċi, u negozji. A world you like timmira li tippromwovi s-soluzzjonijiet kosteffiċjenti li jeżistu biex tintlaħaq il-mira tal-UE li sas-sena 2050 l-emissjonijiet tal-gassijiet serra jonqsu bejn 80 u 95 %, kif ukoll li tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ġodda.

Fatti dwar l-inizjattiva Engage in Energy Efficient Production:

Il-parteċipanti jirrappreżentaw 17-il organizzazzjoni li jvarjaw bejn kumpaniji privati u assoċjazzjonijiet tal-industrija sa think tanks u korpi tal-gvern.

Il-parteċipanti jirrappreżentaw 10 Stati Membri, fosthom il-Ġermanja, Franza, Spanja, il-Polonja, il-Bulgarija, il-Litwanja, l-Iżvezja u l-Finlandja.

Minbarra l-manifattur tal-pompi Grundfos , il-parteċipanti se jżuru l-kumpanija tal-ikel Danish Crown u s-Saint-Gobain ISOVER, li tiżviluppa u tipproduċi metodi ta’ insulazzjoni innovattivi u sostenibbli.

Għal iktar informazzjoni:

Il-websajt tal-Kummissarju Connie Hedegaard:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/hedegaard/index_en.htm

A world you like — Il-websajt ta’ din il-kampanja: http://world-you-like.europa.eu/en/

A world you like — Il-paġna tal-Facebook tal-kampanja:

http://www.facebook.com/EUClimateAction

Kuntatti:

Isaac Valero Ladron (+32 2 296 49 71)

Stephanie Rhomberg (+32 2 298 72 78)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site