Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-1 ta’ Jannar 2013

Il-Kummissjoni Ewropea tagħti bidu għaċ-ċelebrazzjoni tal-2013 bħala s-Sena Ewropea taċ-Ċittadini

Hekk kif twieldet l-2013, il-Kummissjoni Ewropea tat bidu ghas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini: sena ddedikata għalik u għal jeddijietek. Din is-Sena Ewropea qed tiġi ċċelebrata f’mument kritiku għall-integrazzjoni Ewropea. L-2013 hija l-20 sena minn mindu t-Trattat ta' Maastricht daħħal iċ-ċittadinanza tal-UE fl-1993, u hija wkoll is-sena ta’ qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Fl-10 ta’ Jannar 2013, il-President tal-Kummissjoni José Manuel Barroso u l-Viċi President Viviane Reding se jingħaqdu mal-Prim Ministru Irlandiż Enda Kenny u mal-Ministru għall-Affarijiet Ewropej Lucinda Creighton biex jagħtu bidu għas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013 fir-rotunda tas-City Hall ta’ Dublin. Aktar minn 200 ċittadin minn Dublin se jipparteċipaw f'dibattitu miftuħ mal-mexxejja tal-Ewropa dwar il-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea. Fid-dibattitu se jieħdu sehem ukoll id-Deputat Prim Ministru Eamon Gilmore u MPE Irlandiżi mir-reġjun.

"Biex nibnu Unjoni aktar qawwija u aktar politika, għandna bżonn l-involviment dirett taċ-ċittadini. Huwa għalhekk li l-2013 hija s-Sena Ewropea taċ-Ċittadini: din hija sena ddedikata għalikom u għal jeddijietkom bħala Ewropej," qalet il-Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding. "Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija aktar minn kunċett. Hija realtà prattika li liċ-ċittadini toffrilhom benefiċċji tanġibbli. Il-Kummissjoni Ewropea trid tgħin lin-nies jifhmu kif jistgħu jgawdu direttament minn jeddijiethom u tisma’ l-fehmiet tagħhom dwar ’il fejn sejra l-Ewropa. Iċ-ċittadini Ewropej għandhom ikunu jistgħu jesprimu t-tħassib tagħhom u jħejju t-triq għall-elezzjonijiet Ewropej tal-ġejjieni. Wasal iż-żmien li lkoll kemm aħna nħossuna responsabbli għall-ġejjieni komuni tagħna."

Biex tiġi ċċelebrata s-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013, madwar l-UE se tiġi organizzata firxa ta’ avvenimenti, konferenzi u seminars fil-livell tal-Unjoni, f’dak nazzjonali, u f’dak reġjonali jew lokali (ara l-kalendarju tal-avvenimenti hawnhekk: http://europa.eu/citizens-2013 (EN, FR, DE)). Barra minn hekk, il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-viżibbiltà tal-portali multilingwi fuq l-internet "Europe Direct" u "L-Ewropa Tiegħek" bħala elementi ewlenin ta’ sistema ta' informazzjoni fejn wieħed isib kollox dwar jeddijiet iċ-ċittadini tal-Unjoni. Se tkabbar ukoll l-irwol u l-viżibbiltà tal-għodod għas-soluzzjoni tal-problemi, bħas-SOLVIT, sabiex iċ-ċittadini tal-Ewropa jkunu jistgħu jgawdu jeddijiethom aħjar u jħarsuhom.

Matul l-2013, il-Viċi President Reding u Kummissarji oħrajn tal-UE se jingħaqdu ma’ politiċi nazzjonali u lokali biex jagħmlu dibattiti maċ-ċittadini mal-Ewropa kollha. Se jisimgħuhom u se jwieġbu għall-mistoqsijiet tagħhom. Il-Viċi President Reding diġà għamlet dibattiti f’Cadiz (Spanja), fi Graz (l-Awstrija) u f’Berlin (il-Ġermanja), u l-Kummissarju Andor għamel dibattitu f'Napli (l-Italja). Matul is-sena se jsiru ħafna aktar minn dawn id-dibattiti f’għadd ta' muniċipalitajiet Ewropej. Fihom, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell Ewropew u f’dak lokali se jiddibattu ma’ ċittadini mill-oqsma kollha tal-ħajja mill-UE kollha kemm hi. Tista’ ssegwi d-dibattiti kollha hawnhekk: http://ec.europa.eu/european-debate/index_mt.htm.

Biex twitti t-triq għas-Sena Ewropea, bejn id-9 ta’ Mejju u d-9 ta’ Settembru 2012 il-Kummissjoni għamlet konsultazzjoni pubblika wiesgħa li fiha staqsiet liċ-ċittadini dwar liema huma l-problemi li jiltaqgħu magħhom fit-tgawdija ta' jeddijiethom bħala ċittadini tal-UE (ara IP/12/461). Dawk li wieġbu għamluha ċara li jgħożżu bil-kbir il-jeddijiet li għandhom bħala ċittadini tal-UE, l-aktar il-moviment ħieles u l-jeddijiet politiċi. Qalu wkoll li jixtiequ jaraw spazju Ewropew reali li fih ikunu jistgħu jgħixu, jaħdmu, jiċċaqilqu, jistudjaw u jixtru mingħajr burokrazija jew diskriminazzjoni. Osservaw ukoll, iżda, li għad fadal mhux ħażin xi jsir. Il-parteċipanti għamlu enfasi fuq diversi problemi, l-aktar dwar ir-rispett lejn il-jeddijiet taċ-ċittadini tal-UE fil-livell lokali. Dawn huma kwistjonijiet li l-Kummissjoni se tinkludihom fir-Rapport li jmiss dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE, li hu ppjanat li jsir matul l-2013. Ara r-riżultati hawnhekk: http://ec.europa.eu/justice/citizen/files/eu-citizen-brochure_en.pdf (EN)

Il-kuntest

B’riżultat taċ-ċittadinanza tal-UE, li ma tiħux post iċ-ċittadinanza nazzjonali iżda tikkumplementaha, iċ-ċittadini kollha tas-27 Stat Membru tal-UE jgawdu minn damma ta’ jeddijiet addizzjonali bħala ċittadini tal-UE. Dawn jinkludu l-jedd li wieħed jivvota u jkun kandidat fl-elezzjonijiet lokali u Ewropej fil-pajjiż tal-UE fejn ikun joqgħod, il-jedd għall-protezzjoni konsulari barra mill-UE bl-istess kundizzjonijiet bħall–persuni li jkollhom in-nazzjonalità ta’ dak l-Istat Membru, u l-jedd li wieħed iressaq petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew, jagħmel ilment quddiem l-Ombudsman Ewropew jew, mill-2012 ’il quddiem, li jieħu sehem f'inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.

Hemm bosta jeddijiet li jirriżultaw miċ-ċittadinanza Ewropea, iżda n-nies mhux dejjem ikunu jafu bihom. Stħarriġ li sar fl-2010 (EN, FR) wera li għad hemm wisq nies li ma jħossux li jafu biżżejjed dwar il-jeddijiet differenti li għandhom: 43% biss jafu xi jfisser "ċittadin tal-Unjoni Ewropea" u kważi nofs iċ-ċittadini Ewropej (48%) jgħidu li mhumiex infurmati tajjeb dwar jeddijiethom. Fis-Sena Ewropea taċ-Ċittadini dawn il-jeddijiet se jiġu spjegati, u se jiġi żgurat li n-nies ikunu jafu bihom u li ma jsibux xkiel biex igawduhom.

Ngħidu aħna, fost il-jeddijiet li tagħti ċ-ċittadinanza tal-UE, l-aktar wieħed li hu miżmum b’għożża huwa l-moviment ħieles (ara l-istqarrija għall-istampa Nru 14/2011 (EN)). Tant hu hekk, li kull sena l-Ewropej jagħmlu aktar minn biljun vjaġġ fl-UE, u għadd dejjem jiżdied ta’ Ewropej qed jagħmlu użu mill-jedd li jgħixu fi Stat Membru ieħor tal-UE. Madankollu, filwaqt li aktar minn terz (35%) tal-ħaddiema jkunu lesti jikkunsidraw li jmorru jaħdmu fi Stat Membru ieħor, kważi wieħed f’ħamsa għadhom tal-fehma li għad hemm wisq xkiel biex dan jagħmluh. Minbarra d-diffikultajiet tal-lingwa, l-aktar xkiel importanti għaċ-ċaqliq li jinvolvi l-qsim tal-fruntieri nazzjonali huwa nuqqas serju ta' informazzjoni.

Il-Kummissjoni Ewropea qed taħdem biex dan ix-xkiel jitneħħa. Ir-Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE (ara IP/10/1390 u MEMO/10/525 (EN)) ippreżenta fil-qosor 25 azzjoni konkreta biex jitneħħa dak kollu li għadu jxekkel liċ-ċittadini tal-UE milli jgawdu l-jedd tagħhom għall-moviment ħieles fl-UE. Waħda minn dawn l-azzjonijiet hija ħidma biex in-nies ikunu jafu aktar dwar l-istejtus tagħhom bħala ċittadini tal-UE, dwar jeddijiethom u dwar xi jfissru dawn il-jeddijiet fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

Matul is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013, il-Kummissjoni se tippubblika t-tieni rapport dwar iċ-ċittadinanza tal-UE, li se jservi bħala pjan ta’ azzjoni għat-tneħħija ta' dak kollu li għadu jxekkel liċ-ċittadini milli jgawdu bis-sħiħ jeddijiethom bħala ċittadini tal-UE.

Bil-fatt li ddikjarat l-2013 bħala s-Sena Ewropea taċ-Ċittadini, il-Kummissjoni Ewropea qed twettaq il-wegħda li saret fir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE u qed twieġeb http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P7-TA-2010-0483+0+DOC+XML+V0//MT

Għal aktar tagħrif

Is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini:

http://europa.eu/citizens-2013 (EN, FR, DE)

Dibattiti maċ-ċittadini dwar il-futur tal-Ewropa:

http://ec.europa.eu/european-debate/index_mt.htm.

Europeans have their say: Riżultati tal-konsultazzjoni dwar il-jeddijiet taċ-ċittadini tal-UE:

http://ec.europa.eu/justice/citizen/files/eu-citizen-brochure_en.pdf (EN)

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding, fuq l-internet:

http://ec.europa.eu/reding (EN, FR, DE)

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm (EN, FR, DE)

Kuntatti :

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website