Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-marki kummerċjali: Il-Kummissjoni tipproponi aċċess imħaffef u protezzjoni aktar effettiva

European Commission - IP/13/287   27/03/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-27 ta' Marzu 2013

Il-marki kummerċjali: Il-Kummissjoni tipproponi aċċess imħaffef u protezzjoni aktar effettiva

Illum il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pakkett ta’ inizjattivi biex tagħmel is-sistemi tar-reġistrazzjoni tal-marki kummerċjali orħos, imħaffa, aktar kredibbli u prevedibbli mal-Unjoni Ewropea kollha. Ir-riforma proposta ttejjeb l-kundizzjonijiet għan-negozji biex dawn jagħmlu innovazzjonijiet u jgawdu minn protezzjoni aktar effettiva tal-marki kummerċjali mill-falsifikazzjoni, inklużi l-oġġetti ffalsifikati li jkunu fi tranżitu mit-territorju tal-UE.

Fir-rigward tat-tariffi, il-Kummissjoni qed tipproponi prinċipju ta’ “klassi waħda għal kull tariffa” li se japplika kemm għall-applikazzjonijiet tal-marka kummerċjali Komunitarja u kemm għall-applikazzjonijiet tal-marki kummerċjali nazzjonali. Dan se jippermetti lil kwalunkwe negozju – partikolarment lill-SMEs – japplika għall-protezzjoni tal-marki kummerċjali skont il-ħtiġijiet kummerċjali reali tiegħu, bi prezz li jkopri biss dawk il-ħtiġijiet individwali. Skont is-sistema eżistenti, it-tariffa għar-reġistrazzjoni ta' marka kummerċjali tippermetti r-reġistrazzjoni ta' massimu ta' tliet klassijiet tal-prodotti. Bis-sistema riveduta, marka kummerċjali tista' tiġi rreġistrata għal klassi waħda tal-prodotti biss. Għalhekk fil-livell tal-UE, in-negozji se jħallsu ammont sostanzjalment inqas meta jfittxu li jingħataw protezzjoni biss għal klassi waħda ta’ prodott.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Michel Barnier, qal: “Il-marki kummerċjali kienu l-ewwel suċċess tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. L-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fl-1989 u l-ħolqien tal-marka kummerċjali Komunitarja fl-1994, wittew it-triq għal għodod oħra għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, bħall-protezzjoni tad-disinn u l-privattiva unitarja. Illum, 20 sena wara, b'sodisfazzjon kbir inħabbar li s-sistema tal-marki kummerċjali tagħna qdietna għal tul ta' żmien. M’hemmx bżonn ta’ bidla radikali: il-pedamenti tas-sistema tagħna għadhom perfettament validi. Li qed nipprevedu hija modernizzazzjoni mmirata sew biex il-protezzjoni tal-marki kummerċjali ssir eħfef, orħos, u aktar effettiva.”

Sabiex jitrawmu l-innovazzjoni u t-tkabbir billi s-sistemi tal-marki kummerċjali fl-Ewropa jsiru aktar aċċessibbli u effiċjenti għan-negozji, ir-reviżjoni proposta:

  • Tissimplifika u tarmonizza l-proċeduri tar-reġistrazzjoni, inkluż f’livell tal-Istati Membri, bis-sistema tal-marka kummerċjali Komunitarja bħala punt referenzjarju;

  • Timmodernizza d-dispożizzjonijiet eżistenti u żżid iċ-ċertezza legali billi temenda d-dispożizzjonijiet skaduti, tneħħi l-ambigwitajiet, tiċċara d-drittijiet tal-marki kummerċjali fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-limitazzjonijiet tagħhom u tinkorpora l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja;

  • Ittejjeb il-mezzi fil-ġlieda kontra l-oġġetti ffalsifikati li jkunu fi tanżitu mit-territorju tal-UE; kif ukoll

  • Tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-uffiċċji tal-Istati Membri u l-aġenzija tal-marki kummerċjali tal-UE – l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern (UASI) – sabiex tippromwovi l-konverġenza tal-prattiki tagħhom u l-iżvilupp tal-għodod komuni.

Il-pakkett propost jinkludi tliet inizjattivi:

  • Riformolazzjoni tad-Direttiva tal-1989 (issa kkodifikata bħala 2008/95/KE) biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks;

  • Reviżjoni tar-Regolament tal-1994 (issa kkodifikat bħala 207/2009/KE) dwar it-trade mark Komunitarja; kif ukoll

  • Reviżjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni tal-1995 (2869/95) dwar Id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (it-Trademarks u d-Disinji).

Ir-riformolazzjoni tad-Direttiva u r-reviżjoni tar-Regolament dwar it-Trade Marks huma proposti leġiżlattivi li għandhom jiġu adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont il-proċedura ta’ kodeċiżjoni. Ir-reviżjoni proposta tar-Regolament dwar id-Drittijiet Pagabbli se ssir bi proċedura differenti. Dan se jiġi adottat mill-Kummissjoni bħala att ta’ implimentazzjoni u għaldaqstant tinħtieġ approvazzjoni minn qabel mill-Kumitat kompetenti dwar it-tariffi tal-UASI. L-ewwel laqgħa tal-Kumitat se ssir qabel is-sajf bil-għan li jiġi adottat ir-Regolament dwar id-Drittijiet Pagabbli emendat qabel l-aħħar tas-sena.

Ara wkoll MEMO/13/291

Għal aktar tagħrif dwar il-marki kummerċjali:

http://ec.europa.eu/internal_market/indprop/tm/index_en.htm

Kuntatti:

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website