Navigation path

Left navigation

Additional tools

It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE: il-Kummissjoni Ewropea twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-analiżi tagħha tas-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri

European Commission - IP/13/285   27/03/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-27 ta' Marzu 2013

It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE: il-Kummissjoni Ewropea twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-analiżi tagħha tas-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri

Illum il-Kummissjoni Ewropea nediet għodda kumparattiva ġdida biex tippromwovi sistemi ġudizzjarji effettivi fl-Unjoni Ewropea u b'hekk jiġi rinfurzat it-tkabbir ekonomiku. It-“Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja Ewropea” se tipprovdi dejta oġġettiva, kredibbli u paragunabbli dwar il-funzjonament tas-sistemi ġudizzjarji fis-27 Stat Membru tal-UE. It-titjib tal-kwalità, l-indipendenza u l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji diġà huwa parti mill-proċess ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-UE bħala parti mis-Semestru Ewropew, li huwa mmirat lejn il-bini ta’ pedamenti għal ritorn lejn it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi.

Bla dubju pajjiż jidher ħafna aktar attraenti għall-investiment u n-negozju jekk ikollu sistema ġudizzjarja indipendenti u effiċjenti," qalet il-Viċi President u l-Kummissarju tal-Ġustizzja tal-UE, Viviane Reading. Huwa għalhekk li deċiżjonijiet prevedibbli, f'waqthom u infurzabbli huma importanti u l-għaliex ir-riformi ġudizzjarji nazzjonali saru komponent strutturali importanti mill-istrateġija ekonomika tal-UE. It-Tabella ta' Valutazzjoni Ewropea l-ġdida se sservi ta’ sistema ta’ twissija bikrija u se tgħin lill-UE u lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jiksbu ġustizzja aktar effettiva li taqdi liċ-ċittadini u n-negozji tagħna.”

Olli Rehin, il-Viċi President għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u tal-Ewro, qal: “Ġustizzja ta’ kwalità, indipendenti u effiċjenti hija essenzjali għal ambjent kummerċjali li jippromwovi t-tkabbir. Din it-Tabella ta’ Valutazzjoni l-ġdida se tgħin lill-Istati Membri tal-UE jsaħħu s-sistemi legali tagħhom, filwaqt li jagħmlu aktar sforz biex jistimulaw l-investiment u l-ħolqien tal-impjiegi.”

Sistemi ġudizzjarji effettivi huma kruċjali għat-tkabbir: serħan il-moħħ li l-istat tad-dritt huwa kompletament żgurat jissarraf direttament f’fiduċja biex wieħed jinvesti fl-ekonomija. Billi l-qrati nazzjonali għandhom rwol essenzjali fl-iżgurar tal-liġi tal-UE, l-effettività tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali hija fundamentali wkoll għall-implimentazzjoni effettiva tal-liġi tal-UE. In-nuqqasijiet fis-sistemi ġudizzjarji nazzjonali, għalhekk, mhumiex biss problematiċi għall-Istat Membru inkwistjoni. Dawn jistgħu jaffettwaw ukoll il-funzjonament tas-Suq Uniku tal-UE u l-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-UE bbażati fuq rikonoxximent u kooperazzjoni reċiproki, u anki jdgħajfu l-protezzjoni li ċ-ċittadini u n-negozji jistgħu jistennew meta jinfurzaw id-drittijiet tagħhom tal-liġi tal-UE.

It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-2013 tiffoka fuq il-parametri ta’ sistema ġudizzjarja li jikkontribwixxu għat-titjib tal-klima kummerċjali u tal-investimenti. B’mod partikolari teżamina l-effiċjenza tal-indikaturi għall-kawżi ċivili u kummerċjali, li huma rilevanti biex jiġi solvut it-tilwim kummerċjali. Din tkopri wkoll il-qrati amministrattivi, billi dawn għandhom rwol importanti f’ambjent kummerċjali, pereżempju, fir-rigward tal-għoti ta’ liċenzji jew għat-tilwim mal-awtoritajiet fiskali jew mal-korpi regolatorji nazzjonali.

Is-sejbiet ewlenin tal-ewwel tabella ta’ valutazzjoni jinkludu:

  • It-tul tal-proċedimenti ġudizzjarji jvarja kunsiderevolment bejn l-Istati Membri tal-UE, b’terz tal-Istati Membri jkollhom proċedimenti li jdumu tal-anqas darbtejn aktar minn tal-maġġoranza tal-Istati Membri. Il-problemi jistgħu jsiru kkumplikati fejn rati baxxi ta’ riżoluzzjoni tal-kawżi jwasslu għal għadd akbar ta’ kawżi pendenti.

  • Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni jgħinu biex il-ġustizzja titħaffef aktar u ssir ta’ kwalità ogħla. Filwaqt li ħafna mill-Istati Membri għandhom sistema ta’ monitoraġġ komprensiva, diversi Stati Membri għadhom lura.

  • Il-metodi alternattivi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim, bħall-medjazzjoni, inaqqsu x-xogħol tal-qrati. Dawn għandhom jintużaw b’mod usa’.

  • Il-perċezzjonijiet tal-indipendenza tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali wkoll ivarjaw b’mod wiesa’. Minkejja li diversi Stati Membri jinsabu fost l-ewwel 10 mexxejja dinjija fir-rigward tal-perċezzjoni tal-indipendenza ġudizzjarja, jeżisti livell ta’ perċezzjoni relattivament baxx tal-indipendenza ġudizzjarja mill-utenti aħħarija kummerċjali tas-sistema ġudizzjarja f’ċerti Stati Membri.

Il-passi li jmiss

Il-kwistjonijiet identifikati fit-tabella ta’ valutazzjoni ta’ din is-sena issa se jitqiesu fit-tħejjija tal-analiżi speċifika għal kull pajjiż li se ssir dalwaqt bħala parti mill-proċess tas-Semestru Ewropew, bl-inklużjoni ta' djalogu miftuħ mal-Istati Membri. F’ċerti każijiet dan jista' jwassal għall-adozzjoni ta' Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għal Kull Pajjiż mill-Kummissjoni f’Mejju, li mbagħad jgħaddu għand il-mexxejja tal-UE biex jiġu approvati fil-Kunsill f’Ġunju. L-Istati Membri mbagħad għandhom jinkorporaw din il-gwida politika fil-baġits annwali tagħhom u f’leġiżlazzjoni oħra.

Abbażi ta’ din it-Tabella ta’ Valutazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea issa qed tistieden lill-Istati Membri, lill-Parlament Ewropew u lill-partijiet interessati kollha biex jipparteċipaw fi djalogu miftuħ dwar kif jistgħu jkomplu jittejbu s-sistemi ġudizzjarji nazzjonali fl-UE fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Il-Ministri tal-Ġustizzja Ewropej diġà kellhom l-ewwel diskussjoni dwar kif sistemi ġudizzjarji effiċjenti jistgħu jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku, fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Marzu (MEMO/13/173). Il-Kummissjoni se tniedni wkoll dibattitu usa’ dwar ir-rwol tal-Ġustizzja fl-UE li jibda b’konferenza f’livell għoli, l-Assises de la Justice, fil-21 u t-22 ta’ Novembru 2013.

Kuntest

It-titjib tal-kwalità, l-indipendenza u l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji diġà jifforma parti mill-proċess ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-UE bħala parti mis-Semestru Ewropew Fl-2012, sitt pajjiżi tal-UE ġew identifikati bħala pajjiżi li għandhom sfidi f’dan il-qasam (il-Bulgarija, l-Italja, il-Latvja, il-Polonja, is-Slovenzja u s-Slovakkja), notevolment f’termini ta’ tul tal-proċedimenti ġudizzjarji u l-organizzazzjoni tal-ġudikatura. Ir-riformi ġudizzjarji nazzjonali kienu wkoll parti integrali mill-programmi ta’ aġġustament ekonomiku tal-Greċja, l-Irlanda, il-Latvja u l-Portugall.

It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja Ewropea taħseb biex tipprovdi ħarsa ġenerali sistematika tal-funzjonament tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali biex jinħarġu Rakkomandazzjonijiet Speċcifiċci għhal Kull Pajjiżz infurmati li jirriżultaw mill-Istħharriġg Annwali dwar it-Tkabbir. B’dan il-mod, it-tabella ta’ valutazzjoni se tassisti kemm lill-UE u kemm lill-Istati Membri biex jistabbilixxu sistemi ġudizzjarji aktar effettivi għaċ-ċittadini u n-negozji. Dan se jgħin fir-rinfurzar tal-istrateġiji tat-tkabbir fil-pajjiżi kkonċernati u għall-UE b’mod ġenerali.

It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja Ewropea tal-2013 tipprovdi dejta dwar iż-żmien meħtieġ biex jiġu solvuti l-kawżi fil-qorti, ir-rata tal-kawżi li jissolvew, l-għadd ta’ kawżi pendenti, l-użu ta’ mezzi elettroniċi biex jiġu indirizzati l-kawżi, l-użu ta’ riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim, it-taħriġ disponibbli għall-imħallfin u r-riżorsi tal-qrati. Il-ġustizzja ma għandhiex biss issir, iżda għandha ssir b’mod viżibbli – għaldaqstant it-tabella ta’ valutazzjoni tipprovdi dejta dwar il-perċezzjoni tal-indipendenza tas-sistemi ġudizzjarji, abbażi tas-sejbiet tal-Forum Ekonomiku Dinji u l-Proġett Dinji tal-Ġustizzja.

Filwaqt li t-Tabella ta’ Valutazzjoni tinkludi paragun fir-rigward ta’ indikaturi partikolari, mhix maħsuba biex tippreżenta klassifikazzjoni unika ġenerali jew li tippromwovi tip partikolari ta’ sistema ġudizzjarja. Tassew, it-Tabella ta’ Valutazzjoni se titħaddem bħala għodda li tirrispetta s-sistemi legali differenti u t-tradizzjonijiet tal-Istati Membri.

Għal aktar tagħrif

MEMO/13/288

Pakkett tal-istampa: It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja Ewropea tal-2013 / Fiches tal-Pajjiżi – Dejta miġbura mis-CEPEJ mingħand l-Istati Membri:

http://ec.europa.eu/justice/newsroom/news/130327_en.htm

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President u l-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/reding

Kuntatti:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Simon O'Connor (+32 2 296 73 59)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)

Vandna Kalia (+32 2 299 58 24)

ANNESS

Grafika: Indipendenza ġudizzjarja (perċezzjoni – valur ogħla jfisser perċezzjoni aħjar)
(sors: Forum Ekonomiku Dinji)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website