Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Europol: ċentru tal-UE għall-appoġġ f'dak li għandu x'jaqsam ma' kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi u t-taħriġ

European Commission - IP/13/284   27/03/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-27 ta' Marzu 2013

L-Europol: ċentru tal-UE għall-appoġġ f'dak li għandu x'jaqsam ma' kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi u t-taħriġ

Illum il-Kummissjoni pproponiet li tagħmel l-Aġenzija tal-UE dwar l-infurzar tal-liġi (Europol) aktar effettiva fil-ġbir tal-informazzjoni, l-analiżi tagħha u l-qsim ta’ dawn l-analiżijiet mal-Istati Membri. Dan jippermetti lill-Europol tipprovdi appoġġ aktar konkret u mmirat lejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi fil-kooperazzjoni transfruntiera u fl-investigazzjonijiet tagħhom. Fl-istess ħin il-proposta żżid ir-responsabbiltà tal-Europol lejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali u ssaħħaħ il-protezzjoni tad-dejta personali.

Ir-Regolament il-ġdid ukoll iqawwi r-rabta bejn it-taħriġ u l-appoġġ għall-kooperazzjoni operattiva, billi jgħaqqad il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL) mal-Europol u billi jagħmel lill-Europol responsabbli għal taħriġ komuni u programmi ta’ skambju għall-ħaddiema tal-pulizija u għall-persunal ieħor tal-infurzar tal-liġi.

L-UE teħtieġ aġenzija effikaċi u kosteffiċjenti biex tgħin lill-Istati Membri jiġġieldu l-kriminalità transfruntiera serja u t-terroriżmu, waqt li tassigura l-ħarsien u s-sigurtà taċ-ċittadini u tipproteġi l-ekonomija leċita. Il-proposti tagħna jimmiraw li jtejbu r-rwol tal-Europol bħala aġenzija għall-infurzar tal-liġi Ewropea, li jsaħħu l-protezzjoni tad-dejta personali, li jżidu r-responsabbiltà ta’ l-Europol lejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali u li jiġu żgurati l-kwalità u l-koerenza tat-taħriġ offrut lil uffiċjali prominenti," qalet Cecilia Malmström, il-Kummissarju tal-UE għall-Affarijiet Interni.

Il-Viċi-President Maroš Šefčovič, responsabbli għall-Amministrazzjoni u l-Affarijiet Interistituzzjonali, qal: "Matul żminijiet ekonomiċi u baġitarji diffiċli, l-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-UE jridu jagħmlu l-isforzi biex jissimplifikaw l-operazzjonijiet tagħhom. Din ir-riforma ta' Europol turi li huwa possibbli li tkun kosteffiċjenti filwaqt li żżid l-effettività fl-istess ħin. Huwa bidu qawwi għall-pjanijiet tal-UE biex itejbu t-tħaddim tal-aġenziji deċentralizzati."

L-attivitajiet tan-netwerks tal-kriminalità organizzata huma aktar kumplessi, varjati u mxerrda internazzjonalment minn qatt qabel. Delitti serji bħalma huma t-traffikar tal-bnedmin, id-drogi, u l-armi tan-nar, il-korruzzjoni, il-frodi tal-karti ta’ pagament, iċ-ċiberkriminalità, u r-reati terroristiċi jikkawżaw ħsara kbira lill-vittmi, joħolqu ħsara ekonomika fuq skala kbira u jimminaw is-sens ta’ sigurtà taċ-ċittadini. Il-kooperazzjoni transkonfinali bla xkiel, l-użu effiċjenti ta’ informazzjoni u ta’ analiżi xierqa, u appoġġ operattiv xieraq għall-investigazzjonijiet huma kruċjali għall-Istati Membri biex jirrispondu b’mod adegwat għal dan it-theddid.

Il-Kummissjoni qed tipproponi li tagħti spinta lir-rwol tal-Europol bħala l-Aġenzija Ewropea għall-infurzar tal-liġi permezz ta’ dawn il-modi li ġejjin:

  1. Biex il-Europol verament issir iċ-ċentru tal-UE għall-iskambju tal-informazzjoni u l-analiżi dwar il-kriminalità serja, ir-Regolament isaħħaħ u jiċċara l-obbligu tal-Istati Membri biex ifornu d-dejta lill-Europol. Huwa wkoll previst appoġġ finanzjarju għall-investigazzjonijiet. Il-Europol se tirrapporta kull sena dwar il-kwantità u l-kwalità tad-dejta pprovduta mill-Istati Membri.

  2. Biex tippermetti lill-Europol tistabbilixxi aħjar ir-rabtiet bejn id-dejta diġà fil-pussess tagħha u tanalizzaha sussegwentement, se titfassal mill-ġdid l-istruttura ta’ pproċessar ta’ dejta tal-Aġenzija. Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta se jingħata r-responsabbiltà għas-superviżjoni tal-protezzjoni tad-dejta esterna tal-Europol, u d-drittijiet ta’ individwi li jkunu ġew affettwati mill-ipproċessar tad-dejta mill-Europol se jissaħħu.

  3. Ir-Regolament jgħaqqad il-Europol u s-Cepol f’aġenzija waħda, li se tkun lokalizzata fil-bini tal-kwartieri ġenerali tal-Europol f’The Hague, fil-Pajjiżi l-Baxxi, biex jiġu rrealizzati s-sinerġiji u t-titjib fl-effiċjenza. L-għaqda tal-kompetenzi tal-kooperazzjoni operattiva fl-infurzar tal-liġi tal-Europol mat-taħriġ u l-kompetenzi tal-edukazzjoni tas-CEPOL se jssaħħu r-rabtiet bejn iż-żewġ oqsma. Id-duplikazzjoni tal-funzjonijiet ta’ appoġġ fiż-żewġ aġenziji se tiġi evitata, u l-iffrankar li jirriżulta jiġi investit mill-ġdid f’korsijiet ta’ taħriġ. Dan huwa wkoll il-frott tal-ftehim interistituzzjonali tas-sena l-oħra dwar l-aġenziji deċentralizzati. L-hekk imsejjaħ “Approċċ Komuni” għandu l-għan li jtejjeb il-koerenza, l-effettività, ir-responsabbiltà u t-transparenza ta’ dawn l-aġenziji kollha, inkluż billi jfittex is-sinerġiji u l-aġenziji li jingħaqdu, fejn xieraq.

  4. Fl-aħħar nett, biex jiżdied l-iskrutinju parlamentari tal-Europol, il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali se jiġi kkonsultati fir-rigward tal-programm ta’ ħidma multiannwali strateġiku tal-Europol. Kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-parlamenti nazzjonali se jirċievu informazzjoni permezz ta’ rapporti ta’ attività annwali u kontijiet finali kull sena, kif ukoll stimi ta’ theddid, analiżi strateġiċi u rapporti dwar is-sitwazzjoni ġenerali.

Sfond

Bil-programm ta’ Stokkolma, il-Kunsill Ewropew appella lill-Europol biex tevolvi u ”ssir ċentru għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri, fornitur ta’ servizz u pjattaforma għas-servizzi tal-infurzar tal-liġi”. Huwa appella wkoll għat-twaqqif ta’ skemi Ewropej ta’ taħriġ u programmi ta’ skambju għall-ħaddiema kollha professjonisti rilevanti tal-infurzar tal-liġi fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-UE.

Illum il-Kummissjoni adottat:

  1. Proposta għal Regolament dwar l-Aġenzija tal-UE għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi u t-Taħriġ (Europol) u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI (li tistabbilixxi l-Europol) u 2005/681/ĠAI (li tistabbilixxi s-Cepol).

  2. Komunikazzjoni dwar l-Iskema Ewropea ta’ Taħriġ għall-Infuzar tal-Liġi (LETS).

Meta r-Regolament il-ġdid jiġi adottat mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, l-Europol isir responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ LETS. Is-sit ta’ Bramshill fir-Renju Unit — fejn jinsab Cepol — għandu jingħalaq matul l-2014. L-awtoritajiet Brittaniċi ħabbru li l-għeluq tas-sit se jiġi ttrattat b'tali mod li l-operazzjonijiet f’Cepol ikunu jistgħu jkomplu mingħajr l-ebda tfixkil.

Ir-Renju Unit u l-Irlanda jistgħu jieħdu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni tar-Regolament propost billi jinnotifikaw lill-Kunsill bil-miktub li jixtiequ jagħmlu dan (fi żmien tliet xhur wara li r-Regolament propost jkun ġie ppreżentat lill-Kunsill). Id-Danimarka ma tiħux sehem f’miżuri skont it-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), bħar-Regolament propost.

Links (Ħoloq) Utli

MEMO/13/286

Link (Ħolqa) għall-proposta

Il-websajt ta' Cecilia Malmström

Segwi lill-Kummissarju Malmström fuq Twitter

Il-websajt tad-DĠ għall-Affarijiet Interni

Segwi lid-DĠ għall-Affarijiet Interni fuq Twitter

Stqarrija Konġunta u Approċċ Komuni fir-rigward tal-Aġenziji

Persuni ta’ kuntatt:

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website