Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

L-Impjiegi u l-Qagħda Soċjali fl-Unjoni Ewropea: Analiżi tar-Reviżjoni Trimestrali dwar il-kriżi soċjali li qed tiggrava

Commission Européenne - IP/13/282   26/03/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-Istampa

Brussell, is-26 ta' Marzu 2013

L-Impjiegi u l-Qagħda Soċjali fl-Unjoni Ewropea: Analiżi tar-Reviżjoni Trimestrali dwar il-kriżi soċjali li qed tiggrava

Is-sitwazzjoni soċjali u tal-impjiegi fl-UE baqgħet kritika fir-raba' kwart tal-2012 bl-impjiegi jonqsu b'mod ġenerali u l-qgħad jiżdied iktar, waqt li s-sitwazzjoni finanzjarja tal-familji baqgħet f’sitwazzjoni serja skont l-aħħar Analiżi Trimestrali dwar l-Impjiegi u l-Qagħda Soċjali tal-Kummissjoni Ewropea. F'ċerti Stati Membri qed isiru dejjem iktar evidenti l-effetti negattivi tat-tnaqqis fil-baġit pubbliku u ż-żidiet tat-taxxi fuq l-impjiegi u l-istandards tal-għixien. L-Analiżi tenfasizza wkoll li l-immigrazzjoni netta minn barra l-UE naqset u li l-kriżi affettwat b’mod negattiv il-fertilità.

László Andor, Il-Kummissarju Ewropew għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, qal: "Il-kriżi soċjali fl-Ewropa qed tibqa’ tiggrava u f’għadd ta’ Stati Membri ma jidher l-ebda titjib tanġibbli. Ħafna drabi, dawk li ntlaqtu l-iktar kienu l-ifqar nies. Il-gvernijiet għandhom jinvestu biex isibu mezz kif ikun hemm tkabbir inklussiv u biex jagħtu lin-nies ċans reali li jagħmlu ħajja diċenti - Il-Pakkett ta' Investiment Soċjali riċenti tal-Kummissjoni enfasizza modi kif dan jista' jseħħ. Iżda l-iktar li għandna bżonn hija iktar solidarjetà: internament fil-pajjiżi individwali kif ukoll bejn il-pajjiżi. Aħna nistgħu nirbħu din il-kriżi biss jekk nibqgħu magħqudin."

Il-qgħad żdied iktar f’Jannar 2013, għal 26.2 miljun fl-UE (19-il miljun fiż-żona tal-euro), jew 10.8% tal-popolazzjoni ekonomikament attiva (11.9% fiż-żona tal-euro). Fl-2012, id-differenza fir-rata tal-qgħad bejn in-nofsinhar/il-periferija u t-tramuntana taż-żona tal-euro laħqet l-10 punti ta’ persentaġġ, qagħda li hija bla preċedent,. Fl-UE, il-PDG ċkien b’0.5% fl-aħħar tliet xhur tal-2012; l-ikbar tnaqqis sa mill-bidu tal-2009. B’mod ġenerali, il-qgħad fl-UE naqas b’0.4% fl-2012, u dehru biss żviluppi pożittivi fl-impjiegi part-time. Biss biss fl-aħħar tliet xhur tal-2012 , dan naqas b' 0.2% meta mqabbel mat-tliet xhur ta' qabel.

In-nefqa fuq il-protezzjoni soċjali qed tonqos b’iktar ħeffa minn kif ġara fi kriżijiet ekonomiċi preċedenti

L-issikkar tal-baġits pubbliċi affettwa b’mod negattiv l-impjiegi kemm direttament permezz ta’ tnaqqis fl-impjiegi fis-settur pubbliku kif ukoll indirettament permezz ta’ domanda aggregata makroekonomika iktar baxxa. Tibdil fis-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji u tnaqqis tal-pagi fis-settur pubbliku wasslu għat-tnaqqis sinifikanti fil-livell tad-dħul reali tal-familji, b’hekk l-istandards tal-għixien tal-familji bi dħul baxx tqiegħdu taħt pressjoni qawwija. It-tnaqqis fl-infiq u ż-żidiet fit-taxxi kellhom impatt differenti fuq gruppi bi dħul għoli u baxx. L-analiżi turi li t-tfassil bil-għaqal tar-riformi tal-baġit huwa kruċjali biex jiġi evitat li jiġu affettwati b'mod sproporzjonat dawk fl-ifqar livell tas-soċjetà, kif kien il-każ f'xi ftit pajjiżi (bħall-Estonja u l-Litwanja). Is-sehem tal-popolazzjoni tal-UE li ddikjara diffikultajiet finanzjarji jibqa’ ‘l fuq sew mil-livelli osservati fi kwalunkwe żmien fid-deċennju preċedenti -dan jaffettwa kważi waħda minn kull erba’ familji bi dħul baxx.

In-nefqa fuq il-protezzjoni soċjali kellha rwol ewlieni biex tikkumpensa għat-telf fid-dħul tal-familji fil-fażi bikrija tal-kriżi u għenet biex tistabbilizza l-ekonomija. Sa min-nofs l-2010, l-impatt naqas u fl-2012 kien negliġibbli anki f’pajjiżi fejn il-qgħad baqa’ jiżdied. It-tnaqqis fin-nefqa soċjali kien ħafna iktar b’saħħtu milli fir-reċessjonijiet fil-passat, parzjalment minħabba bżonnijiet eċċezzjonali għall-konsolidazzjoni fiskali fil-kuntest tal-kriżi tal-euro. Dan innewtralizza il-funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni ekonomika tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali f’ħafna Stati Membri, u seta' kkontribwixxa biex tiġi aggravata r-reċessjoni, tal-inqas fit-terminu qasir.

F'Marzu tal-2013 il-Kunsill Ewropew ikkonferma li l-battalja kontra l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi se tibqa' waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-UE u tal-politiki nazzjonali. Fi Frar 2013, il-Kummissjoni ressqet Pakkett ta’ Investiment Soċjali li jagħti gwida lill-Istati Membri dwar politiki soċjali iktar effiċjenti u effettivi b'risposta għall-isfidi sinifikanti li huma jħabbtu wiċċhom magħhom (ara IP/13/125, MEMO/13/117, MEMO/13/118 and SPEECH/13/141). Il-Pakkett enfasizza li l-investiment pubbliku, bħall-indukrar tat-tfal, l-edukazzjoni, jew l-appoġġ għax-xjuħija attiva u b'saħħitha għandhom jiġu miżjuda jew mtejba anki meta l-baġits nazzjonali ikunu stretti, billi mingħajr tali investiment, ħafna nies mhumiex kapaċi jipparteċipaw fis-soċjetà jew jiżviluppaw il-potenzjal ekonomiku tagħhom.

Il-qgħad u l-inattività fost iż-żgħażagħ qegħdin fl-ogħla livelli li qatt kienu

Mhux biss il-qgħad fost iż-żagħżagħ laħaq livell għoli ġdid madwar l-UE (23.6% ta' żgħażagħ attivi kienu bla xogħol f'Jannar 2013), imma anki l-perjodi ta' qgħad fost iż-żgħażagħ qed ikunu itwal. 7.1% taż-żgħażagħ attivi kienu bla xogħol għal iktar minn sena fit-tielet kwart tal-2012, meta mqabbel mas-6.3% ta' sena ta' qabel. Din ix-xejra tippreżenta riskju serju hekk kif iż-żgħażagħ jistgħu jinqatgħu mis-suq tax-xogħol u mis-soċjetà inġenerali. In-numru dejjem jiżdied ta' żgħażagħ taħt l-età ta' 25 li la huma f'impjieg u lanqas f'edukazzjoni jew taħriġ (NEET – not in education, employment, training), li issa jammontaw għal madwar 8 miljun żagħżugħ, huwa wkoll kawża maġġuri għal tħassib.

Biex tgħin jiġu indirizzati l-livelli għolja mhux aċċettabbli ta' qgħad fost iż-żgħażagħ, il-Kummissjoni ppreżentat Pakkett għall-Impjiegi taż-Żgħażagħ fil-5 ta' Diċembru 2012 (ara IP/12/1311, MEMO/12/938 u SPEECH/12/910). Dan inkluda proposta għal Rakkomandazzjoni dwar l-introduzzjoni ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ f’kull Stat Membru biex ikun żgurat li ż-żgħażagħ kollha sa l-età ta' 25 sena jirċievu offerta ta' kwalità għal impjieg, edukazzjoni kontinwa, apprentistat jew taħriġ sa erba' xhur minn meta jħallu l-edukazzjoni formali jew jiġu bla xogħol. Il-Kunsill tal-Ministri laħaq ftehim politiku dwar din ir-Rakkomandazzjoni fit-28 ta’ Frar 2013 (ara MEMO/13/152). Il-Kummissjoni dan l-aħħar proponiet ukoll regoli operazzjonali biex fi żmien qasir timplimenta l-Inizjattiva għall-Impjiegi taż-Żgħażagħ biex tiġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ (ara IP/13/217). L-Inizjattiva għall-Impjiegi fost iż-Żgħażagħ kienet proposta mill-Kunsill Ewropew tas-7-8 ta’ Frar 2013 b’baġit ta’ €6 biljun għall-perjodu 2014-20.

Il-kriżi tolqot il-fertilità

Ir-Reviżjoni Trimestrali analizzat ukoll l-effetti ħżiena tal-kriżi fuq il-fertilità. Sa mill-2009 l-fertilità ma baqgħetx tirkupra u stabbilizzat fil-livell ta’ 1.6 wild għal kull mara fl-UE-27. L-eta medja ta' meta n-nisa jwelldu baqgħet tiżdied u laħqet il-livell ta' 30 sena. Min-naħa l-oħra, l-istennija tal-għomor baqgħet tiżdied u laħqet is-77.4 sena għall-irġiel u t-83.1 għan-nisa. Il-migrazzjoni minn barra l-UE naqset mil-livellmassimu tal-2007 imma anki fl-2011 is-27 Stat Membru tal-UE rrappurtaw żieda netta ta' ½ miljun, li tfisser immigrant 1 minn barra l-UE għal kull elf abitant tal-UE. Il-kisba taċ-ċittadinanza qed jiżdiedu u kważi laħqu l-miljun. Huwa evidenti li baqgħu serji l-isfidi fit-tul għas-swieq tax-xogħol tal-UE meta qed jiffaċċjaw forza tax-xogħol li għandha tendenza li tiċkien u tixjieħ..

Aktar tagħrif

Employment and Social Situation Quarterly Review

Social Investment Package

Youth Employment Package

Employment Package

Employment and Social Analysis web page

Is-sit tal-internet ta' László Andor

Segwi lil László Andor fuq Twitter

Bullettin b’xejn bil-posta elettronika

Kuntatti :

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Cécile Dubois (+32 2 295 18 83)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site