Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-26 ta' Marzu 2013

Inqas tħaffir = broadband irħas. Il-Kummissjoni tipproponi regoli biex jitnaqqsu l-ispejjeż għall-installazzjoni tal-broadband.

Il-Kummissjoni Ewropea llum proponiet regoli ġodda biex titnaqqas bi 30% l-ispiża tal-implimentazzjoni tal-Internet b’veloċità għolja. L-inġinerija ċivili, bħat-tħaffir tat-toroq biex titqiegħed il-fibrottika, tammonta għal 80% tal-ispiża biex jitnedew netwerks b’veloċità għolja. Il-proposta tal-lum tista’ tiffranka lill-kumpaniji minn €40 sa €60 biljun.

Il-broadband b’veloċità għolja huwa s-sinsla tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u s-Suq Uniku Diġitali li l-Kummissjoni qiegħda tipprova tibni. L-implimentazzjoni tiegħu bħalissa hi mxekkla minn għadd ta' regoli u prattiċi amministrattivi fil-livelli nazzjonali u sotto-nazzjonali. "F’ħafna postijiet, ir-regoli tal-lum iweġġgħu lill-kompetittività tal-Ewropa," qalet il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Neelie Kroes.

L-abbozz tar-regolament tal-lum jibni fuq l-aħjar prattiċi eżistenti fil-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Litwanja, l-Olanda, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja, l-Isvezja, u r-Renju Unit, imma jħalli l-kwistjonijiet organizzattivi f’idejn l-Istati Membri.

Neelie Kroes qal li: “Kulħadd jistħoqqlu broadband veloċi. Irrid naqta' l-burokrazija żejda li qed iżommna milli naslu. Il-Kummissjoni Ewropea trid li l-akkwist tal-broadband ikun iktar veolċi u irħas."

Ir-Regoli jsiru direttament applikabbli fl-UE kollha wara l-qbil mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

Il-Kummissjoni trid tindirizza erba' oqsma problematiċi ewlenin:

  • Li bini ġdid jew rinnovat ikun lest għall-broadband b'veloċità għolja.

  • Il-ftuħ tal-aċċess għall-infrastruttura fuq termini u kundizzjonijiet ġusti u raġonevoli, inkluż il-prezz, għall-kanali, pajpijiet, tappieri, kabinetti, lasti, arbli, installazzjonijiet tal-antenni, torrijiet u kostruzzjonijiet oħra ta’ appoġġ eżistenti.

  • It-tmiem tal-koordinazzjoni ineffiċjenti tax-xogħlijiet ċivili, billi nħallu lill-operaturi tan-netwerk jinnegozjaw ftehimiet ma’ fornituri oħra tal-infrastruttura

  • Is-semplifikazzjoni tal-proċeduri kumplessi u fit-tul għall-ħruġ tal-permessi, speċjalment għall-arbli tat-telekomunikazzjoni u l-antenni, billi l-permessi jingħataw jew jiġu rrifjutati bil-fors fi żmien sitt xhur u l-possibbiltà li t-talbiet isiru permezz ta’ punt wieħed ta’ kuntatt.

Bħalissa hemm ftit li xejn trasparenza dwar infrastruttura fiżika eżistenti li hi tajba għall-implimentazzjoni tal-broadband, u l-ebda regoli xierqa użati b'mod komuni meta jiġi mniedi l-broadband madwar l-UE. Bħalissa m’hemm l-ebda post fis-suq għall-infrastruttura fiżika u l-potenzjal biex tiġi użata infrastruttura ta' utilitajiet oħra. Ir-regolamenti f’ċerti Stati Membri sa jaslu biex jiskoraġġixxu l-kumpaniji tal-utilitajiet milli jikkoperaw mal-operaturi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

Sfond

Din l-inizjattiva tifforma parti mill-pjan ta’ 10 punti li għandu jagħti spinta lill-implimentazzjoni tal-broadband, kif preżentat fl-okkażjoni tal-analiżi ta' nofs it-terminu tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa.

L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (ara IP/10/581, MEMO/10/199 and MEMO/10/200) għandha l-għan li twassal għal tkabbir u impjiegi bbażati fuq netwerks tal-komunikazzjoni ta’ veloċità għolja. Għadhom meħtieġa sforzi konsiderevoli ta' tnedija tan-netwerk biex jintlaħqu l-miri ambizzjużi tal-Aġenda Diġitali għall-broadband : sal-2013, broadband bażiku għall-Ewropej kollha, u sal-2020, (i) aċċess għall-veloċitajiet ta’ iktar minn 30 Mbps għall-Ewropej kollha, u (ii) abbonament għal konnessjoni tal-internet ‘l fuq mill-100 Mbps għal 50% jew iktar tad-djar Ewropej. Dawn l-għanijiet jintlaħqu biss jekk l-ispejjeż tat-tnedija tal-infrastruttura jitnaqqsu mal-UE kollha.

Il-Kummissjoni Ewropea f’komunikazzjoni “Il-Broadband Ewropew: investiment fi tkabbir ekonomiku mmexxi diġitalment” fl-2010 ħabbret il-pjanijiet li tlesti reviżjoni tal-prattiċi għat-tnaqqis tal-ispejjeż għall-broadband fl-2012. Il-Kunsill Ewropew tal-1 u t-2 ta' Marzu 2012 sejjaħ għal azzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea biex tiġi provduta kopertura itjeb tal-broadband , inkluż billi titnaqqas l-ispiża tal-infrastruttura tal-broadband b'veloċità għolja. Il-Komunikazzjoni “Att Dwar is-Suq Uniku II: Flimkien għal tkabbir ġdid" identifikat it-tnaqqis fl-ispiża tal-implimentazzjoni tal-broadband bħala waħda mit-12-il azzjoni ewlenija li għandhom jagħtu spinta lit-tkabbir, l-impjiegi u l-kunfidenza fis-Suq Uniku u jiġġeneraw effetti reali fuq il-post. Il-Kunsill Ewropew tat-13 u l-14 ta' Diċembru 2012 ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta il-proposti ewlenin kollha sar-rebbiegħa tal-2013.

Bħala parti minn dawn il-pjanijiet, seħħet fl-2012 il-Konsultazzjoni Pubblika dwar Inizjattiva tal-UE biex titnaqqas l-ispiża tal-implimentazzjoni tal-infrastruttura tal-komunikazzjoni ta’ veloċità għolja fl-Ewropa . Ir-rispons ikkonferma l-vijabbiltà tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tindirizza l-ispejjeż tal-inġinerija ċivili għall-implimentazzjoni tal-broadband fis-suq uniku. Il-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu ikkonfermaw ineffiċjenzi u ostakli eżistenti kif ukoll potenzjal biex jitnaqqsu l-ispejjeż.

Minn barra l-konsultazzjoni pubblika, il-Kummissjoni waqqfet pjattaforma ta’ diskussjoni fuq l-Internet għall-ideat mingħand in-nies biex titnaqqas l-ispiża tal-broadband.

Ħoloq utli

MEMO/13/287 Xi jfisser l-abbozz tar-Regolament għal...

Studju ta' Analysys Mason

Hash Tag: #broadband, #singlemarket; #4G

Digital Agenda

Neelie Kroes

Segwi lil Neelie fuq Twitter

Kuntatti:

Ryan Heath (+32 2 296 17 16), Twitter: @RyanHeathEU

Linda Cain (+32 2 299 90 19)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site