Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Fondazzjoni EIT: Mexxejja żgħażagħ jippreżentaw soluzzjonijiet innovattivi għall-futur tal-Ewropa

European Commission - IP/13/280   26/03/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-26 ta' Marzu 2013

Il-Fondazzjoni EIT: Mexxejja żgħażagħ jippreżentaw soluzzjonijiet innovattivi għall-futur tal-Ewropa

Illum fi Brussell, tletin mexxej żgħażugħ mill-oqsma tan-negozju, l-akkademja u r-riċerka qasmu l-ideat ta’ ispirazzjoni tagħhom ma' dawk li jfasslu l-politika u mal-eżekuttivi tal-kummerċ fil-Forum Annwali dwar l-Innovazzjoni tal-Fondazzjoni tal-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT). Il-professjonisti, l-intraprendituri u l-istudenti żgħażagħ ippreżentaw l-ideat għall-opportunitajiet għan-negozju f'oqsma li jvarjaw mill-kura tas-saħħa sal-produzzjoni tal-enerġija u t-tagħrif dwar is-suq. Il-programm għall-mexxejja żgħażagħ tal-Fondazzjoni EIT għandu l-għan li jiskopri ġenerazzjoni ġdida ta' intraprendituri kapaċi li jistgħu jinkoraġġixxu l-iżvilupp tal-innovazzjoni sostenibbli fl-UE.

Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, responsabbli mill-EIT tat bidu għall-Forum Annwali dwar l-Innovazzjoni. Hija qalet: “Għal żmien twil il-politiki kienu bbażati fuq l-idea li l-investiment fir-riċerka jwassal għall-innovazzjoni. Dan jista’ jkun prerekwiżit, iżda mhuwiex biżżejjed. L-edukazzjoni ta’ kwalità għolja hija kruċjali biex jiġi sfruttat it-talent li jinsab fil-qofol tal-innovazzjoni. Jien nawgura lil dawn il-mexxejja żgħażagħ: huma xhieda li l-Ewropa għandha ħafna talent x’toffri fis-settur akkademiku, f’dak istituzzjonali u tan-negozju; fis-setturi tax-xjenzi soċjali, tal-liġi, l-inġinerija, il-kimika, il-fiżika u s-settur tal-informatika. Aħna nistgħu u rridu ninkoraġġixxu l-innovazzjoni permezz tal-appoġġ għal edukazzjoni intraprenditorjali, kollaborattiva u multidixxiplinari.”

Neelie Kroes, il-Viċi-President tal-Kummissjoni responsabbli mill-Aġenda Diġitali, li wkoll attenda l-avveniment, qal: “Irridu nagħtu każ ta' dak li għandhom xi jgħidu ż-żgħażagħ tagħna. Iż-żgħażagħ għandhom il-ħeġġa u t-talent li jibdlu l-Ewropa u jagħtuna futur aħjar. Jien ninsab kuntent li l-Fondazzjoni EIT qed tipprovdi pjattaformi għal dawn in-nies eċċellenti u għall-ideat tagħhom.”

It-tema ewlenija tal-Forum Annwali dwar l-Innovazzjoni hija dwar kif l-“innovazzjoni bbażata fuq id-dejta” tista’ tkun ta’ benefiċċju għas-soċjetà u għall-ekonomija. Fi ftit kliem, illum il-ġurnata qed tiġi ġġenerata aktar dejta minn qatt qabel, iżda l-Ewropa għandha tisfrutta l-potenzjal sħiħ ta' din l-informazzjoni biex tindirizza l-isfidi ekonomiċi, ambjentali u soċjali ta' żmienna. Mit-twettiq aħjar tas-servizzi pubbliċi għal użu aħjar tal-enerġija, l-innovazzjoni bbażata fuq id-dejta titqies bħala kruċjali għat-tkabbir ekonomiku.

Il-mexxejja żgħażagħ, li jintgħażlu mill-Fondazzjoni EIT, qed isegwu programm ta’ taħriġ dwar l-innovazzjoni u l-intraprenditorija li inkluda seminars fir-Renju Unit u fil-Belġju, kif ukoll sessjonijiet onlajn, b’kontenut akkademiku pprovdut mill-Imperial College ta’ Londra. Aktar tard din is-sena il-Fondazzjoni se tniedi programm li joffri apprendistati fi ħdan l-organizzazzjonijiet fundaturi tagħha biex tgħin liż-żgħażagħ jiżviluppaw ħiliet intraprenditorjali u ta’ innovazzjoni.

Sfond

Il-Fondazzjoni EIT ġiet stabbilita mill-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) fl-2010 bħala organizzazzjoni indipendenti u filantropika. L-ewwel fondazzjoni maħluqa minn korp tal-UE, hija grupp ta' organizzazzjonijiet u kumpaniji tal-istess fehma u ddedikati għall-promozzjoni tal-innovazzjoni u l-intraprenditorija fl-Ewropa. L-għan tagħha huwa li tikkumplimenta u żżid l-impatt tal-EIT billi tlaqqa’ flimkien xi wħud mill-aktar imħuħ brillanti tal-Ewropa fi programm ta’ talenti għaż-żgħażagħ u inizjattivi simili. Il-Fondazzjoni EIT twaqqfet minn għaxar kumpaniji ewlenin: Agfa Gevaert, Akzo Nobel, Alcatel-Lucent, BNP Paribas, Ernst & Young, Google, Intel Labs Europe, MOL, Solvay u l-Istitut tal-Vodafone għas-Soċjetà u l-Komunikazzjonijiet.

Il-prijoritajiet tal-Fondazzjoni EIT huma:

  1. Il-promozzjoni tal-edukazzjoni intraprenditorjali u t-tqarrib tad-distakk bejn l-akkademja u n-negozju;

  2. il-ħolqien ta’ ġenerazzjoni ġdida b’mentalità intraprenditorjali lesta li tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ innovazzjoni sostenibbli;

  3. l-iżvilupp ta’ netwerk internazzjonali ta’ professjonisti kapaċi fl-edukazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni u n-negozju.

It-30 mexxej żagħżugħ tal-Fondazzjoni EIT qed jisħqu fuq it-temi li ġejjin:

  1. Kura tas-saħħa u big data

Amitte Gulamhussen (Solvay, il-Portugall); Robert Hirt (Ernst & Young, ir-Renju Unit); Mark Ruckebier (Vodafone, il-Ġermanja); Jonathan Orban de Xivry (Universite Catholique de Louvain, il-Belġju); Guillaume Marcerou (Ernst & Young, Franza); Jeroen Melis (Agfa HealthCare, il-Belġju).

  1. Edukazzjoni ogħla u big data

Halit Ünver (L-Università ta’ Ulm u l-Istitut għar-Riċerka għall-Ipproċessar tal-Għarfien Applikat, il-Ġermanja); Nadja Dokter (EIT, l-Awstrija); Kate Hofman (UrbanFarmers u GrowUp, ir-Renju Unit); Julia Manske (l-Istitut tal-Vodafone, il-Ġermanja); Richard Ramsden (Akzo Nobel, ir-Renju Unit).

  1. L-użu ta’ big data għal tibdil soċjali – is-suq tal-enerġija

Chris Woods (Intel Labs, l-Irlanda); Tommaso Alderigi (Glint4Life, l-Italja); Niclas Ehn (Expektra AB, l-Isvezja); Nina Gumzej (l-Università ta’ Żagreb, il-Kroazja); Pep Salas (ENERBYTE, Spanja); Hjalmar Nilsson (Black Silicon Solar, l-Isvezja).

  1. Kif big data tista' tintuża biex tgħin lil dawk li se jibdew negozju

Wouter Haerick (l-Università ta’ Ghent, il-Belġju); Sebastien Petillon (Solvay, Franza); Jonas Vermeulen (Alcatel-Lucent, il-Belġju).

  1. Kunċetti ta’ big data u smart city

Guillaume Delalandre (BNP Paribas Fortis, Franza); Chris Woods (Intel Labs, l-Irlanda); Peter Mechant (l-Università ta’ Ghent u iMinds, il-Belġju); Romain Muller (EIT, Franza); Geert Ysebaert (Alcatel-Lucent, il-Belġju).

  1. Big data biex taħfen u turi l-għarfien

Richard Ramsden (Akzo Nobel, ir-Renju Unit); Katalin Babos (MOL Plc, l-Ungerija); Márta Dömök (MOL Plc, l-Ungerija); Sergi Figueres (Worldcoo, Spanja); Reka Tabajdai (l-Università ta’ Szeged, l-Ungerija).

Il-kelliema fil-Forum Annwali dwar l-Innovazzjoni llum jinkludu wkoll lill-President tal-Bord ta’ Tmexxija tal-EIT Alexander von Gabain, il-President tal-Fondazzjoni EIT Christian Jourquin, il-Viċi-President għar-Riċerka u l-Inizjattivi Spċejali f'Google Alfred Spector, l-Editur tad-Dejta għal The Economist Kenneth Cukier, il-Kofundatur u s-CEO għal Storify Xavier Damman, u l-fundatur u d-direttur eżekuttiv ta’ DataKind Jake Porway.

Għal aktar tagħrif

SPEECH/13/260 Id-Diskors inawgurali tal-Kummissarju Vassiliou fil-Forum Annwali dwar l-Innovazzjoni

SPEECH/13/261 Id-Diskors tal-għeluq tal-Kummissarju Kroes fil-Forum Annwali dwar l-Innovazzjoni

Il-Fondazzjoni EIT

Il-Kummissjoni Ewropea: Edukazzjoni u Taħriġ

Il-websajt ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatti :

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Ryan Heath (+ 32 2 296 17 16)

Dina Avraam (+32 2 295 96 67); Linda Cain (+32 2 299 90 19)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website