Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Dikjarazzjoni konġunta tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Barroso, tal-President tal-Kunsill Ewropew, Herman Van Rompuy, u tal-Prim Ministru tal-Ġappun, Shinzo Abe

Commission Européenne - IP/13/276   25/03/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-25 ta’ Marzu 2013

Dikjarazzjoni konġunta tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Barroso, tal-President tal-Kunsill Ewropew, Herman Van Rompuy, u tal-Prim Ministru tal-Ġappun, Shinzo Abe

Illum, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Barroso, il-President tal-Kunsill Ewropew, Herman Van Rompuy u l-Prim Ministru tal-Ġappun, Shinzo Abe, ikkomunikaw bit-telefown wara li ġie pospost il-21 Samit bejn il-Ġappun u l-Unjoni Ewropea (UE).

Filwaqt li ftakru f’kemm issaħħu r-relazzjonijiet bejn il-Ġappun u l-UE sa mid-Dikjarazzjoni Konġunta tal-1991, u fit-trasformazzjoni profonda li qed isseħħ mad-dinja kollha matul dawn l-aħħar snin, il-mexxejja qablu li l-Ġappun u l-UE, sieħba globali li jikkondividu valuri komuni, għandhom jieħdu r-relazzjonijiet ta’ bejniethom fuq livell superjuri, aktar strateġiku, b’tali mod li jrenduhom aktar dejjiema. Huma ħadu l-impenn li jżidu l-isforzi komuni tagħhom biex jirnexxielhom jilħqu dak l-għan.

Il-mexxejja ddeċidew li jniedu negozjati għal ftehim li jkopri l-kooperazzjoni politika, globali u settorjali u għal Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (EPA) / Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles (FTA), abbażi tal-qbil li waslu għalih matul l-eżerċizzji ta’ verifika fir-rigward tal-portata u tal-livell tal-ambizzjoni ta’ dawn il-ftehimiet. Il-mexxejja laqgħu bil-ħeġġa l-bidu tan-negozjati f’April u impenjaw ruħhom li jikkonkludu dawn iż-żewġ ftehimiet mill-aktar fis possibbli. L-EPA/FTA għandhom ikunu profondi u komprensivi, u jindirizzaw il-kwistjonijiet kollha ta’ interess komuni, sabiex kemm fil-Ġappun kif ukoll fl-UE jistimolaw it-tkabbir ekonomiku u b’hekk jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-ekonomija dinjija. Il-ftehim li jkopri l-kooperazzjoni politika, globali u settorjali jkun jipprovdi pedament legali biex jippromwovi sħubija aktar b’saħħitha li tindirizza firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet bilaterali u globali, bħala parti minn kontribut komuni għall-istabbiltà, għas-sigurtà u għat-tkabbir sostenibbli fuq livell dinji.

Il-mexxejja saħqu l-impenn globali u kontinwu tagħhom biex jippromwovu tkabbir b’saħħtu, sostenibbli u bbilanċjat u biex jiggarantixxu l-istabbiltà finanzjarja tal-ekonomija dinjija. F’dan il-kuntest, il-mexxejja esprimew il-fehmiet tagħhom dwar is-sitwazzjoni f’Ċipru kif ukoll dwar il-miżuri ta’ portata usa’ maħsuba biex isaħħu l-arkitettura tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Il-Prim Ministru Abe enfasizza li jifhem kemm huma importanti l-isforzi kontinwi tal-UE orjentati lejn l-istabbiltà tal-Ekonomija Ewropea, u kkonferma li l-Ġappun se jkompli jsostni dawn l-isforzi. Hu ddeskriva wkoll l-miżuri ta’ politika li kienu ġew adottati mill-gvern tiegħu biex iqajjem l-ekonomija tal-Ġappun fuq saqajha. Billi jirrikonoxxu kemm hu importanti li jsiru azzjonijiet ta’ politika miż-żewġ naħiet bi sforz orjentat lejn l-irkupru globali, il-mexxejja mill-ġdid saħqu l-ħtieġa li jintlaħqu l-impenji tal-G20, u indikaw li qed jistennew bil-ħerqa li jaħdmu flimkien għal dan il-għan fil-G20.

Il-mexxejja skambjaw ukoll il-fehmiet tagħhom dwar il-kooperazzjoni bilaterali u kwistjonijiet reġjonali, inkluż dwar l-ambjent ta' sikurezza fl-Asja tal-Lvant, fil-Lvant Nofsani u fis-Saħel.

Il-mexxejja ddeċidew li jerġgħu jiskedaw is-Samit kemm jista’ jkun malajr, u esprimew l-aspettattivi tagħhom li s-Samit iservi ta’ impuls politiku ulterjuri għall-kooperazzjoni tagħhom.

Għal aktar tagħrif:

MEMO/13/282 “The EU's free trade agreements – where are we?” (Il-Ftehimiet tal-UE dwar il-Kummerċ Ħieles - fiex wasalna?)

MEMO/13/283 “A Free Trade Agreement between the EU and Japan” (Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Ġappun)

Kuntatti:

Pia Ahrenkilde Hansen (+32 2 295 30 70)

Leonor Ribeiro Da Silva (+32 2 298 81 55)

Raquel Maria Patricio Gomes (+32 2 297 48 14)

John Clancy (+32 2 295 37 73)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site