Navigation path

Left navigation

Additional tools

Nagħmlu l-UE iktar attraenti għall-istudenti u r-riċerkaturi barranin

European Commission - IP/13/275   25/03/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-Istampa

Brussell, 25 Marzu 2013

Nagħmlu l-UE iktar attraenti għall-istudenti u r-riċerkaturi barranin

Hemm bżonn li l-UE tattira studenti u riċerkaturi mhux mill-UE li jkunu jistgħu jikkontribwixxu għat-tkabbir u l-kompetittività tagħna bl-għerf u l-ħiliet tagħhom. L-opportunità li tmur toqgħod temporanjament fl-Ewropa tittieħed minn 'il fuq minn 200 000 student u riċerkatur minn barra l-UE fis-sena. Madankollu, għadd kbir wisq minnhom iridu jiffaċċaw ostakli burokratiċi żejda. Ir-regoli ta' bħalissa għall-ksib ta' viża studenteska jew permess ta' residenza huma spiss kumplessi u mhux ċari; il-proċeduri jistgħu jkunu twal u jvarjaw konsiderevolment minn Stat Membru għall-ieħor u li tiċċaqlaq minn Stat Membru għall-ieħor jista' jkun diffiċli ferm jew saħanstira impossibbli. Dan itellef il-possibilità li pajjiżi tal-UE jkunu pprovduti b'ġabra ta' talent ikbar u jnaqqas l-appell tal-UE bħala ċentru dinji għall-eċċellenza.

Illum il-Kummissjoni pproponiet li ssir eħfef u iktar attraenti għall-istudenti, ir-riċerkaturi u għal gruppi oħra li ma jkunux ċittadini tal-UE, biex jidħlu u joqogħdu fl-UE għal perjodi ta' iktar minn tliet xhur. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida se tistabbilixxi limiti taż-żmien iktar ċari għall-awtoritajiet nazzjonali biex jiddeċiedu fuq l-applikazzjonijiet, tipprovdi aktar opportunitajiet ta' aċċess għas-suq tax-xogħol tul is-soġġorni tagħhom u tiffaċilita l-moviment intra-UE.

"Li tiġi fl-UE għar-riċerka jew l-istudju huwa ferm iktar diffiċli milli għandu jkun. Irridu nneħħu dawn l-ostakli biex l-UE tkun iktar miftuħa għat-talenti. L-UE u l-ekonomija tagħna jibbenefikaw minn mobilità ta' dan it-tip permezz taċ-ċirkolazzjoni ta' għerf u ideat." qalet il-Kummissarju tal-UE għall-Intern, Cecilia Malmström.

"L-għerf jagħti s-setgħa, kif jgħidu: hija ħaġa vitali li nattiraw l-aqwa riċerkaturi u studenti l-iktar intelliġenti għax dawn jikkontribwixxu għal ekonomija tal-għerf li tirnexxi għall-UE. L-għan tagħna permezz tal-Azzjonijiet Marie Curie u l-programm Erasmus għal Kulħadd huwa li l-Ewropa ssir id-destinazzjoni tal-għażla għall-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-innovazzjoni," qalet Androulla Vassiliou, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ.

L-esperjenza bl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali wriet li l-Istati Membri ma kinux kapaċi jindirizzaw bis-sħiħ id-diffikultajiet li l-applikanti jiffaċċaw meta jkunu jridu jiġu fl-UE biex jistudjaw jew jagħmlu riċerka. Il-Kummissjoni issa qed tipproponi li tfassal regoli iktar ċari, konsistenti u trasparenti mal-UE kollha. Iż-żewġ Direttivi attwali dwar l-Istudenti u r-Riċerkaturi se jiġu modifikati u sostitwiti b'Direttiva ġdida waħda, li se ttejjeb:

  • Il-garanziji proċedurali, b'mod partikolari permezz ta' limitu ta' 60 jum għall-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jiddeċiedu dwar applikazzjoni għal viża jew permess ta' residenza, li jagħmel il-proċess ta' applikazzjoni iktar dirett u trasparenti.

  • Il-mobilità u t-trasferiment ta' ħiliet u għerf intra-UE. Regoli iktar sempliċi u flessibbli se jżidu l-possibilità li riċerkaturi, studenti u apprendisti rimunerati jiċċaqalqu fi ħdan l-UE, li huwa partikolarment importanti għall-istudenti u r-riċerkaturi miktuba fil-programmi konġunti. Il-membri tal-familja tar-riċerkaturi se jingħataw ukoll ċerti drittijiet ta' mobilità.

  • Aċċess għas-suq tax-xogħol. Tul l-istudji tagħhom, l-istudenti se jitħallew jaħdmu għal tal-inqas 20 siegħa fil-ġimgħa ħalli jkunu jistgħu jsostnu lilhom infushom b'mod adegwat u jagħtu kontribut ekonomiku. Riċerkaturi u studenti se jkunu jistgħu jibqgħu għal perjodu ta' 12-il xahar b'ċerti kundizzjonijiet fit-territorju wara t-tmiem tal-istudji/riċerka tagħhom biex jidentifikaw opportunitajiet ta' impjieg jew jiftħu negozju. Dan mhux se jammonta awtomatikament għal dritt tax-xogħol, peress li l-għoti ta' permess tax-xogħol jibqa' responsabilità nazzjonali.

  • Il-ħarsien kumplessiv ta' gruppi addizzjonali ta' ċittadini mhux tal-UE, bħall-au pairs, l-istudenti tal-iskola u l-apprendisti rimunerati, li mhumiex koperti mil-leġiżlazzjoni tal-UE eżistenti.

Il-passi li jmiss

Id-Direttiva proposta li hija ppreżentata fil-forma ta' riformulazzjoni issa trid tiġi diskussa fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill tal-UE u jinstab qbil dwarha. Il-Kummissjoni tittama li r-regoli l-ġodda jidħlu fis-seħħ mill-2016.

L-istampa kumplessiva f'daqqa t'għajn

Minkejja il-problemi ekonomiċi ta' bħalissa u l-livelli dejjem jiżdiedu tal-qgħad, ħafna mill-Istati Membri tal-UE għadhom ma jistgħux jimlew postijiet tax-xogħol ta' ċerta ħila. Hemm evidenza li din il-problema se tippersisti tul id-deċennju li ġej kemm għal raġunijiet ekonomiċi u kemm għal raġunijiet demografiċi.

Waħda mill-problemi hija li l-UE ma tkunx kapaċi tattira lill-ħaddiema li għandha bżonn filwaqt li pajjiżi oħra madwar id-dinja sejrin ħafna aħjar biex jattiraw dawn it-talenti jingħaqdu magħhom fl-istadju l-iktar bikri tal-istudji universitarji u tal-proġetti ta' riċerka. Għalhekk huwa fl-interess tal-UE stess li ssir iktar attraenti għall-istudenti u r-riċerkaturi barranin u biex tkun iktar attraenti bħala ċentru dinji ta' eċċellenza. Iktar skambju ta' studenti u studjużi internazzjonali se jwassal għal tkabbir ekonomiku, jagħti spinta lill-innovazzjoni u jwassal għal aktar impjiegi fil-medda t-twila.

Fl-2011, madwar 220 000 ċittadin mhux tal-UE daħlu fl-UE għall-finijiet ta' studju, għal skambju bejn l-istudenti tal-iskola, għal taħriġ bla rimunerazzjoni jew għal servizz volontarju1. L-ogħla għadd ta' ċittadini mhux mill-UE ġew għall-fini tal-edukazzjoni u l-istudji. Fl-2011, il-pajjiżi li rċevew l-ogħla għadd ta' studenti kienu Franza (64 794), Spanja (35 037), l-Italja (30 260), il-Ġermanja (27 568) u l-Pajjiżi l-Baxxi (10 701).

Fl-istess sena ġew 7 000 ċittadin mhux tal-UE għal finijiet ta' riċerka fl-24 Stat Membru tal-UE koperti mid-dejta, l-iktar fi Franza (2 075), il-Pajjiżi l-Baxxi (1 616), l-Isvezja (817), il-Finlandja (510) u Spanja (447)2.

Illum, in-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni (EMN) immexxi mill-Kummissjoni se jippubblika wkoll Studju dwar l-Immigrazzjoni ta' Studenti Internazzjonali fl-UE. Dan jipprovdi ħarsa ġenerali analitika soda u informazzjoni statistika dwar il-politiki tal-immigrazzjoni u l-mobilità tal-Istati Membri u tal-istrateġiji nazzjonali għall-promozzjoni tal-Ewropa bħala destinazzjoni attraenti għall-istudenti internazzjonali.

Ħoloq Utli

MEMO/13/281

Link to the proposal

Ir-rapporti nazzjonali dwar l-immigrazzjoni tal-istudenti internazzjonali fl-Istati Membri tal-UE

Il-websajtta' Cecilia Malmström

Segwi lill-Kummissarju Malmström fuq Twitter

Il-websajttad-DĠ Intern

Segwi lid-DĠ Intern fuq Twitter

Il-Portal dwar l-Immigrazzjoni tal-UE

Kuntatti :

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58)

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)

1 :

Id-dejta tkopri biss l-24 Stat Membru li huma marbuta bid-"Direttiva dwar l-Istudenti". Id-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit mhumiex marbuta biha. Sors: Eurostat.

2 :

Id-dejta ma tinkludix id-Danimarka u r-Renju Unit li mhumiex marbuta bid-"Direttiva dwar ir-Riċerkaturi". Sors: Eurostat.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website