Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea tniedi Green Paper dwar il-finanzjament fuq żmien twil tal-ekonomija Ewropea

European Commission - IP/13/274   25/03/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-25 ta' Marzu 2013

Il-Kummissjoni Ewropea tniedi Green Paper dwar il-finanzjament fuq żmien twil tal-ekonomija Ewropea

Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat Green Paper li tniedi konsultazzjoni pubblika ta’ tliet xhur dwar kif għandha tissaħħaħ il-provvista tal-finanzjament fuq żmien twil u kif għandha tittejjeb u tiġi diversifikata s-sistema ta’ intermedjazzjoni finanzjarja għall-investimenti fuq żmien twil fl-Ewropa. L-investimenti fuq żmien twil jirrappreżentaw infiq li jtejjeb il-kapaċità produttiva tal-ekonomija. Dan jista’ jinkludi l-infrastrutturi tal-enerġija, it-trasport u l-komunikazzjoni, il-faċilitajiet industrijali u tas-servizzi, u t-teknoloġija li tikkonċerna l-bidla fil-klima u l-ekoinnovazzjoni, kif ukoll l-edukazzjoni u r-riċerka u l-iżvilupp. L-Ewropa qed tiffaċċja ħtiġijiet ta’ investimenti fuq skala kbira u fuq żmien twil li huma kruċjali għat-tkabbir sostenibbli. Sabiex jiġu ffinanzjati l-investimenti fuq żmien twil, in-negozji u l-familji jeħtieġu aċċess għal finanzjament previdibbli fuq żmien twil.

Il-kriżi finanzjarja affettwat lis-settur finanzjarju fl-Ewropa fil-ħila tiegħu li jorjenta t-tfaddil lejn investimenti fuq żmien twil. Għalhekk huwa essenzjali li naraw x’nistgħu nagħmlu biex intejbu d-disponibbiltà tal-finanzjament fuq żmien twil u din il-Green Paper tiffoka fuq kif jaħdem dan il-proċess.

Waħda mill-kwistjonijiet importanti hija jekk id-dipendenza kbira u storika tal-Ewropa fuq il-banek biex tiffinanzja l-investimenti fuq żmien twil hijiex se twassal u għandhiex twassal għal sistema aktar diversifikata b’ishma ogħla b’mod sinifikattiv ta’ finanzjament dirett fis-swieq ta’ kapital (jiġifieri l-finanzjament tal-bonds) u b’involviment akbar tal-investituri istituzzjonali (jiġifieri fondi tal-pensjonijiet) jew għal alternattivi oħra. Il-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-SMEs għandhom jingħataw attenzjoni partikolari billi għandhom il-potenzjal li jsaħħu t-tkabbir fuq żmien twil. Dawn għandhom bżonn aċċess għall-finanzjament mill-banek u mhux mill-banek.

Ir-reazzjonijiet għall-konsultazzjoni se jgħinu lill-Kummissjoni biex tiddetermina x’jista’ jsir biex jitneħħew l-ostakli għall-finanzjament fuq żmien twil. Is-segwitu jista’ jkollu diversi għamliet, leġiżlattiv u mhux leġiżlattiv.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Michel Barnier, qal: “L-ekonomija tal-Ewropa qed tiffaċċja sfidi kbar, inklużi ħtiġijiet ta’ investimenti fuq skala kbira u fuq żmien twil. Dawn huma essenzjali bħala bażi għall-innovazzjoni u l-kompetittività u jappoġġaw ir-ritorn lejn sitwazzjoni ta' tkabbir sostenibbli u impjiegi fl-Ewropa. Dawn il-ħtiġijiet jirrikjedu finanzjament fuq żmien twil. L-iżgurar li s-settur ekonomiku u dak finanzjarju tagħna - inklużi l-banek u l-investituri istituzzjonali bħal pereżempju l-assiguraturi u l-fondi tal-pensjonijiet - ikunu kapaċi jiffinanzjaw investimenti fuq żmien twil huwa kompitu importanti iżda kumpless. Jeħtieġ li nidentifikaw l-ostakli li jeżistu għall-finanzjament fuq żmien twil u x’jista’ jsir aktar biex jitneħħew.”

Il-Viċi President Olli Rehn responsabbli għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Ewro qal: "Il-proċess meħtieġ ta’ bbilanċjar mill-ġdid fl-ekonomija Ewropea qed iseħħ, u s-swieq finanzjarji għandhom ikunu jistgħu jifilħu għall-bidla strutturali li qed taċċellera. Huwa importanti li jiġi żgurat li l-qafas għall-investimenti u l-finanzjament fuq żmien twil ikun komprensiv u flessibbli biżżejjed biex jadatta għal dawn l-isfidi sabiex jissaħħaħ il-potenzjal ta’ tkabbir tal-Ewropa."

Kuntest

Din il-Green Paper tikkonċerna l-investiment fuq żmien twil fis-sens tal-ħolqien ta' kapital b’ħajja twila li jkun tanġibbli u intanġibbli. Bosta investimenti fl-infrastrutturi tal-enerġija, il-bidla fil-klima, l-edukazzjoni eċċ. għandhom benefiċċji usa’ għall-pubbliku, minħabba li jiġġeneraw redditi akbar għas-soċjetà kollha kemm hi, billi jappoġġaw servizzi essenzjali u jtejbu l-istandards tal-għixien. L-impatt tagħhom jista’ jibda jinħass fi żmien qasir. Huma jippermettu lill-kumpaniji u lill-gvernijiet jirreaġixxu għall-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali l-ġodda, jiffaċilitaw it-tranżizzjoni għal ekonomija aktar sostenibbli u jżidu t-tkabbir fil-produttività fuq żmien twil u l-kompetittività. Ix-xejriet fil-bidla fil-klima u t-tnaqqis tar-riżorsi naturali jenfasizzaw aktar l-isfida tat-tkabbir sostenibbli, billi jeħtieġu aktar investimenti fuq żmien twil fl-enerġija b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju, fl-effiċjenza tal-enerġija u tar-riżorsi u fl-infrastruttura, b’konsistenza mal-għan politiku li tiġi limitata l-bidla fil-klima taħt iż-żewġ gradi u li t-tkabbir ekonomiku jiġi diżassoċjat mill-użu tar-riżorsi. L-importanza tal-finanzjament fuq żmien twil għat-tkabbir u għall-ħolqien tal-impjiegi ġiet rikonoxxuta fuq il-livell internazzjonali mill-G20.

Il-kapaċità tal-ekonomija li tiffinanzja l-investimenti fuq żmien twil tiddependi mill-ħila tas-sistema finanzjarja li timmira dawn il-fondi b’mod effettiv u effiċjenti lejn l-utenti u l-investimenti t-tajbin u permezz ta’ swieq miftuħa u kompetittivi. Dan il-proċess jista’ jitwettaq minn varji intermedjarji - inklużi l-banek, l-assiguraturi u l-fondi tal-pensjonijiet - u b’aċċess dirett għas-swieq finanzjarji.

Fl-Ewropa, il-proporzjonijiet ta’ investimenti jew tfaddil mal-PDG huma favorevoli meta mqabbla ma’ reġjuni oħra fid-dinja. Madankollu, din l-istampa globali taħbi l-fatt li b’konsegwenza tas-sitwazzjoni u tal-prospetti makroekonomiċi dgħajfa, kemm dawk li jfaddlu kif ukoll l-investituri qed jesperjenzaw gradi għolja ta’ inċertezza, ta’ evitazzjoni tar-riskju u ta’ nuqqas ta’ fiduċja. Din is-sitwazzjoni jista’ jkollha effetti dejjiema, li joħolqu ostakoli permanenti oħra għall-provvista ta’ finanzjament fuq żmien twil.

Waħda mit-tagħlimiet ewlenin tal-kriżi hija n-neċessità li jkun hemm regolazzjoni u superviżjoni xierqa tas-settur finanzjarju sabiex jiġu rrestawrati l-istabbiltà finanzjarja u l-fiduċja fis-swieq. F’dan il-kuntest, l-UE ilha taħdem fuq programm komprensiv ta’ riforma finanzjarja li jikkumplimenta riforma fiskali u ekonomika usa'. L-istabbiltà finanzjarja hija essenzjali iżda waħedha hija insuffiċjenti. Bħala parti minn rispons ta' politika usa’, il-kalibrazzjoni dettaljata tal-qafas regolatorju u superviżorju ġdid għandha tippermetti lis-settur finanzjarju jappoġġa bl-aktar mod effettiv l-ekonomija reali, mingħajr ma tpoġġi fil-periklu l-istabbiltà finanzjarja. Fuq il-bażi ta’ dan, l-azzjoni għat-tisħiħ tal-finanzjament fuq żmien twil tal-ekonomija Ewropea għandha tindirizza firxa wiesgħa ta’ fatturi interkonnessi:

  • Il-kapaċità tal-istituzzjonijiet finanzjarji li jorjentaw il-finanzjament fuq żmien twil;

  • L-effiċjenza u l-effettività tas-swieq finanzjarji li joffru strumenti ta’ finanzjament fuq żmien twil;

  • Fatturi trażversali li jippermettu tfaddil u finanzjament fuq żmien twil; u

  • Il-faċilità tal-SMEs li jaċċessaw għall-finanzjament mill-banek u mhux mill-banek.

Ara wkoll MEMO/13/280

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/internal_market/finances/financing-growth/long-term/index_en.htm

Kuntatti:

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website