Navigation path

Left navigation

Additional tools

It-tabella ta’ valutazzjoni turi li l-innovazzjoni fl-UE qed tiżdied, iżda d-distakk bejn il-pajjiżi qed jikber

European Commission - IP/13/270   26/03/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-26 ta' Marzu 2013

It-tabella ta’ valutazzjoni turi li l-innovazzjoni fl-UE qed tiżdied, iżda d-distakk bejn il-pajjiżi qed jikber

Il-prestazzjoni fil-qasam tal-innovazzjoni fl-UE tjiebet minn sena għall-oħra minkejja l-kriżi ekonomika kontinwa, iżda d-distakk fl-innovazzjoni bejn l-Istati Membri qiegħed jikber. Dan huwa r-riżultat tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni tal-2013, klassifikazzjoni tal-Istati Membri tal-UE stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi innovattivi komplew itejbu l-prestazzjoni tagħhom, oħrajn urew nuqqas ta’ progress. Il-klassifikazzjoni ġenerali fi ħdan l-UE għadha relattivament stabbli, bl-Iżvezja fil-quċċata, segwita mill-Ġermanja, id-Danimarka u l-Finlandja. L-Estonja, il-Litwanja u l-Latvja huma l-aktar pajjiżi li tjiebu mis-sena l-oħra ‘l hawn. L-ixpruni tat-tkabbir fl-innovazzjoni fl-UE jinkludu l-SMEs u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ innovazzjonijiet, flimkien ma’ sistemi ta’ riċerka eċċellenti. Madankollu, it-tnaqqis fl-investiment tal-kapital ta' riskju u tan-negozju bejn l-2008 u l-2012 influwenza b’mod negattiv il-prestazzjoni fil-qasam tal-innovazzjoni.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissarju għall-Industrija u l-Intraprenditorija, Antonio Tajani, qal: “Ir-riżultati ta’ din is-sena juru li l-kriżi ekonomika ħalliet impatt negattiv fuq l-attività tal-innovazzjoni f’xi partijiet tal-Ewropa. L-investiment fil-qasam tal-innovazzjoni huwa kruċjali jekk irridu nżommu l-kompetittività globali tagħna u nreġġgħu lura t-tkabbir fl-Ewropa. Jeħtieġ li nħeġġu l-intraprenditorija billi l-SMEs kienu l-ixprun ewlieni tal-innovazzjoni.”

Máire Geoghegan-Quinn, il-Kummissarju responsabbli għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, qalet: “L-innovazzjoni issa għandha tkun fil-qalba tal-aġendi politiċi tal-Istati Membri kollha. L-aktar rapport riċenti tagħna tal-Unjoni tal-Innovazzjoni, li ġie ppubblikat illum ukoll, juri li fl-2012 għamilna progress fuq ċerti elementi fundamentali bħall-Privattiva Unitarja u regoli ġodda għall-fondi ta’ kapital ta’ riskju, iżda jeħtieġ li nagħmlu aktar progress sabiex nevitaw id-distakk fl-innovazzjoni fl-Ewropa.”

Illum il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat ukoll rapport komplementari għat-Tabella ta’ valutazzjoni. Ir-rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Innovazzjoni juri li l-Kummissjoni diġà wettqet fil-biċċa l-kbira l-impenji marbuta mal-inizjattiva ewlenija tal-Unjoni tal-Innovazzjoni.

Għal sommarji individwali tal-prestazzjoni fil-qasam tal-innovazzjoni tas-27 Stat Membru kollha, u f’pajjiżi Ewropej oħra, ara: MEMO/13/274

Sfond

Fl-2013 it-Tabella tal-Prestazzjoni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni tqiegħed lill-Istati Membri f'dawn l-erba' gruppi ta' pajjiżi li ġejjin:

  • Mexxejja tal-innovazzjoni: L-Iżvezja, il-Ġermanja, id-Danimarka u l-Finlandja, ilkoll juru prestazzjoni ogħla sew mill-medja tal-UE.

  • Segwaċi tal-innovazzjoni: Il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Lussemburgu, il-Belġju, ir-Renju Unit, l-Awstrija, l-Irlanda, Franza, is-Slovenja, Ċipru u l-Estonja kollha għandhom prestazzjoni ogħla mill-medja tal-UE.

  • Innovaturi moderati: L-Italja, Spanja, il-Portugall, ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, is-Slovakkja, l-Ungerija, Malta u l-Litwanja għandhom prestazzjoni taħt il-medja tal-UE.

  • Innovaturi modesti: Il-prestazzjoni tal-Polonja, il-Latvja, ir-Rumanija u l-Bulgarija tinsab ferm taħt il-medja tal-UE.

Grafika: il-prestazzjoni fil-qasam tal-innovazzjoni tal-Istati Membri tal-UE

Nota: Il-prestazzjoni medja titkejjel permezz ta' indikatur kompost li jqis id-dejta għal 24 indikatur li jvarjaw mill-aktar prestazzjoni baxxa possibbli ta' 0 sal-ogħla prestazzjoni possibbli ta' 1. Il-prestazzjoni medja tirrifletti l-prestazzjoni fl-2010/2011 (minħabba nuqqas ta’ disponibbiltà tad-dejta).

Kif jistgħu l-mexxejja tal-innovazzjoni jkunu ta' suċċess?

L-aktar pajjiżi innovattivi fl-UE għandhom għadd ta' qawwiet komuni bejniethom fis-sistemi nazzjonali tagħhom ta' riċerka u innovazzjoni, inkluż rwol ewlieni għall-isforzi ta’ innovazzjoni tal-intrapriżi u dawk tas-settur tal-edukazzjoni għolja. Is-setturi tan-negozju tal-mexxejja kollha tal-innovazzjoni jiksbu riżultati eċċellenti fejn għandhom x’jaqsmu l-infiq tar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż)u l-applikazzjonijiet tal-privattivi. Huma għandhom ukoll settur tal-edukazzjoni għolja żviluppat sew kif ukoll rabta qawwija bejn l-industrija u x-xjenza.

L-UE fix-xena internazzjonali

Tqabbil ma’ pajjiżi Ewropej oħra jikkonferma l-pożizzjoni tal-Iżvizzera bħala l-pijuniera fl-innovazzjoni globali u li kontinwament tisboq lill-pajjiżi kollha tal-UE. Ir-riżultati ta’ din is-sena juru wkoll għal darb’oħra li l-Korea t’Isfel, l-Istati Uniti u l-Ġappun għandhom vantaġġ fuq l-UE fejn għandha x’taqsam l-innovazzjoni.

Il-vantaġġ tal-Korea t’Isfel fuq l-UE qiegħed jiżdied, iżda mill-2008 l-UE rnexxielha tnaqqas kważi nofs id-distakk mal-Istati Uniti u mal-Ġappun. L-UE għadha lura ferm meta mqabbla mal-mexxejja globali, partikolarment f’termini ta’ nfiq tan-negozji fir-R&Ż, kopubblikazzjonijiet pubbliċi-privati, u privattivi, kif ukoll fl-edukazzjoni terzjarja. L-UE għadha tikseb riżultati aħjar mill-Awstralja, il-Kanada, il-Brażil, ir-Russja, l-Indja, iċ-Ċina u l-Afrika t’isfel.

Dan il-vantaġġ tal-UE qiegħed jonqos fil-konfront taċ-Ċina, baqa’ stabbli meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra tal-BRICS u qiegħed jiżdied meta mqabbel mal-Awstralja u l-Kanada.

Bħalissa t-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni tal-2013 tieħu 24 indikatur li huma miġbura fi tliet kategoriji ewlenin u tmien dimensjonijiet:

"L-elementi abilitanti", jiġifieri l-elementi fundamentali li jippermettu li sseħħ l-innovazzjoni (ir-riżorsi umani, is-sistemi ta' riċerka miftuħa, eċċellenti u attraenti, u l-finanzi u l-appoġġ);

"L-attivitajiet tal-impriżi" li jiġbru l-isforzi tal-innovazzjoni fl-intrapriżi Ewropej (l-investimenti tal-intrapriżi, il-kollaborazzjonijiet u l-intraprenditorija, u l-assi intellettwali); kif ukoll

"Ir-riżultati" li juru kif dan jissarraf f'benefiċċji għall-ekonomija kollha kemm hi (l-innovaturi u l-effetti ekonomiċi, inklużi l-impjiegi).

Għal aktar tagħrif

Ir-rapport sħiħ tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni tal-2013 jinsab fuq:

http://ec.europa.eu/enterprise/policies/innovation/facts-figures-analysis/innovation-scoreboard/index_en.htm

It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni, ir-Rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Innovazzjoni, l-Unjoni tal-Innovazzjoni, Ewropa 2020

Kuntatti:

Carlo Corazza (+32 2 295 17 52)

Sara Tironi (+32 2 299 04 03)

Michael Jennings (+32 2 296 33 88) Twitter: @ECSpokesScience

Monika Wcislo (+32 2 295 56 04)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website