Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-22 ta’ Marzu 2013

Il-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi tan-nar: Il-Kummissjoni tipproponi r-ratifika tal-Protokoll tan-NU u azzjoni ulterjuri

L-UE hija lesta biex tirratifika l-Protokoll tan-NU dwar l-armi tan-nar wara l-adozzjoni ta’ regoli ġodda dwar il-bejgħ, il-pussess u t-trasfermenti ta’ armi tan-nar kemm fl-Ewropa kif ukoll barra minnha. Illum, il-Kummissjoni Ewropea qed tippreżenta proposta għal dak l-għan, filwaqt li tenfasizza l-ħtieġa għal aktar azzjoni.

L-għan tal-Protokoll tan-NU dwar l-armi tan-nar huwa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni kontra l-manifattura u t-traffikar illegali ta’ armi żgħar, bħal armi tal-idejn u pistoli. Dan il-kummerċ jiġġenera madwar EUR 180 miljun fis-sena għall-kriminalità organizzata madwar id-dinja.

“It-traffikar illegali tal-armi tan-nar jirrappreżenta theddida dejjem tikber għas-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej u negozju li jħalli qligħ tajjeb għall-klikek organizzati. Hemm bżonn insaħħu l-kontroll fuq l-armi tan-nar li jidħlu, jiċċirkolaw u joħrġu mill-UE sabiex nimpedixxu l-użu ħażin tagħhom. Il-konklużjoni tal-Protokoll tan-NU dwar l-armi tan-nar tikkonferma l-impenn tal-UE lejn il-protezzjoni taċ-ċittadini kontra r-riskju ta’ vjolenza bl-armi tan-nar fl-UE u lil hinn minnha," qalet il-Kummissarju tal-UE għall-Affarijiet Interni, Cecilia Malmström.

It-test tal-Protokoll fih dispożizzjonijiet biex:

  1. Jinżammu rekords dettaljati tal-importazzjoni, l-esportazzjoni u l-movimenti tal-armi tan-nar fi tranżitu;

  2. Tkun adottata sistema internazzjonali għall-immarkar tal-armi tan-nar meta jiġu ffabbrikati u kull darba li jiġu importati;

  3. Tkun stabbilita sistema ta’ liċenzjar armonizzata li tirregola l-importazzjoni, l-esportazzjoni, il-moviment fi tranżitu u l-esportazzjoni mill-ġdid tal-armi tan-nar;

  4. Ikun prevenut is-serq, it-telf jew l-izvijar tal-armi tan-nar permezz tat-tisħiħ tal-kontrolli fuq l-esportazzjoni, il-punti tal-esportazzjoni u l-kontroll fuq il-fruntieri;

  5. Tkun skambjata informazzjoni rigward il-produtturi, in-negozjanti, l-importaturi u l-esportaturi awtorizzati, ir-rotot użati mit-traffikanti illegali, l-aħjar prassi fil-ġlieda kontra t-traffikar biex tittejjeb il-kapaċità tal-Istati li jipprevjenu, jidentifikaw u jinvestigaw it-traffikar illegali tal-armi tan-nar

X'imiss?

Il-Kunsill għandu issa jadotta l-proposta biex jiġi rratifikat il-Protokoll tan-NU dwar l-armi tan-nar, bil-kunsens tal-Parlament Ewropew. Qabel it-tmiem tal-2013, il-Kummissjoni se tippreżenta Komunikazzjoni dwar kif tista' tiġi limitata t-theddida tal-armi tan-nar għas-sigurtà interna tal-UE.

Sfond

Il-Kummissjoni nnegozjat u ffirmat il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar f’isem l-UE fl-2002. Il-konklużjoni ta’ dan il-proċess – ir-ratifika fil-prattika tal-Protokoll – tħalliet għal aktar tard, minħabba li l-leġiżlazzjoni tal-UE kellha tiġi aġġornata u tinġieb f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-protokoll. L-UE mbagħad adottata l-leġiżlazzjoni li ġejja:

  1. Id-Direttiva 2008/51/KE (li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE) li tistabbilixxi r-regoli tal-kontrolli mill-Istati Membri tal-UE dwar l-akkwist u l-pussess tal-armi tan-nar u t-trasferiment tagħhom lejn Stat Membru ieħor tal-UE.

  2. Ir-Regolament 258/2012 (IP/12/225) li jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-esportazzjonijiet, tal-importazzjonijiet u l-liċenzjar tat-tranżitu, u jagħmilha aktar faċli biex tittraċċa l-armi. Dan japplika għall-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom u l-munizzjon għall-użu ċivili. Armi militari mhumiex inklużi.

Ħoloq Utli

Il-websajt ta’ Cecilia Malmström

Segwi lill-Kummissarju Malmström fuq Twitter

Il-websajt tad-DĠ Affarijiet Interni

Segwi lid-DĠ Affarijiet Interni fuq Twitter

Kuntatti:

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website