Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 21 ta' Marzu 2013

Il-kundizzjonijiet tax-xogħol: Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimplimentaw il-konvenzjoni dwar il-ħaddiema domestiċi tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol

Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Istati Membri jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-2011 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol fir-rigward ta’ xogħol diċenti għall-ħaddiema domestiċi (il-Konvenzjoni Nru 189). Il-pajjiżi li jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO - International Labour Organisation) jaqblu li jiżguraw kundizzjonijiet ġusti u diċenti għall-ħaddiema domestiċi billi jipproteġu d-drittijiet fundamentali tagħhom tax-xogħol, jipprevjenu l-abbuż u l-vjolenza u jistabbilixxu salvagwardji għall-ħaddiema domestiċi żgħażagħ.

It-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-servizzi personali huwa għan importanti għall-Kummissjoni” qal il-Kummissarju Laszlo Andor, li huwa l-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, filwaqt li jżied jgħid “Jiena nħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirratifikaw din il-Konvenzjoni kemm jista' jkun malajr, u din se tikkontribwixxi wkoll għall-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE kontra t-traffikar tal-bnedmin”.

Il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill hija meħtieġa għaliex l-Istati Membri ma jistgħux jirratifikaw il-Konvenzjonijiet tal-ILO b’mod awtonomu mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel mill-Kunsill fir-rigward ta’ dawk il-partijiet tal-Konvenzjoni li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UE. L-UE nfisha ma tistax tirratifika l-ebda Konvenzjoni tal-ILO, għaliex l-Istati biss jistgħu jkunu partijiet tagħha.

L-Istati li jirratifikaw il-Konvenzjoni huma meħtieġa jieħdu miżuri sabiex jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u diċenti u jipprevjenu l-abbuż, il-vjolenza u t-tħaddim tat-tfal fl-impjiegi domestiċi. Iridu jiżguraw trattament ugwali bejn il-ħaddiema domestiċi u ħaddiema oħrajn fir-rigward tal-kumpens u l-benefiċċji, pereżempju fil-każ tal-maternità. Il-Konvenzjoni tintroduċi wkoll obbligu biex tinforma lill-ħaddiema dwar it-termini u d-dettalji tal-impjieg tagħhom. Klawżoli oħrajn jiżguraw li l-ħaddiema domestiċi, huma protetti kontra d-diskriminazzjoni, huma offruti kundizzjonijiet tal-għajxien diċenti, u għandhom aċċess faċli għall-mekkaniżmi biex jilmentaw. Finalment, il-Konvenzjoni tistabbilixxi r-regoli fir-rigward tat-tħaddim tal-barranin.

Il-leġiżlazzjoni tal-UE tindirizza wkoll xi aspetti koperti mill-Konvenzjoni tal-ILO. Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni għandhom l-istess approċċ ta’ din il-leġiżlazzjoni u huma ġeneralment konsistenti. Fuq ħafna kwistjonijiet, il-liġi tal-UE hija iktar protettiva mill-Konvenzjoni. Madankollu, il-Konvenzjoni hija iktar preċiża mil-liġi tal-UE fil-kopertura tal-ħaddiema domestiċi permezz tal-leġiżlazzjoni u f’aspetti oħra partikolari tax-xogħol domestiku.

Sfond

L-UE tippromwovi, fil-politiki kollha tagħha, ir-ratifika u l-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjonijiet tal-ILO dwar standards tax-xogħol bażiċi u Konvenzjonijiet oħra li ġew ikklassifikati bħala li huma aġġornati mill-ILO.

Fil-Pakkett tagħha tal-2012 dwar l-Impjiegi, il-Kummissjoni saħqet fuq ir-rwol tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Ħaddiema Domestiċi fit-tijib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-servizzi personali.

F’Ġunju tal-2012, fil-kuntest tal-Istrateġija tal-UE lejn l-Eradikazzjoni tat-Traffikar tal-Bnedmin, il-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri biex jirratifikaw l-istrumenti internazzjonali rilevanti kollha, il-ftehimiet u l-obbligi legali li se jikkontribwixxu għall-indirizzar tat-traffikar tal-bnedmin f’manjiera iżjed effettiva, koordinata u koerenti, inkluż il-Konvenzjoni dwar il-Ħaddiema Domestiċi.

Barra minn hekk, it-trejdunjins u l-organizzazzjonijiet nongovernattivi qed imexxu kampanja internazzjonali biex jippromwovu r-ratifika tal-Konvenzjoni dwar il-Ħaddiema Domestiċi.

Diversi Stati Membri indikaw l-intenzjoni tagħhom li jirratifikaw malajr il-Konvenzjoni dwar il-Ħaddiema Domestiċi. Għalhekk hemm bżonn li kwalunkwe impediment legali għar-ratifika mill-Istati Membri jitneħħa fil-livell tal-UE.

Fir-rigward tat-tliet Konvenzjonijiet l-oħra tal-ILO li ġew adottati fl-aħħar għaxar snin u li partijiet minnhom kienu fil-kompetenza tal-UE, il-Kunsill awtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikawhom, fl-interessi tal-Unjoni, fir-rigward ta’ dawk il-partijiet li huma fil-kompetenza tal-Unjoni. Fl-20 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni adottat proposta simili għad-Deċiżjoni tal-Kunsill bħal dik fir-rigward tal-Konvenzjoni tal-Kimiċi (Nru 170).

Għal aktar informazzjoni

Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol: Xogħol diċenti għall-ħaddiema domestiċi

Is-sit tal-internet ta' László Andor

Segwi lil László Andor fuq Twitter

Abbona mingħajr ħlas fil-bulettin dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni bil-posta elettronika tal-Kummissjoni Ewropea

Contacts :

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Cécile Dubois (+32 2 295 18 83)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website