Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-18 ta' Jannar 2013

It-Trasport fit-toroq: Liċenzja tas-Sewqan Ewropea ġdida

Mid-19 ta’ Jannar 2013, il-liċenzji tas-sewqan ġodda kollha maħruġa fl-UE se jkunu fil-forma ta’ "karta tal-kreditu" tal-plastik b’format standard Ewropew u bi protezzjoni isħeħ ta’ sigurtà. Il-liċenzja l-ġdida Ewropea bil-mod il-mod se tieħu post aktar minn 100 mudell differenti tal-plastik u tal-karti użati attwalment minn aktar minn 300 miljun sewwieq fl-UE kollha. Dan hu parti minn pakkett usa’ ta’ miżuri (it-tielet Direttiva tal-UE dwar il-Liċenzji tas-Sewqan) li se jidħlu fis-seħħ imfassla biex itejbu l-moviment ħieles, jittrattaw il-frodi b'rabta mal-liċenzji tas-sewqan u jtejbu s-sigurtà fit-toroq fl-UE kollha.

"Il-pulizija tat-traffiku fl-Ewropa kollha huma attwalment mistennija jirrikonoxxu aktar minn 100 tip differenti ta’ liċenzji tas-sewqan tal-karti u tal-plastik. Ir-riitratti tal-ID jistgħu jkunu ilhom skaduti, il-kategoriji li għalihom is-sewwieq huwa liċenzjat jistgħu ma jkunux ċari u d-dokument jista' jkun faċli li jiġi ffalsifikat. Liċenzji tas-sewqan foloz huma liċenzja biex toqtol u għalhekk neħtieġu liċenzji li jkunu faċli biex jinqraw, jinftiehmu faċilment u diffiċli ħafna biex ikunu ffalsifikati".

Il-bidliet ewlenin li se jidħlu fis-seħħ fid-19 ta’ Jannar 2013 huma dawn:

Format standard Ewropew

Il-liċenzji tas-sewqan Ewropej ġodda kollha ser jinħarġu skont il-format il-ġdid ta’ "karta ta' kreditu" tal-plastik, b’rekwiżiti ta' ritratt u ta' informazzjoni standard - faċli biex ikunu rikonoxxuti u jinqraw fl-UE kollha. (Ara r-ritratt hawn taħt.) Il-liċenzji l-ġodda kollha se jinħarġu f’dan il-format mid-19 ta’ Jannar 2013.

Il-liċenzji eżistenti mhumiex affettwati, iżda se jinbidlu fil-format il-ġdid fiż-żmien tat-tiġdid, jew l-aktar tard sal-2033. Il-liċenzja tas-sewqan Ewropea tista’ tiġi adattata biex tinkorpora simboli nazzjonali kif ikun deċiż minn kull Stat Membru.

Sigurtà aħjar

Il-liċenzja tas-sewqan il-ġdida tinkludi numru ta’ karatteristiċi ta’ sigurtà li jagħmluha “tamper proof” u biex tiġi evitata l-falsifikazzjoni.

Barra minn hekk, din issaħħet bil-ħolqien ta' sistema Ewropea ta' skambju tad-dejta elettronika biex tħeffef l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali. Dan se jissimplifika l-proċess ta’ ġestjoni tal-liċenzji tas-sewqan għal nies li jbiddlu r-residenza tagħhom minn Stat Membru għal ieħor. Dan se jgħin b’mod sinifikattiv l-projbizzjoni tat-“turiżmu tal-liċenzji tas-sewqan” u tal-frodi, pereżempju, billi tiddaħħal fis-seħħ il-projbizzjoni ġdida u aktar stretta ta’ ħruġ ta’ liċenzji minn Stat Membru lil xi ħadd li l-liċenzja tiegħu tkun diġà tteħditlu, jew inkella ġiet sospiża jew ristretta minn Stat Membru ieħor.

It-Tiġdid Regolari tal-Liċenzji

Il-bżonn tat-tiġdid regolari tal-liċenzji fl-UE kollha huwa essenzjali fil-ġlieda kontra l-frodi u fit-titjib tas-sigurtà tat-toroq. Skont dawn ir-regoli l-ġodda, il-liċenzji għandhom jiġġeddu, għas-sewwieqa tal-karozzi u l-motoċiklisti, minn kull 10 snin sa kull 15-il sena, skont l-Istat Membru. Għal-liċenzji tal-karozzi tal-linja u t-trakkijiet, il-liċenzji għandhom jiġġeddu kull ħames snin u se jkun hemm bżonn ta’ test mediku għat-tiġdid.

Dan hu tiġdid amministrattiv u ma jeħtieġx xi test ieħor. Dan jiżġura li l-informazzjoni dwar il-liċenzja, ir-ritratti eċċ, jinżammu aġġornati, il-karatteristiċi tas-sigurtà fuq il-kards ikunu jistgħu jiġi aġġornati regolarment għal teknoloġija ġdida u l-Istati Membri jkollhom b’mod kostanti l-informazzjoni aġġornata dwar il-liċenzji li jkun hemm fl-idejn.

Protezzjoni ta’ sewwieqa vulnerabbli

Ir-reġim tal-liċenzja tas-sewqan Ewropea jsaħħaħ il-protezzjoni tal-kategoriji ta' nies l-aktar vulnerabbli li jużaw it-toroq. Dan jinkludi:

  • Limitu ta’ età ogħla għall-aċċess dirett għal-liċenzji (permezz ta’ testijiet prattiċi u teoretiċi) għall-muturi l-aktar qawwija, biex mil-limitu eżistenti ta’ 21 sena l-età titla’ għal 24 sena.

  • Iż-żieda tal-limitu tal-età, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ passi oħra matul il-proċess għall-aċess progressiv. Ir-reġim il-ġdid jeħtieġ li l-esperjenza tas-sewqan tkun ta’ minimu ta’ erba’ snin b’muturi anqas qawwija (minflok sentejn) qabel ma tinħareġ liċenzja għal dawk il-muturi l-aktar qawwija.

  • Il-mopeds jikkostitwixxu kategorija ġdida ta’ vetturi u mil-lum il-kandidati għal-liċenzja tal-mopeds se jkunu meħtieġa jgħaddu test teoretiku. L-Istati Membri jistgħu jintroduċu wkoll testijiet tal-ħiliet u l-imġiba u eżamijiet mediċi. L-UE qiegħda tistabbilixxi età minima rakkomandata ta’ 16-il sena biex il-liċenzji jiġu rikonoxxuti b’mod reċiproku mill-Istati Membri (l-Istati Membri jistgħu jbaxxu dan il-limitu għall-età ta’ 14-il sena f'pajjiżhom stess). Qabel dan ma kien hemm l-ebda rekwiżiti minimi tal-UE għall-mopeds.

Standards minimi għall-eżaminaturi tas-sewqan

L-eżaminaturi tas-sewqan se jkollhom jikkonformaw ma' standards minimi fir-rigward tal-kwalifika inizjali u tat-taħriġ perjodiku tagħhom. Din il-miżura se tipprovdi kontroll tal-kwalità fis-sistema l-ġdida.

Id-Direttiva 2006/126/KE dwar il-liċenzji tas-sewqan kienet adottata mill-Istati Membri u l-Parlament Ewropew fl-2006. Din kellha tkun trasposta mill-Istati Membri sad-19 ta' Jannar 2011 u tidħol fis-seħħ kompletament fid-19 ta’ Jannar 2013.

Aktar informazzjoni: MEMO/13/10

http://www.youtube.com/watch?v=sE9ZG--lEYE

Kuntatti :

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site