Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-20 ta’ Marzu 2013

Il-Kummissjoni tistabbilixxi l-passi li jmiss lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja profonda u ġenwina

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat żewġ Komunikazzjonijiet ġodda dwar il-passi li jmiss lejn unjoni ekonomika u monetarja (UEM) profonda u ġenwina. L-għan huwa li jissaħħu kemm il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika kif ukoll l-integrazzjoni fiż-żona tal-euro. Dawn il-Komunikazzjonijiet jsegwu l-impenji li saru fil-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni għal Unjoni Ekonomika u Monetarja profonda u ġenwina f’Novembru li għadda, u hija risposta għall-appelli mill-Kunsill Ewropew biex isir progress fil-ħidma fuq dawn iż-żewġ fronti.

Il-Komunikazzjoni dwar il-koordinazzjoni minn qabel ta’ pjanijiet għal riformi kbar tal-politika ekonomika tinkludi għażliet dwar kif għandhom jiġu organizzati diskussjonijiet fil-livell tal-UE dwar riformi ta’ politika fuq skala kbira fl-Istati Membri qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet finali fil-livell nazzjonali. Ir-raġuni ta’ dan huwa biex jitqies kif jixraq, sa minn kmieni, kwalunkwe effett pożittiv jew negattiv tar-riformi fuq pajjiżi oħra taż-żona tal-euro fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

Il-Komunikazzjoni dwar Strument ta’ Konverġenza u Kompetittività (CCI) tistabbilixxi għażliet għal żewġ strumenti: arranġamenti kuntrattwali biex l-Istati Membri jwettqu riformi speċifiċi u appoġġ finanzjarju biex jgħin lill-Istati Membri jimplimentaw dawn ir-riformi. Dawn iż-żewġ strumenti ġodda jikkomplementaw l-istrutturi li diġà jeżistu għas-sorveljanza tal-politika baġitarja u ekonomika fil-livell tal-UE, li tqawwew permezz tar-riformi li saru bis-saħħa tas-Semestru Ewropew, tas-Six Pack u tat-Two Pack.

Il-President Barroso qal: B’dawn iż-żewġ Komunikazzjonijiet, il-Kummissjoni qed tmexxi ‘l quddiem il-proċess tal-integrazzjoni, kif aħna stipulajna fil-pjan ta’ azzjoni tagħna għal UEM profonda u ġenwina f’Novembru li għadda. Dawn il-proposti — b’mod partikolari l-Istrument ta’ Konverġenza u Kompetittività — jgħaqqdu l-bżonn għal aktar dixxiplina fil-livell nazzjonali ma’ aktar solidarjetà fil-livell tal-UE. Huma jirfdu s-saħħa tal-munita komuni u se jkunu ta’ għajnuna biex il-kompetittività, it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa jingħataw spinta.”

Olli Rehn, il-Viċi President responsabbli għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u għall-Euro, qal: “B’dawn iż-żewġ Komunikazzjonijiet, il-Kummissjoni qed tibni fuq il-passi l-kbar ‘il quddiem meħuda fil-koordinazzjoni tal-politika baġitarja, billi ttejjeb il-qafas għal riformi strutturali kkoordinati aħjar. L-għan tagħna huwa ċar: biex l-Istati Membri jiġu megħjuna jfasslu, jiddeċiedu dwar, u jimplimentaw riformi aħjar, aktar kmieni u aktar malajr għat-tkabbir, il-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi.”

Il-Kummissjoni qed tippreżenta dawn il-Komunikazzjonijiet erba’ xhur biss wara l-pubblikazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni, biex b’hekk tqajjem moviment għar-riforma pass pass li se jirfed is-saħħa tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u jiżgura li l-kriżijiet futuri jkunu jistgħu jiġu kontenuti aħjar. Il-proposti huma konformi bis-sħiħ mal-istrateġija ekonomika tal-Kummissjoni, li ssegwi konsolidazzjoni fiskali intelliġenti flimkien ma’ riformi li jiffavorixxu t-tkabbir ekonomiku li jistgħu jgħinu fil-ftuħ ta’ opportunitajiet ġodda ta’ impjiegi fl-Ewropa.

Koordinament minn qabel

Ir-riformi, jew in-nuqqas ta’ riformi, jista’ jkollhom effetti sinifikanti li jinfirxu fuq Stati Membri oħra, b’mod partikolari fiż-żona tal-euro. Riformi fis-suq tax-xogħol jew tal-prodotti, li jkunu mfassla tajjeb, jistgħu, pereżempju, jagħtu spinta lit-tkabbir u lill-ħolqien tal-impjiegi fl-Istati Membri kkonċernati, biex b’hekk tiżdied id-domanda għal prodotti u servizzi minn Stati Membri oħra. Fl-istess ħin, mingħajr dawn ir-riformi, l-Istati Membri jistgħu ibatu minn vulnerabilità għal xokkijiet ekonomiċi esterni, li mbagħad jistgħu jinfirxu fuq Stati Membri oħra, kif ġara matul il-kriżi. Sabiex jiġu massimizzati l-effetti pożittivi u jiġu minimizzati dawk negattivi, il-Kummissjoni qed tikkunsidra li tipproponi li r-riformi li għandhom jiġu kkoordinati jkunu ffukati fuq il-kompetittività, l-impjiegi, il-funzjonament tas-swieq tal-prodotti u s-servizzi, l-industriji tan-netwerks, is-sistemi tat-taxxa, l-istabbiltà finanzjarja u s-sostenibbiltà fiskali. Id-diskussjoni tar-riformi se tkun ankrata b’mod qawwi fil-proċess tas-Semestru Ewropew.

Dixxiplina u solidarjetà

Strument ta’ Konverġenza u Kompetittività għaż-żona tal-euro jikkombina arranġamenti kuntrattwali li jistabbilixxu l-miżuri ewlenin li Stat Membru jorbot lilu nnifsu bihom fi ħdan skedi maqbula. Il-miżuri jkunu mfassla biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż miftiehma bħala parti mis-Semestru Ewropew, partikolarment dawk ġejjin mill-Proċedura ta’ Żbilanċi Makroekonomiċi. Bħala komplement għal dawn ir-riformi, jista’ jinħoloq strument finanzjarju, fil-prinċipju fi ħdan il-baġit tal-UE iżda ‘l barra mill-massimi stabbiliti fl-MFF, li jippromwovi u jappoġġja r-riformi meta Stat Membru individwali jkun taħt tensjoni. L-implimentazzjoni ambizzjuża u f’waqtha tar-riformi strutturali jkunu ta’ għajnuna kbira fl-indirizzar ta’ dgħufijiet ewlenin fl-ekonomija, speċjalment f’dawk l-oqsma relatati mal-kompetittività.

Dan jappoġġja l-aġġustament u l-ibbilanċjar mill-ġdid tat-tkabbir tal-ekonomiji taż-żona tal-euro u jservi bħala l-ewwel pass lejn kapaċità fiskali aktar qawwija — li timplika linji ta’ politika ekonomika integrati aktar fil-fond.

Il-Kummissjoni se teżamina wkoll modi għall-Istati Membri li mhumiex parti miż-żona tal-euro, u b’mod partikolari dawk li qed iħejju għall-adeżjoni mal-euro, biex jidħlu f’arranġament kuntrattwali.

L-isfond u l-passi li jmiss

F’Ġunju li għadda, il-Kunsill Ewropew stieden lill-President tiegħu, f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Presidenti tal-Kummissjoni, tal-Grupp tal-Euro u l-Bank Ċentrali Ewropew, biex jippreżentaw pjan direzzjonali speċifiku u marbut biż-żmien għall-kisba ta’ UEM awtentika.

Fit-28 ta’ Novembru 2012 il-Kummissjoni Ewropea adottat Pjan ta’ Azzjoni għal Unjoni Ekonomika u Monetarja profonda u ġenwina, li tipprovdi viżjoni għal arkitettura qawwija u stabbli fil-qasam finanzjarju, fiskali, ekonomiku u politiku. Biex jinkiseb dan hija fasslet passi inkrementali li għandhom jittieħdu fuq perjodu ta’ żmien qasir, medju u twil.

Fost il-miżuri fuq medda qasira ta’ żmien kien hemm il-koordinazzjoni ta’ pjanijiet għal riformi kbar tal-politika ekonomika u l-introduzzjoni ta’ Strument tal-Kompetittività u l-Konverġenza, li ġew immexxija ‘l quddiem miż-żewġ komunikazzjonijiet ippreżentati fl-20 ta’ Marzu.

Il-futur tal-UEM se jerġa’ jiġi diskuss fil-Kunsill Ewropew f’Ġunju, li se jieħu deċiżjoni dwar miżuri konkreti u dwar pjan direzzjonali li jkun marbut bi skeda.

Links utli

MEMO/13/259 Il-passi li jmiss lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja profonda u ġenwina: Koordinazzjoni bikrija u arranġamenti kuntrattwali

Komunikazzjonijiet dwar il-kordinazzjoni ex-ante ta’ pjanijiet għal riformi kbar tal-politika ekonomika u dwar l-introduzzjoni ta’ Strument ta’ Konverġenza u Kompetittività

http://ec.europa.eu/economy_finance/articles/governance/2013-03-20-convergence_competitiveness_instrument_ex_ante_coordination_en.htm

Pjan għal Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u Ġenwina

Kuntatti :

Pia Ahrenkilde Hansen (+32 2 295 30 70)

Olivier Bailly (+32 2 296 87 17)

Simon O'Connor (+32 2 296 73 59)

Vandna Kalia (+32 2 299 58 24)

Sarah Collins (+32 2 296 80 76)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site