Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Politika Ewropea tal-Viċinat tal-2012: Impenn kontinwu għal kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-ġirien minkejja l-kundizzjonijiet ekonomiċi u politiċi ta' taqlib

Commission Européenne - IP/13/245   20/03/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-20 ta' Marzu 2013

Il-Politika Ewropea tal-Viċinat tal-2012: Impenn kontinwu għal kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-ġirien minkejja l-kundizzjonijiet ekonomiċi u politiċi ta' taqlib

Ir-rapporti nazzjonali u reġjonali dwar il-progress tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) tal-2012 ippubblikati llum, jindikaw li l-kooperazzjoni tal-UE mal-pajjiżi sħab tagħha hija isħeħ u qed tagħti riżultati pożittivi. Sentejn wara li tnieda l-approċċ il-ġdid tal-PEV, ir-riżultati huma inkoraġġanti f’bosta oqsma ta’ kooperazzjoni, għalkemm l-2012 kienet sena ta’ sfida minħabba l-instabilità politika u l-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi diffiċli. Madankollu, ir-riformi politiċi fil-pajjiżi sħab mhumiex uniformi, u l-progress lejn demokrazija b'saħħitha u sostenibbli mhux dejjem ikun lineari.

“Il-pakkett annwali tal-PEV” ippreżentat minn Catherine Ashton, ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/il-Viċi President tal-Kummissjoni, u Štefan Füle, il-Kummissarju tal-UE għat-Tkabbir u l-Politika tal-Viċinat, juri li bosta msieħba jibqgħu impenjati li jsaħħu r-relazzjonijiet mal-UE u li l-UE qawwiet l-appoġġ tagħha għal dawk l-imsieħba li jidħlu għal aġendi ta’ riforma importanti. Tabilħaqq, minkejja l-kriżi ekonomika attwali fl-UE, ir-riżorsi finanzjarji fil-forma ta’ għotjiet u self allokati għar-reġjun żdiedu. Madankollu, il-Komunikazzjoni tikkonkludi li għad baqa’ ħafna xi jsir sabiex l-offerta tal-UE tiġi implimentata. Għall-ewwel darba, minbarra r-rakkomandazzjonijiet, il-pakkett jinkludi valutazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tas-sena l-oħra.

Minħabba r-ritmu u d-direzzjoni differenti tar-riformi fil-pajjiżi sħab individwali, il-pakkett jikkonkludi li hemm bżonn ta’ aktar divrenzjar fir-reazzjoni tal-UE għall-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet individwali tal-pajjiżi.<.

Ir-rapporti ta’ progress tal-pajjiżi jagħtu stampa mħallta dwar il-progress tar-riformi demokratiċi li ttieħdu fil-viċinat tan-Nofsinhar. Fl-Eġittu, fl-Alġerija u fil-Libja saru elezzjonijiet demokratiċi. L-UE żiedet l-għajnuna tagħha sabiex isiru elezzjonijiet ħielsa u ġusti konformi mal-istandards internazzjonali, u bagħtet missjonijiet biex josservaw l-elezzjonijiet fl-Alġerija, fl-Eġittu u fil-Ġordan. Is-soċjetà ċivili fin-Nofsinhar saret issemma’ aktar leħinha milli fil-passat. F’ħafna pajjiżi sħab għad hemm tħassib dwar il-libertà tal-miġemgħa, tal-assoċjazzjoni u tal-espressjoni, inkluża l-libertà tal-midja, b’mod speċjali fl-Eġittu u fl-Alġerija. Ir-riforma kostituzzjonali qed issir bil-mod. L-UE stabbilixxiet task forces għat-Tuneżija, il-Ġordan u l-Eġittu, sabiex titjieb il-koordinazzjoni tal-għajnuna finanzjarja pprovduta mill-UE, mill-Istati Membri tal-UE u mill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali.

Il-pajjiżi tal-Lvant aktar ma jmur qed jieħdu toroq differenti. Il-Moldova, il-Ġeorġja u l-Armenja komplew bir-riformi demokratiċi, u l-elezzjonijiet li saru kienu ġeneralment konformi mal-istandards internazzjonali. L-elezzjonijiet parlamentari tal-Ukraina ppreżentaw stampa aktar imħallta b’bosta nuqqasijiet, u stabilixxew deterjorament meta mqabbla mal-istandards li ntlaħqu qabel. L-Azerbajġan jeħtieġ jagħmel iktar sforzi sinifikanti biex jilħaq l-impenji tiegħu fil-qasam tad-demokrazija, inklużi l-proċessi elettorali. L-elezzjonijiet fil-Bjelorussja seħħew f'kuntest ġenerali ta’ trażżin.

Ir-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton meta kkummentat dwar il-kisbiet u d-dewmien fil-qasam tar-riformi demokratiċi fil-pajjiżi sħab qalet: “L-Unjoni Ewropea se tkompli tagħmel dak kollu li tista’ biex tgħin fl-iżvilupp ta’ demokrazija b’saħħitha fil-pajjiżi sħab tagħna. Il-Politika Ewropea tal-Viċinat għandha rwol fundamentali fl-appoġġ ta’ dan il-proċess. Id-dewmien f’xi pajjiżi sħab ovvjament iqanqal tħassib, iżda ma għandux jintuża bħala skuża sabiex jieqaf l-impenn. Għall-UE l-bini ta’ demokraziji sostenibbli, jibqa’ l-prijorità ewlenija.”

Bosta mill-pajjiżi sħab għaddejjin minn tranżizzjonijiet politiċi, u r-rwol ta’ soċjetà ċivili b’saħħitha huwa aktar u aktar importanti billi jikkontribwixxi għall-bini ta’ demokrazija u governanza tajba. Iżda r-rapporti juru li f’xi pajjiżi sħab, l-NGOs għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma’ interferenza mill-awtoritajiet. L-UE kompliet tappoġġa l-organizzazzjonijiet permezz tal-Faċilità għas-Soċjetà Ċivili. Is-sena li għaddiet twaqqaf il-Fond Ewropew għad-Demokrazija sabiex jipprovdi appoġġ rapidu u flessibbli għal dawk li jaħdmu għall-bidliet demokratiċi.

Il-Kummissarju Štefan Füle ddikjara: “Nagħti importanza kbira lis-sħubija mas-soċjetà ċivili fil-PEV. Ir-rwol tas-soċjetà ċivili jibqa’ ċentrali għall-proċessi ta’ demokratizzazzjoni. Tejjibna b’mod sinifikanti l-involviment tagħna fis-soċjetà ċivili tal-pajjiżi sħab biex inżidu kemm jista’ jkun l-appoġġ pubbliku fir-riformi. Għalhekk, huwa deplorevoli li f’xi pajjiżi sħab, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jkomplu jaffaċċjaw limitazzjonijiet serji bħalma huma l-ostakli għal-libertà tal-moviment, il-kawżi kontra mexxejja tal-NGOs, il-proċeduri amministrattivi kkumplikati, l-aċċettazzjoni ta’ appoġġ finanzjarju li tkun suġġetta għall-awtorizzazzjoni, eċċ.”

Ir-relazzjonijiet kummerċjali mal-ġirien komplew jintensifikaw ruħhom. L-UE kompliet in-negozjati dwar Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni mal-Moldova, mal-Armenja u mal-Ġeorġja li jinkludu Żoni ta’ Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi (DCFTA), u dwar Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Azerbajġan. Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina nbeda u se jiġi ffirmat meta Kiev jieħu l-passi meħtieġa. Rigward il-viċinat tan-Nofsinhar, l-UE bdiet tħejji għan-negozjati mal-Marokk, mat-Tuneżija u mal-Ġordan dwar iż-Żona ta' Kummenrċ Ħieles Approfondita u Komprensiva.

L-UE u l-pajjiżi sħab komplew bil-ħidma biex itejbu l-mobilità tan-nies. Fl-2012 seħħ progress sinifikanti fl-objettiv tal-ivvjaġġar mingħajr il-bżonn ta’ viża fil-kuntest tas-Sħubija tal-Lvant (SL). Il-Moldova u l-Ukraina għamlu progress sostanzjali fil-kuntest ta’ Pjan ta’ Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża (PALV). Infetaħ djalogu dwar il-viża u twettaq Pjan ta’ Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża mal-Ġeorgja, filwaqt li l-Armenja kkonċediet id-dħul mingħajr il-bżonn ta’ viża liċ-ċittadini tal-UE minn Jannar 2013. Wara li saru Sħubijiet għall-Mobilità mal-Moldova, mal-Ġeorġja u mal-Armenja, ġew imnedija negozjati bejn l-UE u l-Azerbajġan dwar is-Sħubija għall-Mobilità. Saret ukoll ħidma biex jiġu żviluppati rabtiet aktar mill-qrib mal-pajjiżi sħab tan-Nofsinhar dwar il-mobilità u l-migrazzjoni. Intlaħaq ftehim dwar is-Sħubija għall-Mobilità mal-Marokk, u għadhom għaddejin n-negozjati mat-Tuneżija. Infetaħ ukoll djalogu mal-Ġordan f’Diċembru 2012.

B’riżultat ta’ kooperazzjoni aħjar f’oqsma settorjali speċifiċi, il-Politika Ewropea tal-Viċinat kull ma jmur qed tinfluwenza aktar b’mod pożittiv u konkret il-ħajja tan-nies. Il-proġetti appoġġati mill-UE u relatati mat-trasport (jiġifieri s-sikurezza fit-toroq, it-titjib tat-trasport pubbliku), l-ambjent (jiġifieri l-ġestjoni tal-ilma, il-valutazzjonijiet tal-impatt), l-edukazzjoni (jiġifieri l-parteċipazzjoni ta’ studenti u ta’ riċerkaturi fil-programmi Ewropej li jippermettu aktar minn 3,250 borża ta’ studju sabiex jiġu pprovduti lil studenti tal-PEV u lil persunal akkademiku fl-2012) jew l-enerġija (jiġifieri l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli), fost ħafna oħrajn, qed itejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien ta’ kuljum fil-pajjiżi sħab.

Abbażi tal-prinċipju fundamentali ta’ “aktar għal aktar” l-UE kompliet tipprovdi għajnuna finanzjarja għall-isforzi ta’ riforma tal-pajjiżi sħab billi tagħmel disponibbli riżorsi finanzjarji addizzjonali li jiswew EUR 1 biljun mill-baġit tal-UE fil-perjodu bejn l-2011 u l-2013. Minn dan l-ammont, EUR 670 miljun jitwasslu permezz ta’ żewġ programmi ġenerali: EUR 540 miljun permezz ta’ SPRING, għan-Nofsinhar tal-Mediterran u EUR 130 miljun permezz ta’ EaPIC, għall-Viċinat tal-Lvant. Iż-żewġ programmi għandhom fil-mira li jippromwovu t-trasformazzjoni demokratika u li jibnu l-istituzzjonijiet kif ukoll jappoġġaw it-tkabbir sostenibbli u inklużiv. Fondi minn dawn il-programmi ġew allokati abbażi ta’ prova ċara li r-riformi demokratiċi qed jiġu implimentati. Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) estendew ukoll il-kapaċitajiet tagħhom ta’ self fil-pajjiżi sħab. Biex jittieħdu fondi mingħand dawn kif ukoll mingħand istituzzjonijiet finanzjarji oħra, l-UE kabbret r-riżorsi allokati għall-Faċilità ta’ Investiment tal-Viċinat. Dan qed jagħti aktar appoġġ lill-investimenti kbar u lill-iżvilupp tas-settur privat.

Fir-reġjun kemm tal-Lvant kif ukoll tan-Nofsinhar, l-UE kompliet bl-implimentazzjoni kostanti ta’ żewġ pjanijiet direzzjonali li tressqu bħala parti mill-pakketti tal-PEV tal-2012. Fil-viċinat tal-Lvant, l-UE kompliet tinvolvi ruħha biex tiżgura li s-Samit ta’ Vilnius f’Novembru li ġej, ikollu riżultat pożittiv. Fil-Viċinat tan-Nofsinhar, l-UE ħadet f’idejha l-kopresidenza tal-Unjoni għall-Mediterran tat-Tramuntana, u adottat komunikazzjoni li tipproponi inizjattivi li jappoġġaw l-integrazzjoni tal-pajjiżi tal-Magreb.

Biex tappoġġa l-proċessi ta’ riforma fil-Viċinat, l-UE intensifikat il-kooperazzjoni ma’ partijiet interessati oħra, b’mod partikolari mal-istituzzjonijiet kollha tal-UE, il-Kunsill tal-Ewropa, l-OSKE, il-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant, il-Fondazzjoni Anna Lindh jew il-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant. Dan żied l-isforzi biex fil-mira jkun hemm koordinazzjoni aħjar ma’ donaturi internazzjonali oħrajn.

Is-Sirja għadu każ speċifiku ħafna fil-viċinat. L-UE ssospendiet kull kooperazzjoni bilaterali mal-Gvern iżda tibqa’ marbuta li tgħin liċ-ċittadini. L-UE ħadet azzjonijiet diplomatiċi sabiex tinstab soluzzjoni paċifika għall-kunflitti, appoġġat lill-Mibgħut Speċjali Konġunt tan-NU u tal-Lega tal-Istati Għarab, ipparteċipat b’mod attiv fil-laqgħat tal-Ħbieb tas-Sirja, u tat għajnuna lir-refuġjati kif ukoll lill-pajjiżi ġirien milqutin mill-kriżi.

Għal iktar informazzjoni:

Il-websajt tal-Kummissarju għat-Tkabbir u l-Politika Ewropea tal-Viċinat, Štefan Füle:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/fule/index_en.htm

Il-Websajt tar-Rappreżentant Għoli u l-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Catherine Ashton

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/ashton/index_en.htm

Il-Kummissjoni Ewropea: Il-Politika Ewropea tal-Viċinat

http://ec.europa.eu/world/enp/index_en.htm

http://www.enpi-info.eu

Memo/13/241 l-Alġerija

Memo/13/242 l-Armenja

Memo/13/243 l-Azerbajġan

Memo/13/244 il-Bjelorussja

Memo/13/245 l-Eġittu

Memo/13/246 il-Ġeorġja

Memo/13/247 l-Iżrael

Memo/13/248 il-Ġordan

Memo/13/249 il-Libanu

Memo/13/250 il-Libja

Memo/13/252 il-Moldova

Memo/13/253 il-Marokk

Memo/13/254 it-Territorji Palestinjani Okkupati

Memo/13/255 is-Sirja

Memo/13/256 it-Tuneżija

Memo/13/257 l-Ukraina

Persuni ta’ kuntatt:

Maja Kocijancic (+32 2 298 65 70)

Michael Mann (+32 2 299 97 80)

Peter Stano (+32 2 295 74 84)

Anca Paduraru (+32 2 296 64 30)

Nabila Massrali (+32 2 296 92 18)

Eamonn Prendergast (+32 2 299 88 51)

Sebastien Brabant (+32 2 298 64 33)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site