Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-21 ta' Marzu 2013

Id-dibattitu dwar il-Futur tal-Ewropa: Il-Viċi-President Reding wiċċ'imb wiċċ maċ-ċittadini f'Salonika, il-Greċja

Hekk kif id-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa u l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika qed iżid il-momentum, il-Kummissjoni Ewropea qed tersaq lejn bliet Ewropej differenti biex tisma' liċ-ċittadini, l-inkwiet tagħhom u t-tamiet għall-futur. Fit-22 ta’ Marzu 2013, il-Viċi-President Viviane Reding se tkun f'Salonika (il-Greċja) għal dibattitu ma’ aktar minn 500 ċittadin.

“Sejra Salonika biex nisma' liċ-ċittadini u jkolli djalogu dirett magħhom. Irid ikun hemm aktar diskussjonijiet mal-poplu Grieg, mhux biss dwaru," qalet il-Viċi-President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza. Sejra l-Greċja bħala ħabiba. U l-ħbieb għandhom ikunu onesti: ma hemmx alternattiva għar-riformi diffiċli. Huma meħtieġa sabiex niżguraw li l-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni ma jħallsux il-prezz tal-iżbalji tal-ġenerazzjonijiet ta' qabilhom. L-UE qed tgħin f'dan il-proċess diffiċli”

Id-dibattitu f’Salonika se jsir fil-Conference Centre ċentrali ta’ Salonika (“Velidio”). Salonika hija post xieraq: hija t-tieni l-akbar belt Griega wara Ateni u waħda mill-akbar ċentri tal-istudenti fl-Ewropa tax-Xlokk, li tospita l-akbar popolazzjoni ta' studenti fil-Greċja. L-istudenti huma l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ mexxejja u d-djalogu se jkun opportunità għalihom biex jibdew jieħdu sehem fil-ġejjieni tagħhom.

Il-kriżi ekonomika u l-impatt tagħha fuq il-ħajja ta’ kuljum tan-nies, id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE u l-futur tal-Unjoni se jkunu fiċ-ċentru tad-dibattitu bejn il-Viċi-President Viviane Reding u ċ-ċittadini. Id-djalogu se jinfetaħ mill-Viċi-President Reding u Yiannis Boutaris, is-Sindku ta’ Salonika. Il-membri Griegi tal-Parlament Ewropew, Chrysoula Paliadeli, Ioannis Tsoukalas u Theodoros Skylakakis se jattendu d-dibattitu wkoll.

Id-dibattitu jista’ jiġi segwit dirett permezz ta’ web stream. Ċittadini mill-Ewropa kollha jistgħu jipparteċipaw ukoll permezz ta’ Twitter billi jsegwu @DialogosPoliton u jużaw hashtag #EUDeb8.

Sfond

X'inhuma d-djalogi maċ-ċittadini?

F'Jannar, il-Kummissjoni Ewropea nediet is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini (IP/13/2), sena dedikata għaċ-ċittadini u d-drittijiet tagħhom. Fl-2013 jiġi ċċelebrat l-20 anniversarju taċ-ċittadinanza tal-UE, li ddaħħlet mit-Trattat ta' Maastricht fl-1993, u hija wkoll sena qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014. Matul is-sena, membri tal-Kummissjoni se jkollhom dibattiti maċ-ċittadini dwar l-aspetttattivi tagħhom għall-futur waqt id-Djalogi maċ-Ċittadini (laqgħat fis-swali ċentrali tal-ibliet) mal-UE kollha.

Il-Viċi-President Reding diġà kellha dibattiti f’Cádiz (Spanja), fi Graz (l-Awstrija), f’Berlin (il-Ġermanja), f’Dublin (l-Irlanda) (ara IP/13/2) u f’Coimbra (il-Portugall) (ara IP/13/129). Il-Kummissarju Andor kellu dibattitu f’Napli (l-Italja), il-Kummissarju Malmström ipparteċipat fi djalogi maċ-ċittadini f’Göteborg (l-Isvezja) u Turin (l-Italja) u l-Viċi-President Tajani fi djalogu maċ-ċittadini f’Ruma (l-Italja). Matul l-2013 se jsiru ħafna aktar djalogi madwar l-Unjoni Ewropea kollha - li se jaraw lill-politiċi Ewropej, nazzjonali u lokali jinvolvu ruħhom f’dibattitu maċ-ċittadini mill-oqsam kollha tal-ħajja. Tista’ ssegwi d-dibattiti kollha hawnhekk: http://ec.europa.eu/european-debate/index_mt.htm.

Mill-introduzzjoni taċ-ċittadinanza Ewropea 20 sena ilu saru ħafna kisbiet Stħarrig tal-UE li għadu kif ġie ppubblikat juri li llum 63% taċ-ċittadini jħossuhom “Ewropej”. Fil-Greċja din iċ-ċifra hija biss 46% - għalkemm 63% tal-Griegi jgħidu li jħossuhom eqreb taċ-ċittadini f’pajjiżi Ewropej oħra b’konsegwenza tal-kriżi.

Madwar l-UE, iċ-ċittadini qed jużaw id-drittijiet tagħhom ta’ kuljum. L-Ewropej qed jibbenefikaw minn aktar protezzjoni fuq xirjiet transfruntiera, kura garantita fi Stati Membri oħra tal-UE permezz tal-Kard Ewropea tas-Saħħa u tariffi tar-roaming irħas, kollox bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni Ewropea. Imma n-nies mhumiex dejjem konxji minn dawn id-drittijiet. Pereżempju, l-istħarriġ juri li madwar tnejn minn kull tliet Griegi jgħidu li mhumiex infurmati tajjeb dwar id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-UE. Filwaqt li aktar minn sitta minn kull 10 Griegi jgħidu li jixtiequ jkunu jafu aktar dwar id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-UE.

Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni ddikjarat l-2013 is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini, sena dedikata għaċ-ċittadini u d-drittijiet tagħhom. L-għan huwa doppju: Nofs ix-xogħol se jkun ta' spjegazzjoni – spjegazzjoni ta' xi tfisser li tkun ċittadin Ewropew u d-drittijiet li jgawdu n-nies għax huma ċittadini Ewropej.

In-nofs l-ieħor se jkun smigħ. Matul is-sena, il-Viċi-President Reding u l-Kummissarji sħabha se jgħaqqdu l-isforzi tagħhom ma’ dawk tal-politikanti nazzjonali u lokali billi jorganizzaw dibattiti maċ-ċittadini madwar l-Ewropa kollha fl-Istati Membri kollha - biex ikollhom dibattitu dirett maċ-ċittadini dwar x'jixtiequ, kif iħossuhom dwar id-drittijiet tagħhom u fejn iridu jaraw l-Unjoni tasal fl-10 snin li ġejjin. Iċ-ċittadini Ewropej għandhom ikunu jistgħu jesprimu t-tħassib tagħhom u jħejju t-triq għall-elezzjonijiet futuri.

Għaliex il-Kummissjoni qed tagħmel dan issa?

Għaliex illum l-Ewropa tinsab f’salib it-toroq. Il-futur tal-Ewropa huwa fuq fomm kulħadd – b’ħafna li qed jitkellmu dwar unjoni politika, Federazzjoni ta’ Stati Nazzjon jew Stati Uniti tal-Ewropa. Ix-xhur u s-snin li ġejjin se jkunu deċiżivi għad-direzzjoni futura tal-Unjoni Ewropea. Aktar integrazzjoni Ewropea trid timxi id f’id mat-tisħiħ tal-leġittimità demokratika tal-Unjoni

Mid-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni mill-President tal-Kummissjoni Barroso f’Settembru (SPEECH/12/596), id-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa jinsab fl-aqwa tiegħu. Fid-29 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni diġà ddeskreviet il-pjan ta’ azzjoni tagħha sabiex nimxu lejn unjoni ekonomika, monetarja u baġitarja sħiħa, u fil-5 ta’ Diċembru 2012 il-Presidenti tal-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea, il-Grupp tal-Ewro u l-Bank Ċentrali Ewropew ħarġu rapport konġunt. Il-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet l-oħra issa qegħdin jaħdmu fuq pjan ta' direzzjoni għal Unjoni Politika. Jeħtieġ li ċ-ċittadini jkollhom vuċi fid-dibattitu dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea u d-djalogi se jkunu wieħed mill-mezzi biex tingħatalhom vuċi u pjattaforma għad-diskussjoni.

Iċ-ċittadini Ewropej għandhom ikunu jistgħu jsemmgħu t-tamiet u tħassib tagħhom qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014 u qabel tiġi proposta kwalunkwe bidla fit-Trattat.

Attwalment aktar minn nofs l-Ewropej (68%) iħossu li l-vuċi tagħhom ma tgħoddx fl-Ewropa - dan irid jinbidel.

X’se jkunu l-eżiti tad-djalogi?

Ir-rispons mingħand iċ-ċittadini matul id-djalogi għandu jgħin biex jiggwida lill-Kummissjoni waqt li tfassal pjanijiet għal riforma futura tal-UE. Wieħed mill-iskopijiet ewlenin tad-djalogi se jkun li titħejja l-bażi għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2014.

L-elezzjonijiet tas-sena d-dieħla għall-Parlament Ewropew għandhom ikunu dwar kwistjonijiet Ewropej, u mhux dwar jekk il-Griegi jew kwalunkwe persuna oħra hijiex imdejqa bil-gvern nazzjonali tagħha. Għandu jkun hemm dimensjoni aktar Ewropea fejn tal-votanti Griegi jkunu jafu li humiex sempliċiment jivvutaw għal partit politiku Grieg iżda għal familja ta’ partijiet li qed isegwu linja politika fl-Ewropa.

B’mod parallel mad-djalogi, il-Kummissjoni qiegħda wkoll tieħu passi biex titjieb il-leġittimità demokratika tal-elezzjonijiet Ewropej. Fil-bidu ta’ Marzu, il-Kummissjoni talbet lill-partiti politiċi biex jinnominaw kandidati għall-kariga ta' President tal-Kummissjoni (IP/13/215). Il-Kummissjoni tixtieq tara dibattitu realment Ewropew - bil-partiti politiċi Ewropej f'kampanja dwar programm ċar tal-viżjoni tagħhom għall-ġejjieni tal-Ewropa.

Sadattant, il-Kummissjoni Ewropea qed taħdem ukoll biex jitneħħew l-ostakoli li jifrustraw liċ-ċittadini. Ir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tal-2010 (ara IP/10/1390 u MEMO/10/525) iddeskriva fil-qosor 25 azzjoni konkreta biex jitneħħew l-ostakoli li ċ-ċittadini tal-UE għadhom qed jiffaċċaw meta jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' moviment ħieles fl-UE. Waħda minn dawn l-azzjonijiet hija li tissaħħaħ is-sensibilizzazzjoni tan-nies dwar l-istatus tagħhom ta' ċittadini tal-UE, dwar drittijiethom u dwar xi jfissru dawn id-drittijiet fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

Matul is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini, lejn id-9 ta' Mejju 2013, il-Kummissjoni se tippubblika t-tieni Rapport dwar iċ-ċittadinanza tal-UE, li se jevalwa l-25 azzjoni deskritti fl-2010 u se jiddeskrivi 12-il azzjoni konkreta ġdida biex jiġu indirizzati l-problemi li fadal u li ċ-ċittadini tal-UE għadhom jaffaċċaw. Il-kwistjonijiet imqajma matul il-konsultazzjoni pubblika onlajn u matul id-djalogi se jintużaw f'dan ir-rapport u se jifformaw il-politika tal-Kummissjoni dwar iċ-ċittadinanza.

Għal aktar informazzjoni

Aktar informazzjoni dwar id-Djalogu ta’ Salonika:

http://www.citizensdialogue.gr/

Dibattiti maċ-ċittadini dwar il-Futur tal-Ewropa:

http://ec.europa.eu/european-debate/index_mt.htm

Is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini:

http://europa.eu/citizens-2013/mt/home

L-Ewropej jgħidu tagħhom: Riżultati tal-konsultazzjoni dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE:

http://ec.europa.eu/justice/citizen/files/eu-citizen-brochure_en.pdf

Il-paġna ewlenija tal-Viċi-President u l-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/reding

Twitter hash tag għal dawn id-dibattiti: #EUDeb8

Segwi lill-Viċi-President fuq Twitter: @VivianeRedingEU

Kuntatti:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)

ANNESS

1. Il-Griegi jgħidu li l-UE hija l-aktar waħda kapaċi tindirizza l-kriżi finanzjarja u ekonomika

Source: EB Standard 78 EL National report

2. Il-Greċja tara l-istess riżultati pożittivi bħall-bqija tal-Ewropa

Source: EB Standard 78 EL National report

3. Anqas minn nofs il-Griegi jħossuhom ċittadini tal-UE

Source: EB Standard 78 EL National report

4. Inqas minn erbgħa minn kull 10 Griegi jħossuhom infurmati tajjeb dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE

Source: FL 365 "EU Citizenship" p22 (Fieldwork Nov 2012/Published: Feb 2013)

5. In-nies fil-Greċja huma l-inqas probabbli li jħossuhom infurmati tajjeb dwar l-UE

Source: Eurobarometer Standard 78 National report


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website