Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni qed tilqa’ suġġerimenti dwar kif jista' jitjieb ir-rimedju għall-konsumaturi f'talbiet transfruntiera

Commission Européenne - IP/13/240   19/03/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-19 ta’ Marzu 2013

Il-Kummissjoni qed tilqa’ suġġerimenti dwar kif jista' jitjieb ir-rimedju għall-konsumaturi f'talbiet transfruntiera

Il-Kummissjoni Ewropea llum nediet konsultazzjoni pubblika dwar kif tista' ttejjeb l-aċċess għall-ġustizzja għall-konsumaturi u n-negozji ż-żgħar f’tilwim żgħir transfruntier. Il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar toffri mod irħis u faċli kif wieħed isolvi tilwim transfruntier li ma jammontax għal aktar minn EUR 2,000, mingħajr proċeduri ġuridiċi kumplikati. Tista’ tintuża f’każijiet fejn il-konsumaturi jkollhom bżonn jinfurzaw id-drittijiet tagħhom, pereżempju minħabba li oġġetti ordnati minn pajjiż ieħor tal-UE ma jiġux kkunsenjati. Iżda rapport tas-sena l-oħra tan-Netwerk taċ-Ċentri tal-Konsumaturi Ewropej jgħid li din il-proċedura faċli għall-utent għadha mhix magħrufa biżżejjed u ta’ spiss ma tintużax (IP/12/985). Il-Kummissjoni Ewropea issa qed titlob informazzjoni mingħand il-konsumaturi, in-negozji u l-pubbliku ġenerali dwar kif il-Proċedura għal Talbiet Żgħar qiegħda taħdem attwalment u suġġerimenti dwar kif tista' titjieb, tiġi ssimplifikata jew immodernizzata. L-għan huwa li tiżdied il-kunfidenza fix-xiri transfruntier u tgħin lill-konsumaturi u lin-negozji jagħmlu użu sħiħ tas-Suq Uniku Ewropew.

Il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju għall-Ġustizzja fl-UE, qalet: "It-tfittxija għal bargains transfruntieri hija mod kif il-konsumaturi jistgħu jiksbu l-'aħjar akkwist' fis-Suq Uniku tal-UE. Ix-xiri onlajn jagħmel dawn il-bargains dejjem aktar aċċessibbli. Imma xi kultant l-affarijiet jistgħu jmorru żmerċ: jista’ jkun hemm problema bil-prodotti jew bil-konsenja. Biex jiġu evitati proċeduri ġuridiċi diffiċli, li jiswew il-flus u li jieħdu l-ħin, l-Unjoni Ewropea qiegħda tiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja għall-konsumaturi fl-Ewropa, sabiex ikunu jistgħu jinfurzaw id-drittijiet tagħhom b’mod effettiv."

Il-konsultazzjoni mnedija llum se tibqa' għaddejja sal-10 ta’ Ġunju 2013, u wara l-Kummissjoni se tivvaluta kontribuzzjonijiet li jsiru. Imbagħad, sa tmiem l-2013 il-Kummissjoni se tirrapporta dwar kif il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar qed taħdem wara l-ewwel ħames snin tagħha. Ir-rapport se jkun akkumpanjat, jekk meħtieġ, minn proposta biex ir-Regolament dwar it-Talbiet Żgħar jiġi rivedut. Il-konsultazzjoni se titlob opinjonijiet dwar kif il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar qed tintuża attwalment u dwar kif tista’ titjieb, billi ssaqsi mistoqsijiet bħal jekk il-limitu tat-talbiet għandux jogħla għal aktar minn EUR 2,000, jekk id-dokumenti ġuridiċi li jintużaw fil-proċedura jistgħux jintbagħtu elettronikament jew jekk il-Proċedura għandhiex tindirizza l-kwistjoni tal-ispejjeż tal-Qrati.

Fis-swieq domestiċi, madwar 20% tal-konsumaturi Ewropej irrappurtaw li kellhom xi problema f'dawn l-aħħar 12-il xahar b'xi prodott, servizz, bejjiegħ jew fornitur. Il-valur medju stmat ta' telf huwa ta' EUR 375 kull każ. Sittin fil-mija tal-konsumaturi mistħarrġa sabu soluzzjoni sodisfaċenti direttament man-negozjant imma l-40% li jifdal ma kisbu l-ebda rimedju, u 25% minnhom lanqas biss ipprovaw jilmentaw. L-għadd ta' konsumaturi li jieħdu lin-negozji l-qorti meta jkollhom problema huwa baxx ħafna (2% ta' dawk li esperjenzaw problema fl-aħħar 12-il xahar). Ħafna qalu li ma lmentawx minħabba li l-ammonti ta' flus involuti kienu żgħar wisq (26%), ħasbu li l-proċedura tkun għalja wisq meta mqabbla mal-ammont ta' flus involut (13%) jew li l-proċedura kienet se tieħu fit-tul wisq (12%).

Il-proċedura għal Talbiet Żgħar teżisti preċiżament għal dawn il-każijiet. Madankollu, il-proċedura għadha mhijiex magħrufa sew u mhux qed tintuża biżżejjed. Il-Kummissjoni Ewropea għalhekk qed taħdem mal-Istati Membri biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar u jiġi żgurat l-infurzar. Pereżempju, qiegħda taħdem mal-awtoritajiet tal-qrati u maċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi biex tippromwovi attivament il-proċedura fost il-konsumaturi u l-imħallfin.

Storja ta’ suċċess li turi kif taħdem il-proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar

Konsumatur Awstrijak ordna ħwejjeġ tas-serfing minn websajt Ġermaniża. Hu ħallas EUR 228 bil-quddiem permezz ta' trasferiment bankarju. In-negozjant qatt ma wassal il-ħwejjeġ u ma ħallasx lura l-prezz tax-xiri. Il-konsumatur għalhekk fetaħ Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. Il-qorti Awstrijaka f'Linz tat sentenza favur il-konsumatur, li ġiet infurzata mill-awtoritajiet Ġermaniżi f’Charlottenburg. Il-konsumatur imbagħad irċieva rifużjoni tal-prezz tax-xiri.

Sfond

Il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (Ir-Regolament (KE) Nru 861/2007) teżisti biex ittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja billi tissimplifika l-litigazzjoni dwar talbiet transfruntieri żgħar fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali u tnaqqas l-ispejjeż. Tfasslet apposta biex tgħin lill-konsumaturi jinfurzaw id-drittijiet tagħhom u biex tiżgura l-aċċess għall-ġustizzja f’każijiet transfruntieri. Il-mekkaniżmu daħal fis-seħħ għall-ewwel darba fl-1 ta' Jannar 2009.

"Talbiet żgħar" huma każijiet li jikkonċernaw ammonti taħt l-EUR 2,000, eskluż l-imgħax, l-ispejjeż u l-iżborz (fil-mument li l-qorti kompetenti tirċievi l-formola tal-pretensjoni). Is-sentenza tingħata fil-pajjiż tar-residenza tal-konsumatur, jew fil-pajjiż tal-kumpanija konvenuta jekk il-konsumatur jagħżel li jagħmel hekk. Tipproteġi d-drittijiet proċedurali tal-konsumatur u ssir infurzabbli direttament fil-pajjiż tal-parti telliefa u fi kwalunkwe pajjiż ieħor tal-UE. Il-proċedura ssir fil-biċċa l-kbira tagħha bil-miktub bl-użu ta' formoli definiti minn qabel. Mhijiex meħtieġa rappreżentanza minn avukat.

Mill-2013, il-konsumaturi f’seba’ pajjiżi pilota (il-Portugall, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika Ċeka u l-Awstrija) se jkunu jistgħu jimlew il-formoli tal-pretensjonijiet żgħar u jwettqu l-proċedura kollha tal-qorti onlajn, permezz tal-portal tal-Ġustizzja-e. Verżjonijiet elettroniċi tal-formoli standard huma diġà disponibbli onlajn (bit-22 lingwa uffiċjali tal-UE).

Għal aktar tagħrif

Speech by Vice-President Reding at the European Consumer Summit 2013

SPEECH/13/237

Il-Kummissjoni Ewropea – Proċedura għal Talbiet Żgħar

http://ec.europa.eu/justice/civil/commercial/eu-procedures/index_en.htm

Il-Portal tal-Ġustizzja-e – Formoli għal talbiet żgħar

https://e-justice.europa.eu/content_small_claims_forms-177-mt.do

Ir-Rapport taċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumaturi

http://ec.europa.eu/justice/civil/commercial/eu-procedures/index_en.htm

Kuntatti:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site