Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-ambjent: Il-Kummissjoni tgħin lill-Istati Membri biex javvanzaw lejn immaniġġjar sostenibbli tal-iskart

European Commission - IP/13/239   19/03/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-19 ta' Marzu 2013

L-ambjent: Il-Kummissjoni tgħin lill-Istati Membri biex javvanzaw lejn immaniġġjar sostenibbli tal-iskart

Kull sena, kull ċittadin Ewropew jiġġenera iktar minn 500 kilo ta’ skart muniċipali, u iktar minn terz ta’ dan imur direttament ġol-miżbliet. Filwaqt li xi Stati Membri jirnexxilhom jagħmlu użu produttiv minn dawk ir-riżorsi, billi jirriċiklaw jew jikkompostjaw madwar 60% tal-iskart muniċipali tagħhom, oħrajn ibatu biex jagħmlu dan. Illum il-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik qiegħed jieħu sehem f'seminar ta’ livell għoli fi Brussell biex jgħin lill-Istati Membri li qatgħu lura fil-prattiċi tal-immaniġġjar sostenibbli tal-iskart L-għan huwa li dawn jiġu megħjuna jottimizzaw il-politiki tal-iskart tagħhom permezz ta' Pjan Direzzjonali mfassal b'rakkomandazzjonijiet prattiċi, u li jisħaq fuq l-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart. Il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Greċja, l-Italja, il-Litwanja, il-Latvja, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja kienu preżenti għas-seminar. Fl-istess waqt, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA - European Environment Agency) ippubblikat analiżi fil-fond tal-kisbiet tal-aħħar għaxar snin fil-politiki tal-immaniġġjar tal-iskart muniċipali fl-UE.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "Ħafna Stati Membri għadhom jiddependu wisq fuq ir-rimi fil-miżbliet u dan imur kontra l-isforzi tagħna lejn Ewropa iktar effiċjenti fir-riżorsi. Meta nidfnu l-iskart tagħna nkunu qegħdin nitilfu materjali prezzjużi u opportunità li noħolqu iktar impjiegi, tkabbir ekonomiku u li nnaqqsu l-impatti tal-iskart fuq is-saħħa tal-bniedem. Fiċ-ċirkustanzi ekonomiċi preżenti għandna bżonn insibu modi kif intejbu l-immaniġġjar tal-iskart, u nużawh biex jgħin fil-ħolqien tal-impjiegi filwaqt li nħaffu il-pressjoni fuq ir-riżorsi naturali."

Għalkemm sar progress sinifikanti madwar l-UE fejn jidħol l-immaniġġjar tal-iskart u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, huwa meħtieġ iktar titjib f'ħafna mill-Istati Membri, jekk mhux f’kollha.

Il-Pjanijiet Direzzjonali jisħqu fuq il-ħtieġa li jintużaw strumenti ekonomiċi biex jiġi mtejjeb l-immaniġġjar tal-iskart muniċipali, bħat-taxxi fuq ir-rimi fil-miżbliet u l-inċinerazzjoni u l-projbizzjoni tagħhom, skemi dwar ir-responsabbiltà tal-produttur, u inċentivi biex tiġi promossa l-prevenzjoni tal-iskart, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ (eż. sistemi "ħallas skont kemm tarmi"). Titjib fil-monitoraġġ u l-istatistika, l-intensifikazzjoni tal-ġbir separat, governanza aħjar, l-aġġornament tal-istrateġiji għall-immaniġġjar tal-iskart, u miżuri biex tiżdied l-parteċipazzjoni tal-pubbliku huma rakkomandazzjonijiet oħra fil-Pjanijiet Direzzjonali.

Jinnotaw ukoll li l-investimenti futuri fl-immaniġġjar tal-iskart għandhom jagħtu prijorità lill-prevenzjoni, l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-ikkompostjar - l-għażliet ippreferuti fil-ġerarkija tal-iskart stabbilta fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart. Din ir-rakkomandazzjoni tfakkar fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014-2020, fejn kundizzjonijiet ex ante ġodda fil-kuntest tal-fondi strutturali tal-UE jistipulaw li l-proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati għandhom ikunu konsistenti mal-ġerarkija tal-iskart u għandhom jgħinu lill-Istati Membri biex dawn jilħqu miri legalment vinkolanti tal-UE, bħall-mira li 50 % tal-iskart muniċipali jiġi riċiklat.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni tippjana li torganizza seminars oħra dwar l-immaniġġjar tal-iskart muniċipali fi Stati Membri oħra f'kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent. Il-Pjanijiet Nazzjonali għall-Immaniġġjar tal-Iskart u l-Programmi għall-Prevenzjoni tal-Iskart – li għandhom jiġu finalizzati u sottomessi lill-Kummissjoni mill-Istati Membri sa Diċembru 2013 – se jiġu analizzati fil-fond.

Beda wkoll proċess biex sa tmiem l-2014 jiġu reveduti miri legalment vinkolanti ewlenin inklużi fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart. Ir-reviżjoni tista’ tirriżulta fi proposti biex jiġu msaħħa miri eżistenti biex tingħata spinta lill-effiċjenza fir-riżorsi.

Sfond

F'Awwissu 2012, il-Kummissjoni ħarġet gradazzjoni permezz ta' tabella ta' valutazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-Istati Membri fl-immaniġġjar tal-iskart muniċipali. L-isfidi ewlenin huma d-dependenza żejda fuq ir-rimi fil-miżbliet (sa 95 %), rati baxxi ta' riċiklaġġ (inqas minn 20 %) minħabba skemi dgħajfa ta' ġbir separat u n-nuqqas ta’ infrastruttura, u inizjattivi insuffiċjenti biex tiġi promossa l-prevenzjoni tal-iskart, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ. L-Istati Membri li kellhom l-aħjar prestazzjoni f’dawn l-oqsma – l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvezja – għandhom sistemi komprensivi tal-ġbir tal-iskart, jarmu inqas minn 5 % tal-iskart tagħhom fil-miżbliet, u jagħmlu użu sħiħ minn strumenti ekonomiċi biex jistimulaw l-immaniġġjar effettiv tal-iskart. Madanakollu, jista' jsir titjib anki fi Stati Membri fejn rati għoljin ta’ inċinerazzjoni jistgħu jkunu qegħdin itellfu l-iżvilupp ta’ għażliet aħjar għall-immaniġġjar tal-iskart bħall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ.

Id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart tistabbilixxi ġerarkija għall-immaniġġjar tal-iskart, li tiffavorixxi l-prevenzjoni, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ minflok l-inċinerazzjoni, flimkien mal-irkupru tal-enerġija, ir-rimi fil-miżbliet jew l-inċinerazzjoni mingħajr l-irkupru tal-enerġija bħala l-aħħar rimedju. Studju riċenti mħejji għall-Kummissjoni jikkalkula li sal-2020, bl-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart jiġu ffrankati EUR 72 biljun fis-sena, jiżdied il-fatturat annwali tal-immaniġġjar tal-iskart u tas-settur tar-riċiklaġġ tal-UE bi EUR 42 biljun u jinħolqu aktar minn 400,000 impjieg sal-2020.

Dan is-seminar huwa parti minn inizjattiva usa’ għall-promozzjoni tal-konformità. Wara l-ħruġ tat-tabella ta’ valutazzjoni f’Awwissu 2012, il-Kummissjoni organizzat seminars bilaterali fl-aħħar kwart tal-2012 biex tifhem aħjar is-sitwazzjoni f’kull wieħed mill-għaxar Stati Membri u biex tħejji pjanijiet direzzjonali nazzjonali b'għażliet speċifiċi biex jittejjeb l-immaniġġjar tal-iskart.

Għal iktar informazzjoni:

Pjanijiet direzzjonali għal kull Stat Membru:

http://ec.europa.eu/environment/waste/framework/support_implementation.htm

Stqarrija għall-istampa tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent

http://www.eea.europa.eu/pressroom/newsreleases/highest-recycling-rates-in-austria

Proċess għar-Reviżjoni tal-Miri:

http://ec.europa.eu/environment/waste/target_review.htm

Ċentru tal-Eurostat għad-Dejta Ambjentali dwar l-Iskart:

http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/waste/introduction

Il-websajt tal-Kummissjoni dwar l-immaniġġjar tal-iskart:

http://ec.europa.eu/environment/waste/index.htm

Stqarrija għall-Istampa dwar it-Tkabbir Ekoloġiku: IP/12/18

Kuntatti :

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website