Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-14 ta' Marzu 2013

Inwaqqfu l-prattiċi kummerċjali qarrieqa: Il-Kummissjoni Ewropea se tieħu azzjoni biex issaħħaħ l-infurzar kontra l-prattiċi kummerċjali inġusti

Brussell, l-14 ta’ Marzu 2013 — Illum, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet serje ta’ azzjonijiet biex tindirizza l-prattiċi kummerċjali aggressivi madwar l-UE bħal pereżempju offerti “b'xejn” foloz, reklamar “bait and switch" ta’ prodotti li ma jistgħux jiġu fornuti, u l-insistenza mat-tfal. Ħames snin wara d-dħul fis-seħħ, il-Kummissjoni analizzat l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar Prattiċci Kummerċcjali Żleali u ħabbret pjanijiet biex iżżid l-infurzar tar-regoli sabiex tiżdied il-fiduċja taċ-ċittadini meta jixtru mis-suq intern tal-Ewropa.

L-inizjattiva hija parti mill-azzjoni tal-Kummissjoni biex tagħti spinta lill-fiduċja tal-konsumaturi skont l-Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej (IP/12/491). Meta jixtru onlajn bejn il-fruntieri tal-UE, il-konsumaturi jistgħu jibbenefikaw minn massimu ta’ 16-il darba aktar prodotti minn fejn jagħżlu, iżda 60 % tal-konsumaturi għadhom mhux qed jieħdu vantaġġ minn dan. Dan qed iwassal biex il-konsumaturi ma jibbenefikawx bis-sħiħ mill-varjetà tal-għażla u l-prezzijiet orħos li jeżistu fis-Suq Uniku. It-titjib tal-fiduċja tal-konsumaturi billi jiġu infurzati aħjar ir-regoli jista' jagħti spinta kbira lit-tkabbir ekonomiku fl-Ewropa. L-istħarriġ juri li issa aktar konsumaturi huma interessati jixtri minn pajjiżi oħra u huma lesti jonfqu aktar flus f'pajjiż ieħor milli kienu fl-2006, meta r-regoli tal-UE kienu għadhom mhumiex fis-seħħ.

“L-infiq tal-konsumaturi jammonta għal 56 % tal-PDG tal-UE, iżda n-nuqqas ta’ fiduċja li għandhom il-konsumaturi fix-xiri transfruntier fl-UE ifisser li għadna m’aħniex nisfruttaw il-potenzjal sħiħ tas-Suq Uniku,” qalet il-Viċi President Reding li hija wkoll il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja. “Għandna fis-seħħ regoli tajbin li jipproteġu lill-konsumaturi, iżda jeħtieġ li niżguraw li dawn jiġu infurzati aħjar, speċjalment fil-każijiet transfruntieri. Irrid nara tolleranza żero man-negozjanti diżonesti biex b’hekk il-konsumaturi jkunu jafu eżattament x’qegħdin jixtru u li mhumiex qed jiġu misruqa. Dak ifisser ukoll approċċ koerenti għall-infurzar tal-istess sett ta' regoli."

Bis-saħħa tad-Direttiva dwar il-Prattiċi Kummerċjali Żleali, l-għassiesa nazzjonali tal-protezzjoni tal-konsumaturi kellhom il-ħila jrażżnu firxa wiesgħa ta’ prattiċi kummerċjali inġusti, bħal pereżempju l-għoti lill-konsumaturi ta’ informazzjoni li ma tkunx vera jew l-użu ta’ tekniki aggressivi li jinfluwenzaw l-għażliet tagħhom. Bis-sostituzzjoni ta' 27 reġim nazzjonali b’sett wieħed ta’ regoli, id-Direttiva ssimplifikat ir-regoli dwar il-prattiċi kummerċjali inġusti, u b’hekk sar aktar faċli għall-konsumaturi li jkunu jafu x’inhuma d-drittijiet tagħhom, irrispettivament minn fejn fl-UE jkunu qed jixtru. Iżda kemm il-konsumaturi kif ukoll il-kummerċjanti għadhom qed jiffaċċjaw inċertezza dwar kif dawn ir-regoli se jiġu infurzati mill-korpi nazzjonali differenti tal-infurzar.

Fl-2010 erbgħa minn kull ħames konsumaturi onlajn fl-UE (81 %) użaw websajt tat-tqabbil tal-prezzijiet. Madankollu, dawn l-għodod jistgħu biss jgħinu biex tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi jekk jagħtu informazzjoni ċara u preċiża - li fil-preżent mhuwiex bilfors il-każ. Diversi partijiet interessati indikaw problemi bil-websajts tat-tqabbil tal-prezzijiet, speċjalment fir-rigward tat-trasparenza u s-sħuħija tal-informazzjoni mogħtija.

Aktar minn hekk, kwistjonijiet rikorrenti jew prattiċi kummerċjali emerġenti, bħal dawk li jseħħu fl-ambjent onlajn, ta' spiss ikollhom dimensjoni transfruntiera u joħolqu diffikultajiet komuni għall-uffiċjali tal-infurzar nazzjonali. Dan jitlob approċċ aktar koerenti lejn l-infurzar.

Bħala eżempju, attur prinċiplali fis-suq fil-qasam tal-apparat elettroniku ġie mmultat minn entità tal-infurzar nazzjonali talli offra lill-konsumaturi garanzija ta' sentejn fuq il-prodotti tiegħu bi ħlas, minkejja li l-konsumaturi diġà għandhom dritt għal dan is-servizz b’xejn skont il-liġi tal-UE. Fid-dawl li qamu diffikultajiet simili fi Stati Membri oħra, il-Viċi-President Viviane Reding kitbet lill-Ministri tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi kollha biex tiġbdilhom l-attenzjoni dwar dan il-każ u tara x’qed isir fir-rigward tal-azzjoni ta' infurzar fuq il-livelli nazzjonali. It-tweġibiet li waslu jenfasizzaw in-nuqqas ta' konsistenza fl-interpretar u l-infurzar tad-Direttiva mill-awtoritajiet nazzjonali.

Il-Kummissjoni għalhekk se taħdem biex tieħu rwol aktar prominenti biex issaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-entitajiet nazzjonali tal-infurzar billi:

  • Issaħħaħ l-effiċjenza tan-netwerk Ewropew tal-protezzjoni tal-konsumaturi u tippromwovi aktar l-azzjonijiet ta' infurzar koordinati (“sweeps”);

  • Tassisti lill-Istati Membri japplikaw b'mod effettiv id-Direttiva billi tigwidahom u tikkondividi l-aħjar prassi;

  • Tiżviluppa indikaturi tal-infurzar biex jinkixfu n-nuqqasijiet u l-fallimenti li jeħtieġu aktar investigazzjoni u/jew azzjoni korrettiva;

  • Torganizza laqgħat ta' ħidma tematiċi regolari bejn l-uffiċjali tal-infurzar nazzjonali u torganizza taħriġ għall-ufiċjali tal-infurzar u l-ġudikatura.

Is-swieq tal-ivvjaġġar u t-trasport, dak diġitali, tas-servizzi finanzjarji u l-proprjetà ġew identifikati bħala l-akbar setturi fejn il-konsumaturi għadhom mhux qed igawdu l-vantaġġi sħaħ u fejn huma meħtieġa iktar sforzi. Barra minn hekk, l-uffiċjali tal-infurzar jeħtiġilhom jiffukaw aktar fuq il-pretensjonijiet ambjentali "ħodor" mill-bejjiegħa bl-imnut, li ħafna drabi jkunu ġeneriċi wisq, vagi u mhux dejjem jintużaw b’mod responsabbli.

Kuntest

Id-Direttiva 2005/29/KE dwar il-Prattiċi Kummerċjali żleali, adottata fl-2005, tistabbilixxi regoli armonizzati biex jiġu indirizzati l-prattiċi kummerċjali inġusti. Tiżgura li l-konsumaturi ma jkunux mqarrqa jew esposti għal reklamar aggressiv u li kull pretensjoni li jagħmlu l-kummerċjanti fl-UE tkun ċara, preċiża u sostanzjata b'mod li l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati u li jagħmlu sens. Id-Direttiva għandha wkoll l-għan li tiżgura, tippromwovi u tipproteġi l-kompetizzjoni ġusta fil-qasam tal-prattiċi kummerċjali. Għandha ambitu wiesa’ u tapplika għas-setturi ekonomiċi kollha.

Dispożizzjonijiet speċifiċi jimpedixxu l-isfruttament ta’ konsumaturi vulnerabbli, bħalma huma t-tfal. Id-Direttiva tinkludi wkoll “Lista Sewda” ta’ prattiċi, bħal “reklamar li jservi ta’ lixka” u “offerti b’xejn foloz”, li huma pprojbiti f'kull ċirkostanza.

Fir-rapport tal-lum, l-Istati Membri u l-partijiet interessati indikaw li n-nuqqas ta’ riżorsi, il-kumplessità tal-proċeduri interni u n-nuqqas ta’ sanzjonijiet ta’ deterrent jheddu l-applikazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni.

Is-Samit tal-Konsumaturi Ewropej tat-18 u d-19 ta' Marzu 2013 organizzat mill-Kummissjoni se jipprovdi opportunità ta' diskussjoni, mal-partijiet interessati kollha, dwar soluzzjonijiet konkreti li jtejbu l-infurzar tad-drittijiet tal-konsumaturi fil-fruntieri nazzjonali u bejniethom sabiex jiġu esplorati modi ta' reazzjonijiet effettivi għall-każijiet ta' rilevanza għall-UE fis-Suq Uniku.

Għal aktar tagħrif

Il-pakkett għall-ġurnalisti — Prattiċi inġusti għall-konsumaturi:

http://ec.europa.eu/justice/newsroom/consumer-marketing/news/130314_en.htm  

Il-Komunikazzjoni "Il-kisba ta' livell għoli ta' protezzjoni għall-konsumaturi Nibnu l-fiduċja fis-Suq Intern"

http://ec.europa.eu/justice/consumer-marketing/files/ucpd_communication_en.pdf

Rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE dwar il-prattiċi kummerċjali żleali

http://ec.europa.eu/justice/consumer-marketing/files/ucpd_report_en.pdf

Studju dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE fl-oqsma tas-servizzi finanzjarji u l-proprjetà immobbli

http://ec.europa.eu/justice/newsroom/consumer-marketing/news/130108_en.htm

Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-prattiċi kummerċjali żleali:

http://ec.europa.eu/justice/consumer-marketing/unfair-trade/index_en.htm

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President u l-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/reding

Kuntatti:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website