Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Lisbona/Brussell, l-14 ta' Marzu 2013

eTwinning: l-aqwa proġetti skolastiċi internazzjonali tas-sena

L-aqwa proġetti skolastiċi tal-etwinning tas-sena se jiġu onorati waqt l-għoti tal-Premijiet fil-kuntest tal-iskema eTwinning illum f'Lisbona. L-ewwel premju ta' din is-sena ngħata lill-proġett 'Rainbow Village' li ġabar flimkien studenti ta' bejn it-12 u l-15-il sena minn Franza, il-Greċja, ir-Renju Unit, it-Turkija, l-Italja, is-Slovakkja u l-Polonja. L-istudenti ħolqu dinja virtwali postapokalittika u esploraw temi bħas-soppravivenza, il-konservazzjoni u ċ-ċittadinanza. In-netwerk tal-eTwinning hija klassi virtwali li fiha l-istudenti u l-għalliema minn 100,000 skola fi 33 pajjiż Ewropew jieħdu sehem fi proġetti interattivi permezz tal-Internet. Fiċ-ċerimonja ta' waranofsinhar se jitħabbru b'kollox disa' premijiet (ara hawn taħt).

Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, qalet: "Minn qalbi nawgura lill-iskejjel kollha rebbieħa: intom l-ewwel fil-klassi! F'din is-sena ddedikata liċ-ċittadini, kuntenti li rebaħ dak il-proġett li ffoka fuq iċ-ċittadinanza. Aħna kburin ħafna bis-suċċess tal-iskema eTwinning. Minbarra li tagħti sens ta' kburija fil-livell lokali u dak Ewropew liż-żgħażagħ, din l-iskema tippermettilhom li jwessgħu l-orizzonti tagħhom u jitgħallmu kif għandhom isiru ċittadini attivi tal-Ewropa."

Ir-rebbieħa, magħżula minn fost 300 sottomissjoni, huma maqsuma fi tliet gruppi ta' etajiet (4-11, 12-15, 16-19) u hemm sitt premijiet oħrajn għall-kategoriji speċifiċi: il-premijiet għal proġetti bil-lingwa Spanjola, Franċiża, Ġermaniża u Ingliża, il-Premju Marie Skłodowska Curie għall-matematika u x-xjenza, u l-Premju Mevlana għall-għarfien interkulturali.

Il-proġett rebbieħ fil-kategorija ta' bejn l-4 u l-11-il sena huwa 'Friends Fur-ever', li t-tema tiegħu hija l-klieb bħala l-aqwa ħbieb tal-bniedem u li fuqu ħadmu skejjel li jinsabu fir-Rumanija, fil-Polonja u fil-Portugall. Ir-rebbieħa tal-kategorija ta' bejn is-16 u d-19-il sena ħolqu proġett abbażi tal-avventuri ta' "Pek, the Traveller Flea" u f'dan il-proġett l-istudenti kellhom iċ-ċans jiktbu t-test, ipinġu l-kartuns u jagħmlu traduzzjonijiet. L-iskejjel involuti jinsabu fi Franza, fi Spanja, fl-Italja, fit-Turkija, fil-Bulgarija, fil-Portugall u fir-Repubblika Ċeka.

Il-premju għal-lingwa Spanjola nqasam bejn skejjel fl-Italja, fi Spanja, fil-Portugall u fid-Danimarka; il-premju għal-lingwa Franċiża intrebaħ minn skejjel li jinsabu fl-Italja u fil-Polonja; skejjel fi Franza, fil-Polonja u fil-Greċja qasmu l-premju għal-lingwa Ġermaniża, filwaqt li l-premju għal-lingwa Ingliża inqasam bejn studenti fil-Greċja, fil-Latvja, fi Franza, fl-Awstrija u fil-Portugall.

Il-Premju Marie Skłodowska Curie mar għall-proġett bl-isem 'Fly Me to The Moon' li ħallat flimkien osservazzjonijiet xjentifiċi jew kejl xjentifiku mar-riċerka dwar tradizzjonijiet u twemmin lokali. L-iskejjel rebbieħa jinsabu fis-Slovenja, fi Franza, fil-Greċja, fi Spanja, fil-Polonja u fit-Turkija.

Ir-rebbieħa tal-Premju Mevlana ħadmu fuq proġett bl-isem 'Intercultural dialogue through fairy tales, drama and art'. Dan il-proġett ġabar flimkien studenti u għalliema minn 29 pajjiż li kkollaboraw sabiex isiru familjari mal-kulturi differenti ta' kull pajjiż tal-iskola msieħba.

Kuntest

Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premijiet f'Lisbona se ssir waqt konferenza li se tiġbor flimkien 500 għalliem minn 33 pajjiż Ewropew. Dawn se jkunu qed jaqsmu l-ideat tagħhom flimkien ma' metodi ġodda ta' tagħlim, ibbażati, pereżempju, fuq l-aħjar użu mill-ICT.

L-iskema eTwinning hija parti mill-programm Comenius tal-UE u tirċievi madwar € 10 miljun f'fondi kull sena. L-iskema ma tiffinanzjax proġetti individwali iżda toffri għodod u tappoġġja lill-għalliema u lill-istudenti, pereżempju permezz tal-portal eTwinning u seminars għall-għalliema.

Is-Servizzi Nazzjonali ta' Appoġġ fil-pajjiżi kollha tal-UE, kif ukoll il-Kroazja, l-Islanda, in-Norveġja, it-Turkija, l-Isvizzera u Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, jippromwovu t-taħriġ u joffru appoġġ onlajn u permezz tat-telefown.

Studju riċenti sab li l-eTwinning huwa mod faċli u kosteffiċjenti kif l-iskejjel jimpenjaw rwieħhom fil-kooperazzjoni internazzjonali. Sab ukoll li l-għalliema involuti fl-eTwinning tejbu l-ħiliet tagħhom, ir-relazzjonijiet tagħhom mal-istudenti u żviluppaw in-netwerks professjonali tagħhom. L-istudenti ħassewhom aktar motivati u ħadmu aħjar f'tim.

Bħala parti mill-programm il-ġdid Erasmus għal kulħadd li se jibda fl-2014, il-Kummissjoni pproponiet li tiżviluppa l-eTwinning bħala pjattaforma għall-iskejjel kollha li jixtiequ jikkooperaw lil hinn mill-fruntieri tagħhom bl-appoġġ tal-UE.

L-iskema eTwinning tikkontribwixxi għall-għanijiet tal-UE ta' titjib fil-kompetenza diġitali u ta' tagħlim kollaborattiv minn xulxin. Aktar tard din is-sena, il-Kummissjoni se tippubblika strateġija dwar kif "Inwessgħu l-Edukazzjoni" (Opening-up Education) sabiex ittejjeb l-iżvilupp tal-edukazzjoni u l-ħiliet permezz ta' teknoloġiji ġodda u riżorsi edukattivi miftuħa

Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Kummissjoni nediet 'l-eTwinning Plus', li testendi n-netwerk għall-iskejjel fl-Armenja, l-Azerbajġan, il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukraina. Il-Kummissjoni tippjana wkoll li bil-mod il-mod testendi l-iskema għall-pajjiżi ġirien li jinsabu fin-Nofsinhar, billi tibda mit-Tuneżija (IP/13/183)

Għal aktar tagħrif

websajt dwar il-konferenza tal-eTwinning

Il-Kummissjoni Ewropea: il-Programm Comenius

Il-Kummissjoni Ewropea: Erasmus għal Kulħadd (2014-2020)

Il-websajt ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatti :

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website