Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Azzjonijiet Marie Curie: Il-Kummissjoni tilqa’ l-offerti għal EUR 227 miljun f’għotjiet għar-riċerka

Commission Européenne - IP/13/223   15/03/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 15 ta' Marzu 2013

Azzjonijiet Marie Curie: Il-Kummissjoni tilqa’ l-offerti għal EUR 227 miljun f’għotjiet għar-riċerka

Il-Kummissjoni Ewropea qed tilqa’ l-offerti għall-aħħar parti tal-għotjiet tal-fellowships tal-Marie Curie allokati taħt is-Seba’ Programm Qafas għar-Riċerka (FP7, 2007-2013). Din is-sena madwar EUR 227 miljun, l-ikbar ammont li qatt kien offrut mill-fond tal-Azzjonijiet Marie Curie, se jingħataw lil madwar 1000 riċeraktur bl-esperjenza. Il-proċess tal-applikazzjoni se jdum għaddej sal-14 ta’ Awwissu 2013.

Il-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-fond Marie Curie, Androulla Vassiliou, qalet: “Fi żminijiet baġitarji rigorużi, l-infiq pubbliku jrid ikun immirat lejn politiki li jiġġeneraw l-ikbar benefiċċji għaċ-ċittadini u l-ekonomija Ewropea. L-għotjiet tagħna tal-fellowships ta’ Marie Curie jiżguraw l-appoġġ għal riċerka eċċellenti f’oqsma bħall-kura tas-saħħa, li tista’ tirriżulta fi skoperti li jittrasformaw il-ħajja ta’ miljuni ta’ nies. Benefiċjarji riċenti tal-Marie Curie wettqu, pereżempju, riċerka storika mmirata lejn l-indirizzar ta’ mard bħal Ħepatite C u l-malarja.”

Il-fellowships individwali tal-Marie Curie jappoġġaw il-mobbiltà tar-riċerkaturi fl-Ewropa u lil hinn minnha – kif ukoll jgħinu jattiraw l-aħjar riċerkaturi barranin biex jaħdmu fl-UE. “Il-prestiġju tal-Azzjonijiet Marie Curie u l-pakkett eċċellenti li joffru mmotivaw l-applikazzjoni tiegħi. Għenuni naħdem f’Londra u nistabbilixxi netwerk kbir ta’ kollaboraturi internazzjonali,” qal Armando Arias Esteban minn Madrid, li għamel fellowship intra-Ewropew ta' sentejn ġewwa l-Imperial College.

Il-fellowships individwali se jkomplu jingħataw taħt l-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie il-ġodda bħala parti mill-programm Orizzont 2020, li se jibda fl-2014.

Biex tapplika jekk jogħġbok mur fuq

http://ec.europa.eu/research/participants/portal/page/funding

Sfond

X’inhuma l-Azzjonijiet Marie Curie?

L-Azzjonijiet Marie Curie jippromwovu l-karrieri fir-riċerka fl-Ewropa permezz ta’ skemi ta’ finanzjament amministrati mill-Aġenzija Eżekuttiva tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea. Il-baġit tal-2007-2013 għall-Azzjonijiet Marie Curie jammonta għal EUR 4.7 biljun. Kważi nofs (48 %) il-finanzjament jappoġġa t-taħriġ fid-dottorati (PhD) għar-riċerkaturi, fejn 24 % jiġu allokati għall-fellowships għal riċerkaturi li għandhom iktar minn erba’ snin ta’ esperjenza minn wara l-Masters. Li jifdal jappoġġa s-sħubiji bejn l-industrija u l-akkademja, l-għotjiet għall-integrazzjoni tal-karrieri (għar-riċerkaturi li jkunu qed jirritornaw lejn l-UE), l-iskemi ta’ tpartit u l-azzjonijiet speċifiċi ta’ appoġġ bħal-Lejla tar-Riċerkaturi tal-UE.

Mill-2007, iktar minn 4000 għotja ta’ fellowships tal-Marie Curie ngħataw lil riċerkaturi li jaħdmu f’50 pajjiż u jirrappreżentaw iktar minn 90 nazzjonalità. Kważi EUR 780 miljun ġew allokati s’issa għall-fellowships individwali, fejn il-medja ta’ għotja hija ta’ EUR 195 000. L-għotja normalment tkopri salarju ta’ sentejn, konċessjoni għall-mobbiltà, spejjeż tar-riċerka u spejjeż ġenerali għall-istituzzjoni ospitanti. Madwar 37 % tal-benefiċjarji huma nisa. Id-destinazzjonijiet mexxejja għall-fellows tal-Marie Curie huma r-Renju Unit, segwit mill-Istati Uniti, Franza, il-Ġermanja u l-Isvizzera. 75 pajjiż ieħor ukoll jospitaw il-fellows tal-Marie Curie.

Kif jaħdmu l-fellowships individwali?

Ir-riċerkaturi individwali jissottomettu l-proposti għall-finanzjament flimkien mal-organizzazzjoni ospitanti ppjanata tagħhom. Esperti indipendenti jagħżlu r-riċerkaturi li jkunu se jirċievu l-finanzjament, abbażi tal-eċċellenza tagħhom, l-approċċ tar-riċerka innovattiva u t-taħriġ, kif ukoll l-appoġġ offrut mill-organizzazzjoni ospitanti u l-prospetti tal-karriera tar-riċerkatur fil-futur.

Huma appoġġati tliet tipi ta’ fellowships individwali:

  • Fellowships Intra-Ewropej (IEF - Intra-European Fellowships) li jappoġġaw l-akkwist tal-għarfien u abbiltajiet ġodda f’pajjiż ieħor ġewwa l-Ewropa.

  • Fellowships Internazzjonali tal-Ħruġ (IOF - International Outgoing Fellowships) li joffru lir-riċerkaturi ċ-ċans li jakkwistaw għarfien ġdid f’organizzazzjoni ta’ livell għoli barra mill-Ewropa. Bħala parti mill-ftehim tal-għotja, ir-riċerkaturi jridu jiġu lura l-Ewropa u jikkondividu dan l-għarfien.

  • Fellowships Internazzjonali tad-Dħul (IIF - International Incoming Fellowships) li jgħinu lir-riċerkaturi minn barra l-Ewropa biex jitħarrġu ġewwa istituzzjoni Ewropea.

X’se jiġri mill-fellowships individwali wara l-2014?

Il-fellowships individwali se jinżammu permezz tal-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie taħt Orizzont 2020, bl-għażla li wieħed jista’ jqatta’ perjodu ta’ żmien f’organizzazzjoni ta’ tip ieħor (eż. kumpanija). Id-dettalji tal-programm għadhom qed jiġu diskussi mill-Istati Membri u l-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni Ewropea qed tistenna li tippubblika l-ewwel sejħa ġdida għall-applikazzjonijiet individwali tal-fellowships sal-aħħar tal-2013.

Għal aktar tagħrif

Il-Kummissjoni Ewropea: Education and training

Is-sit tal-internet ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Azzjonijiet Marie Curie u FP7

Unjoni tal-Innovazzjoni u l-Istrateġija Ewropa 2020

Aġenzija Eżekuttiva tar-Riċerka

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site